Ġwanni Pawlu II f’Magonza

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA. QUDDIESA GĦALL-ĦADDIEMA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Magonza, 16 Novembru 1980

Għeżież ħuti!

1. “Grazzja lilkom u paċi minn Alla, Missierna, u mingħand Sidna Ġesù Kristu” (Fil 1,2). B’dan l-awgurju ta’ barka tal-Appostlu insellmilkom b’qalbi kollha. It-tislima fraterna tiegħi hija għall-meqjum Isqof tad-dijoċesi ta’ Magonza, is-Sinjur Kardinal Herrmann Volk u l-Isqfijiet u s-saċerdoti hawn preżenti: b’mod partikolari, iżda, hija llum, għeżież ħaddiema rġiel u nisa kattoliċi tal-qrib u tal-bogħod.

Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd, il-kelma ta’ Alla,. Li smajna b’ġabra ntima, tiddisponina b’mod partikolari biex niffaċċjaw temi mportanti, li huma proposti mill-preżenza tagħkom u mill-kliem ta’ tislim li ġew indirizzati lili fil-bidu.

Il-laqgħa mad-dinja tax-xogħol, li saritli possibbli f’Magonza, maġemb il-qabar ta’ prekursur kbir u appostlu tal-kwistjoni soċjali tas-seklu li għadda, jiġifieri tal-Isqof ta’ Magonza Guglielmo Emanuele von Ketteler, iġġibli tifkiriet ħajjin ta’ serje sħiħa ta’ laqgħat simili fiż-żmien tas-servizz tiegħi għas-sedja ta’ San Pietru (Guadalajara u Monterrey fil-Messiku, il-laqgħa f’Jasna Gora fil- Polonja mal-massa kbira ta’ minaturi u ta’ metalmekkaniċi tas-Slesja, Limerick fl-Irlanda, Des Moines fl-Istati Uniti, f’Torin, l-ikbar belt industrijali tal-Italja, f’Saint-Denis fil-qasam ta’ Pariġi, fl-aħħar ġo Sao Paolo fil-Brsażil).Dawn huma dejjem laqgħat partikolarment importanti mhux biss mill-punt di vista soċjali, imma wkoll evanġeliku. Il-problema tax-xogħol uman titqiegħed fiċ-ċentru ta’ dak il-patt, li l-Ħallieq ikkonkluda mal-bniedem, magħmul xbiha u xebħ tiegħu, u li hu wettaq u ġedded mill-ġdid f’Ġesù Kristu, li għexu hu stess għal bosta snin, ġewwa Nażżaret, f’ħanut tax-xogħol.

Għalhekk mhemmx għalfejn wieħed jistagħgeb li l-kwistjoni soċjali, marbuta bħal fis-sies mar-realtà tax-xogħol uman, tieħu post ċentrali fid-dikjarazzjonijiet tal-maġisteru ekkleżjastiku. Din tappartieni b’mod irrinunċjabbli għax-xandir tal-Vanġeliu, b’mod speċjali fid-dinja preżenti.

Jekk għal dan se niffaċċjaw it-tema tallum, irridu nsegwu l-leħen tal-liturġija. Li tippreżentana “quddiem il-Mulej li ġej / sabiex jiġi jiġġudika l-art. / Se jiġġudika d-dinja b’ġustizzja / u b’verità l-ġnus kollha” (Sal 95 [96],13).

Il-konfigurazzjoni tal-ġustizzja umana u bil-qies li għandu jkun applikat lill-kwistjoni soċjali kollha, li għadha dejjem tespandi, għandhom ikunu murija mill-prospettiva definittiva tal-ġustizzja ta’ Alla nnifsu. Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd, il-Ħadd ta’ qabel l-aħħar tas-sena liturġika, hija ta’ għajnuna mhux ftit.

2. Fil-qari mit-tieni ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin it-tema tax-xogħol uman tiġi ttrattata b’mod miftuħ u dirett għal kollox a bażi tal-esperjenza personali tal-Appostlu: “aħna ma għixniex fil-għass fostkom, linqas ma kilna l-ħobż ta’ xiħadd bla ħlas, imma ħdima bi tbatija lejl u nhar, biex ma nkunux ta’ piż għal xiħadd minnkom. Mhux għax ma kellniex dritt, imma biex nagħtukom lilna nfusna bħala eżempju x’timitaw” (2Ts 3,7-9).

Pawlu ta’ Tarsu għaqqad il-missjoni tiegħu u s-servizz apostoliku max-xogħol, max-xogħol ta’ artiġjan. Bħal Kristu għaqqad l-opra tar-redenzjoni tiegħu max-xogħol gfil-ħanut ta’ Nażżaret, hekk Pawlu għaqqad l-apostolat max-xogħol ta’ jdejh. Jalla dan ikun appell għal bosta fostkom, anzi għalikom ilkoll, appell lid-dinja kollha nisranija tax-xogħol: araw il-problema tax-xogħol fid-dimensjoni tal-opra tar-redenzjoni u għaqqdu x-xogħol mal-apostolat! Il-Knisja ta’ żmienna għandha bżonn b’mod partikolari ta’ dan l-apostolat tax-xogħol: tal-apostolat tal-ħaddiema u tal-apostolat f’nofs il-ħaddiema, biex idawwal bid-dawl tal-Vanġelu dan is-settur wiesà tal-ħajja. Propju bħal ma għamel l-Isqof Ketteler! Dwar ix-xogħol tal-bniedem hemm bżonn li jiddi d-dawl tal-verità u tal-imħabba ta’ Alla! Huwa m’għandux ikun ristrett mid-dellijiet tal-inġustizzja, tal-isfruttament, tal-mibegħda u tal-umiljazzjoni tal-bniedem!

Għal dan l-apostolat tidħol biċċa xogħol kbira fil-pastorali tal-ħaddiema fid-dijoċesijiet u fil-komunitajiet kif ukoll għall-effiċjenza tal-assoċjazzjonijiet tagħkom, li jiddedikaw ruħhom b’mod speċjali għad-dinja tax-xogħol. Evidentement il-ħaddiema jħossu iktar minn oħrajn l-effett ta’ ħsara ta’ iżolament intimu, mat-toqol kollu li jsegwi għall-fidi. Nixtieq insejjaħ għal sforzi ġodda u enerġiċi b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tagħkom, li diġa għandhom, għal diversi mottivi, miksuba merti storiċi, b’mod partikolari l-moviment kattoliku ta’ dawk li jagħtu x-xogħol, iż-żgħażagħ ħaddiema nsara u l-opra ta’ Kolping – għall-imħabba tal-bnedmin maħluqa minn Alla u mifdija minn Kristu.

3. Fit-tieni ittra lit-Tessalonkin naqraw: “Lil dawn it-talin nordnaw, waqt li nħeġġuhom fil-Mulej Ġesù Kristu, biex jieklu l-ħobż tagħhom waqt li jaħdmu fil-paċi” (2Ts 3,12). Ftit qabel l-Appostlu kien esprima l-istess ħsieb b’mod iktar konċiż: “Min ma jridx jaħdem, linqas m’għandu jiekol” (2Ts 3,10).

Dan il-kliem ċar, moqri fil-kuntest tal-iżvilupp tallum tal-kwistjoni soċjali, iwassalna biex infakkru l-prinċipji tad-duttrina soċjali kattolika.  Dawn kienu esposti, wara l-Enċiklika “Rerum Novarum” maħruġa mill-meqjum predeċessur tiegħi Ljun XIII fis-sena 1891, f’dikjarazzjonijiet bla numru tal-maġisteru ekkleżjastiku, b’mod speċjali mill-Konċilju Vatikan II, b’attenzjoni pastorali mqanqla b’mod profond; kienu spjegati f’epoki numerużi minn bosta studjużi ksattoliċi, b’mod speċjali tal-lingwa tedeska, u mxandra lill-poplu nisrani ħaddiem mill-isforz multiplu ta’ rgħajja żelanti u ta’ lajċi responsabbli. Tħallux iddejjaqkom b’mod deplorevoli din l-eredità spiritwali ta’ kredenti prekursuri fil-kamp tal-kwistjoni soċjali, ħallu bil-maqlub li din twassal frott konkret għall-problemi qodma u ġodda li jinkwetawkom.

Fiċ-ċentru tar-riflessjonijiet kollha dwar id-dinja tax-xogħol u dwar l-ekonomija dejjem għandu jkun hemm il-bniedem.

Bil-ġustizzja oġġettiva kollha mitluba, għandu dejjem ikun deċiżiv ir-rispett għad-dinjità intanġibbli tal-bniedem, mhux biss tal-ħaddiem individwali, imma wkoll tal-familja tiegħu, mhux biss tal-bnedmin tallum, imma wkoll tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Minn dan il-prinċipju, li jesiġi, ferm iktar mill-imgħoddi, bidla fil-ħsieb, jinżel ukoll id-dawl fuq il-fehim tal-problemi f’pajjiżkom, li hawn nistà nfakkar biss fil-qosor, imma li tagħhom jien mgħarraf sewwa.

Nsaħseb, pereżempju, dwar dawk li l-post tagħhom tax-xogħol jinsab fil-periklu jew inkella tilfuh.

Ristrutturazzjoni tal-gruppi tistà turi, wara prova iktar eżatta, meħtieġa; u iktar ma wieħed jaraha b’mod seren, ferm aħjar. Qatt iżda l-ħaddiema, li għal bosta snin taw l-almu tagħhom, m’għandhom ikunu l-uniċi li jsofru l-iżvantaġġi! Kunu solidali magħhom u għinuhom isibu xogħol kwalifikanti ġdid. Diġa tajtu eżempji nkuraġġanti.

Nsaħseb fil-ħaddiema li sejjaħtu minn pajjiżi oħra u li flimkien magħkom ħolqu dak li qegħdin illum tgawdu. Fil-problemi li tqanqlu u s-sens ta’ responsabiltà se jsibilkom soluzzjonijiet, li ma jweġġgħux is-sensibiltà umana tagħhom u jwieġbu għall-ġid spiritwali tal-familji tagħhom.

Problemi oħrajn u ferm iktar profondi joħorġu minn irritazzjonijiet tagħna dejjem b’mod iktar spiss kontra l-limiti tal-iżvilupp ekonomiku. Ukoll jekk ma rridux, il-progress iġegħlna ninqatgħu mill-pretensjonijiet tagħna u niċċaħdu minn xi ħaġa, biex naqsmu b’mod paċifiku il-ġid limitat mal-ikbar numru possibbli ta’ bnedmin. Jekk il-klima soċjali tibda biex tibbies, il-proċessi suċċessivi ta’ bidla ikunu superabbli biss b’mod oġġettiv u b’kollaborazzjoni solidali bejn kulħadd.

4. Fil-konsiderazzjoni ta’ dawn il-problemi mportanti rigward il-ġustizzja u benesseri soċjali wiesà ma nistgħu qatt ningħalqu fil-fruntieri ta’ pajjiż, ta’ komunità ta’ pajjiżi jew ukoll ta’ kontinent. Il-kwistjoni soċjali illum għandha dimensjoni umana ta’ natura mondjali. Dan joħroġ b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet tal-maġisteru tal-aħħar Papiet (“Mater et Magistra”, “Populorum Progressio”) u mill-Konċilju Vatikan II. Jekk spiss jingħad li minn dan il-punt di vista hemm tensjoni bejn il-Punent u l-Lvant, hija xejn inqas sinifikanti, iżda, it-tensjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

Bi “Tramuntana” nifhmu iż-żona tal-pajjiżi sinjuri li jgħixu f’ċerta abbundanza. In-“Nofsinhar”, speċjalment l-hekk imsejħa tielet dinja, iqegħdilna quddiem għajnejna dik il-faxxa ta’ pajjiżi li l-popolazzjonijiet tagħhom mill-punt di vista ekonomiku spiss huma sottożviluppati, jgħixu ħajja iebsa, u saħansitra huma esposti għal ġuħ iebes ħafna sal-mewt.

Bħala ċittadini għandkom id-dmir li toħolqu klima politika, li tassikura l-istat, b’mod speċjali dawk sinjuri, li jassistu b’għajnuniet effikaċi l-iżvilupp fil-forom kollha meħtieġa lil dawk il-pajjiżi żvantaġġjati u mhux rarament sfruttati.

Bħala kattolċi bdejtu minn ħafna snin ilu fl-istituzzjonijiet soċjali tagħkom tagħrfu b’mod eżemplari u b’miżura krexxenti il-koresponsabbiltà tagħkom għal dimensjonijiet mondjali. La tiqfux mill-isforzi tagħkom! Iftħu b’mod iktar profond qalbkom għall-bżonnijiet kultant iddisprati ta’ dawn il-pajjiżi! Bħala ragħaj suprem tal-Knisja, nixtieq f’din l-okkażjoni niżżikom ħajr b’mod ferm kordjali, ukoll f’isem dawk il-foqra u ferm foqra, għall-isforzi u s-sagrifiċċji tagħkom. B’mod partikolari niżżi ħajr lill-kredenti kollha ta’ pajjiżkom għall-aħħar sinjal ta’ solidarjetà tant kordjali, jiġifieri għall-ġabra magħmula fl-okkażjoni taż-żjara pastorali tiegħi għas-solliev mill-miżerja tant iebsa fir-reġġjun tas-Sahel fl-Afrika ċentrali.

Din id-dimensjoni mondjali tal-kwistjoni soċjali hija appell lill-koxjenza umana u nisranija tagħna, din tindika dejjem iktar it-timbru fl-aħħar kwart ta’ dan is-seklu. Ir-riċerka għal soluzzjoni min-naħa tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba u l-apostolat tal-insara kollha għandha tikber f’miżura dejjem ikbar f’din id-dimensjoni mondjali. F’isem il-Vanġelu! U fl-istess ħin f’isem is-solidarjetà umana!

5. Il-problema soċjali fid-dimensjoni storika tallum tagħha u għal kull poplu hija għall-umanità kollha b’mod strett marbuta mad-dmir ċentrali, tal-assikurazzjoni tal-paċi fid-dinja.  “Justitia et pax”.

Ġustizzja u paċi! bħal hawn waħda tiddependi mill-oħra: dan wrieħ il-Papa Ġwanni XXIII fl-enċiklika tiegħu “Pacem in Terris”. Hemm bżonn naħsbu fiha mill-ġdid, meta l-liturġija tfakkarna l-kliem ta’ Kristu dwar il-“gwerer u r-rivoluzzjonijiet”: “Iqumu poplu kontra poplu u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u l-mard li jittieħed, fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biżà u sinjali tal-għaġeb” (Lq 21,10ss).

Dan il-kliem joħroġ mid-diskors “eskatoloġiku” skont Luqa. Kristu jinnumera d-diversi sinjali għall-“għibien tad-dinja fin-niket”; dawn jirrepetu ruħhom b’mod kontinwu fl-istorja. Għal dan iżid: “Meta tisimgħu min jitkellem dwar gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih” (Lq 21,9).

Mill-ġdid infakkru b’ċarezza l-atroċitajiet tal-biżà tat-tieni gwerra mondjali, speċjalment aħna, ulied il-popli Ewropej. Infakkru dak iż-żmien ta’ qerda tremenda u ta’ niket indeskrivibbli, tal-massakru u tad-disprezz tal-bniedem. Dan m’għandu qatt jirrepeti ruħu għall-ġenerazzjonijiet ta’ wliedna u ta’ nepputijietna, qatt iktar fost il-bnedmin, linqas fil- kontinent tagħna linqas x’imkien ieħor.

Irridu bla ma naqtgħu nitolbu lil Alla, li din il-lezzjoni tal-biżà   tal-istorja ddaħħal f’ras id-dinja r-rispett tad-drittijiet ta’ kull bniedem individwali u ta’ kull poplu individwali. Kemm huwa mportanti dan fil-kontinent antik tagħna! Il-preokkupazzjoni għall-paċi m’għandha qatt tonqos fit-twettiq tal-mandat nisrani tagħna, ma tistà qatt tonqos fl-isforzi tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba,  speċjalment dawk li għandhom  f’dan responsabiltajiet partikolari.

Nittamaw li l-preokkupazzjoni għall-paċi tmexxi lil dawk kollha responsabbli biex ifittxu djalogu kontinwu dwar id-diversi problem – ikunu kemm ikunu gravi u kumplessi –, u hekk iqawwu minn jum għal ieħor dejjem iktar il-paċi tant mixtieqa. Kif nistgħu ma nixtiqux fl-istess ħin li l-laqgħa ta’ Madrid ukoll dwar is-sikurezza u l-kollaborazzjoni fl-Ewropa, tkun tistà tikkontribwixxi biex tqawwi l-paċi fir-rispett sħiħ ta’ kull bniedem individwali u ta’ kull poplu, inkluża l-libertà reliġjuża, fuq il-bażi tal-prinċipji magħrufa fl-att konklussiv ta’ Helsinki.

Jalla l-applikazzjoni effiċjenti ta’ dan il-prinċipju awtorevoli tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ta’ kull poplu ndividwali jwarrbu mill-ħajja tal-umanità kull forma ta’ imperjaliżmu, aggressjoni, dominju, sfruttament u kolonjaliżmu!

Qiegħed ngħid dan bħala iben ta’ nazzjon li tul il-korsa tas-sekli bata ħafna u kien kostrett jiddefendi b’determinazzjoni dawn id-drittijiet tal-bniedem u tal-poplu.

Isimgħu fuq dan il-għajta benediċenti tal-liturġija tallum, bil-kliem tal-profeta Malakija: jalla titla “ix-xemx tal-ġustizzja”, u jalla r-raġġi tagħha jkunu jistgħu iġibu saħħa (cf. Ml 3,20), għal kulħadd!

6. Fil-Vanġelu tallum Kristu jgħid ukoll: “Araw li ma titqarrqux! ‘Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jiena hu,’ u, iż-żmien wasal,’ Tmorrux warajhom”                                                      (Lq 21,8).

Għeżież ħuti! Nitlobkom: ibqgħu sodi, irremovibbli fil-verità tal-Vanġelu! Imxu f’dawl il-mogħdijiet tal-ġustizzja u tal-paċi! Ħadd m’għandu jqarraq bikom!

Kristu jkompli jgħid: “Imiddu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagogi u l-ħabsijiet, ikaxkrukom quddiem slaten u gvernaturi, minħabba f’ismi” (Lq 21,12).

Għeżież ħuti! Nitolbu għall-bnedmin kollha tad-dinja! Nitolbu b’mod speċjali għal ħutna fil-fidi, li d-drittijiet tagħhom jiġu miksura. Nitolbu għal dawk li jbatu minħabba ripressjonijiet, li huma mċaħħda minn dak li joħroġ mill-prinċipju tal-libertà tal-koxjenza u tar-reliġjon, madankollu dan ikompli jseħħ fid-dinja.

Kristu fl-aħħarnett jgħid: “U żommu sewwa f’moħħkom; toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jiena nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jistà jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom, u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21,14-19).

Għeżież ħuti! Aħna naħsbu dwar dawk kollha, ukoll kompatrijotti tagħkom, li kienu fidili għal din il-kelma tar-Redentur tagħna u mgħallem b’mod erojku! Ejjew nitolbu sabiex aħna lkoll nibqgħu fidili! Ejjew nitolbu lill-Mulej li jirregalalna dejjem l-ispirtu ta’ qawwa tiegħu, b’mod speċjali fis-sigħat u l-ħinijiet tal-prova! U jalla aħna jum wara l-ieħor inkunu nistgħu nirrendulu xhieda!

7. Kristu jgħid: “Dan jagħtikom l-okkażjoni li tirrendu xhieda” (Lq 21,13). Niżżuh ħajr għal dan il-kliem. Niżżuh ħajr għal din l-okkażjoni straordinarja li nistgħu nagħtu xhieda għall-Vanġelu ta’ paċi u ta’ ġustizzja, hawn f’Magonza, maġemb il-qabar ta’-pijunier kbir u appostlu ta’ dan il-Vanġelu, tal-Isqof Guglielmo Emanuele von Ketteler.

Għalikom ilkoll, li tqimu isem il-Mulej, titlà dejjem ix-xemx tal-ġustizzja u bir-raġġi tagħha tiġikom is-salvazzjoni. Amen.

F’din l-okkażjoni feliċi nixtieq nindirizza kelma ta’ awgurju u ta’ gratitudni lill-membri tal-komunità Amerikana preżenti hawnhekk. Il-kontribut tagħkom fit-tħejjija għal din il-laqgħa huwa apprezzat b’mod profond. Nitlob lill-Ispirtu ta’ Alla li jagħtikun ġustizzja, paċi u ferħ bl-abbundanza, li jkikkostitwixxu s-saltna ta’ Alla. Min-naħa tagħna, għeżież ħuti, ippermettuli eżortazzjoni bil-kliem ta’ San Pawl: “Nagħtu ruħna għall-opri tal-paċi u għall-edifikazzjoni ta’ xulxin” (Rm 14,9). L-imħabba ta’ Alla tgħammar dejjem fi qlubkom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading