Il-Vatikan jawgura li jerġa’ jiġi l-ferħ tal-kummiedja

Print Friendly, PDF & Email

Nhar is-17 ta’ April, Jum dedikat għaċ-Ċirki (nafuhom bħala kummiedji) il-Kardinal Peter Turkson, prefett tad-Dikastrija għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman fil-Vatikan, stieden lil dawk li xogħolhom hu li jferrħu lin-nies bil-kummiedja biex kemm jista’ jkun malajr jerġgħu jibdew iżuru l-postijiet fejn it-tfal u l-anzjani huma għaddejjin minn tbatija.

Il-Kardinal, li hu mill-Ghana, qal li l-iktar spettaturi li jkunu taħt it-tined tal-kummiedja huma n-nanniet u t-tfal żgħar neputijiet tagħhom. Is-sidien tal-kummiedji ħallsu prezz għoli fil-pandemija u huma xewqana għall-isplużjoni ta’ ferħ ġenwin kif toffri l-kummiedja.

F’ittra li bagħat lil Urs Pilz, il-president tal-Federazzjoni Dinjija tal-Kummiedji, il-Kardinal Turkson fakkar fil-kummiedja Rony Roller li f’Jannar tal-2020 kienet ferrħet lit-tfal fl-isptar tal-Vatikan Bambino Gesù. Il-Kardinal qal li dan kien rigal mill-artisti tal-kummiedja għat-tfal morda u ċelebrazzjoni tal-ħajja fuq it-tbatija kif ukoll ta’ ftit serħan għall-impjegati tal-isptar fil-missjoni straordinarja tagħhom. Fakkar fi kliem il-Papa Franġisku li sejjaħ lil dawk li jieħdu sehem fil-kummiedja bħala “artisti tas-sbuħija”. 

Kif ġara f’azjendi oħra, il-miżuri tal-Covid dwar laqgħat tal-massa ġabu fix-xejn il-kummiedji u n-negozju marbutin magħhom. Ħafna mill-kummiedja huma mmexxija fuq bażi ta’ familja u kellhom jiddejnu bit-tama li jerġgħu jiġu fuq saqajhom. Il-Kardinal Turkson appella għal għajnuna lill-kummiedji mill-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi. Dawn huma msejħa biex jipproteġu lil min l-aktar fil-bżonn u lis-setturi li jinsabu l-aktar vulnerabbli ekonomikament minħabba l-pandemija. 

https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-04/circus-day-vatican-message-turkson-dicastery.html

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea.