Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Fulda

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA. QUDDIESA GĦAS-SAĊERDOTI U S-SEMINARISTI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Fulda, 17 ta’ Novembru 1980

1.Meqjuma konfratelli, Kardinali, Arċisqfijiet u Isqfijiet li tikkostitwixxu l-episkopat ta’ Art Twelidkom!
Intom saċerdoti maħbubin fi Kristu, tal-presbiterju ta’ kull dijoċesi Tedeska!
Għeżież djakni!
Għeżież studenti tas-seminarji, għeżież studenit tat-tejoloġija!

Il-kliem tal-Appostlu Pietru, li llum smajna fit-tieni qari taċ-ċelebrazzjoni liturġika, donnu jassumi, hawn ġo Fulda maġemb il-qabar ta’ San Bonifaċju, ton partikolari: “Inħeġġeġ lill-anzjani li hawn fostkom, bħala anzjan bħalhom, xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu u parteċipi mill-glorja li għandi nuri: irgħu l-merħla ta’ Alla li afdalkom!” (1Pt 5,1-2).

Għaddew dsatax-il seklu minn meta nkiteb dan il-kliem, bdanakollu huwa għadu jkellimna bl-istess freskezza u qawwa; anzi jidhirli li jħabbrilna messaġġ speċjali f’dan il-waqt li fih tinsabu hawn, maġemb il-qabar tal-Isqof u martri, patrun tal-Ġermanja propju intom li lilkom indirizzat l-eżortazzjoni ta’ Pietru, bla dubju b’qies differenti: “Irgħu l-merħla ta’ Alla”. Pietru, li kien l-ewwel wieħed li semà lil Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb, din l-eżortazzjoni: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21,16) jindirizzaha bħala “l-ewwel fost l-indaqs” lil dawk kollha li kienu miegħu rgħajja tal-Knisja ta’ żmienu. B’liema tqanqil nisimgħu din is-sejħa, ladarba aħna llum ir-rgħajja tal-Knisja, fit-tieni millenju tal-kristjanità li minn hawn u ftit ieħor se jintemm! Intom, skont il-grad differenti tas-servizz tagħkom, bħala Isqfijiet, saċerdoti jew djakni intom ir-rgħajja tal-Knisja f’Art Twelidkom U intom ukoll li smajtu s-sejħa ta’ Kristu u qrgħdin tkunu mħejjija għas-servizz pastorali tas-snin futuri!

“Irgħu l-merħla ta’ Alla”. Kunu rgħajja ta’ ħutkom fil-fidi tagħkom. Fil-grazzja tal-magħmudija tagħkom u fit-tama tagħkom fis-sehem beatu għall-grazzja u għall-imħabba eterni!

2. Pietru jfakkarna fl-ittra tiegħu t-tbatijiet ta’ Kristu u wkoll il-misteru paskwali, li tagħhom huwa sar xhud. Għal din ix-xhieda tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet huwa mbagħad jorbot it-tama tas-sehem “fil-glorja li għandu jimmanifesta” (1Pt 5,1).

Il-vokazzjoni għal rgħajja fil-Knisja, is-servizz multiplu tagħkom, għandhom dejjem kullimkien l-għerq tagħhom fil-misteru ta’ Kristu li jħaddan kollox: minnu tibdew u lejh terġgħu lura, fih issibu l-qawwa għat-tkabbir u għal sosten sod; għalih isservu bil-frott tax-xogħol tagħkom.

Dan il-misteru jiġi milqugħ rejalment fil-fidi meta dawk li jservuh ikunu jixbħu lil bnedmin “li jistennew lis-sid meta jiġi lura mit-tieġ biex jiftħulu minnufih, hekk kif jasal u jħabbat” (Lq 12,36).

Is-servizz mela huwa dan: li tkunu mqajmin għar-ritorn tal-Mulej.

Metsa Ġesù beda l-passjoni tiegħu, ħa lill-Appostli miegħu fil-ġnien tal-Ġetsemani, ħa tlieta minnhom iktar ‘il ġewwa u talabhom biex jibqgħu mqajma. Meta mandankollu raqdu, mirbuħin mill-għejja, reġà lura ħdejhom u qal: “Ishru u itolbu, biex ma taqgħux fit-tentazzjoni” (Mt 26,41).

Is-servizz li qegħdin nipprovdu, għeżież ħuti, huwa mela dak li nibqgħu mqajmin għall-Mulej. Tgħasses, ifisser li tgħasses fuq il-ġid afdat. Il-ġid li ġie afdat lilna huwa infinitament prezzjuż. Hemm bżonn nipperseveraw fih b’mod kostanti. Hamm bżonn nipprofondixxu dejjem iżjed l-għeruq tal-fidi tagħna, tat-tama tagħna u tal-karità tagħna “fl-opri kbar ta’ Alla” (At 2,11); hemm bżonn nidentifikaw ruħna dejjem iktar bil-manifestazzjoni tal-Missier fi Kristu; hemm bżonn fl-aħħarnett insiru, dejjem iktar sensibbli tal-opri tal-Ispirtu Santu, li l-Mulej irregalalna u permezz tagħna jrid ikompli jirregala, permezz tas-servizz tagħna, il-qdusija tagħna, l-identità saċerdotali tagħna.

B’mod simili hemm bżonn li jkollna sentiment dejjem iktar profond tal-kobor tal-bniedem bħal ma kien immanifestat fil-misterju tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni: kemm prezzjuża hija r-ruħ ta’ kull bniedem u kemm għonja it-teżori tal-grazzja u tal-imħabba.

Nistgħu mela nikkorrispondu mat-twissijiet ta’ Pietru, li jħeġġiġna biex inwettqu s-servizz tagħna “Mhux bil-forza imma volontarjament skont Alla; minn qalbna… (bħala) mudelli tal-merħla” (1Pt 5,2.3).

3. Qegħdin naraw hawn miġburin tant distinti Isqfijiet u saċerdoti, ġejjin minn dan il-pajjiż, se nsemmi biss xi weħud tal-istorja l-iktar riċenti: l-Isqfijiet von Ketteler u Adolf Kolping – il-Kardinali von Galen, Frings, Döpfner u Bengsch – patri Alfred Delp u s-saċerdoti ordnati riċentement Karl Leisner – Karl Sonnenschein u patri Tupert Mayer – Romano Guardini u patri Kentenich.

Ejjew inħarsu lejhom b’iktar attenzjoni: kollha juruna xi tfisser din l-“għassa”; xi jfisser “tkun bit-terħa ma’ qaddejk” u  “bit-torċa tixgħel” (Lq 12,35); b’liema mod jistà jkun il-qaddej fdat u prudenti  li s-sid ippropona lis-servi tiegħu bl-inkarigu li jagħtihom l-ikel fil-ħin dovut” (Mt 24,45).

Dawn u ħafna iktar saċerdoti eżemplari tal-Knisja ta’ pajjiżkom jistgħu iġegħeluna naraw kif is-sies tal-vokazzjoni tagħna u tas-servizz kollu tagħna ta’ Isqfijiet, saċerdoti jew djakni  huwa dak il-misteru splendidu tal-qalb umana: il-misteru tal-ħbiberija ma’ Kristu, u kif permezz tal-qawwa ta’ din il-ħbiberija tikber il-vera mħabba ta’ ragħaj għall-bniedem, imħabba pura u diżinteressata li tagħha d-dinja tallum hija hekk għatxana, u b’qies partikolari l-ġenerazzjoni l-ġdida.

Naf li saċerdoti bla numru tal-Knisja ta’ pajjiżkom jisperimentaw il-ferħ u l-fortuna ta’ din l-affinità spiritwali profonda ma’ Ġesù Kristu. Imma naf ukoll li jappartienu ugwalment lill-ħajja tallum tas-saċerdoti is-sigħat tat-tbatija, tal-għejja u tal-ansjetà, tal-pretensjoni eċċessivsa u tad-delużjoni. Jiena persważ li dan jappartieni wkoll għall-ħajja ta’ dawk is-saċerdoti li jfittxu bil-qawwa tagħhom kollha li jkunu fidili lejn il-missjoni tagħhom, li jiżvolġu d-dmirijiet tal-ministeru tagħhom b’koxjenzjożità kbira. Għandna għalfejn nistagħġbu li dak li huwa b’mod hekk profond magħqud ma’ Ġesù Kristu fil-missjoni tiegħu jkollu parti wkoll fis-sigħat ta’ Ġesù fil-muntanja taż-żebbuġ?

4. Liema mediċina nistà noffrilkom f’din is-sitwazzjoni? Mhux żieda esterna ta’ attività, mhux sforzi spasmodiċi, imma meditazzjoni profonda dwar is-sens tal-vokazzjoni tagħkom, dwar dik il-ħbiberija ma’ Kristu u dwar il-ħbiberija ta’ bejnietkom. Permezz tagħkom Kristu nnifsu jrid isir viżibbli bħala ħabib ta’ kulħadd f’nofsna u f’nof il-komunitajiet tagħkom. “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, imma ħbieb” (cf. Ġw 15,15). Din il-kelma, li għadha tidwi fil-qalb tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħkom, għandha tkun in-nota fundamentali ta’ ħajjitkom. Lill-ħabib nistà ngħidlu kollox, nistà nafdalu personalment kollox: il-preokkupazzjonijiet u l-bżonnijiet kollha – ukoll il-problemi mhux spjegati u l-esperjenzi dolorużi miegħi nnifsi. Nistà ngħix bil-kelma tiegħu, bis-sagramenti tal-Ewkaristija u mhux l-aħħar tal-Qrar. Din hija l-art li fuqha tinsabu bil-wieqfa. Ikollkom fiduċja f’Ġesù Kristu, kunu fiduċjużi li huwa ma jabbandunakomx, li jagħmel li l-ministeru tagħkom jagħti l-frott, ukoll fejn b’mod estrem ma taraw ebda success immedjat. Emmnu fih; emmnu li jistenna kollox minnkom imma propja bħala ħabib jistennieh mill-ħbieb.

Il-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, dan huwa l-mottiv l-iktar profond li għalih hija hekk importanti għas-saċerdot ħajja ta’ ċelibat, totalment fl-ispirtu tal-pariri evanġeliċi. Ikollkom il-qalb u l-idejn liberi għall-ħabib Ġesù Kristu, tkunu disponibbli  totalment u twasslu mħabbtu lil kulħadd. Din hija xhieda li għall-ewwel ma tinftiehemx minn kulħadd. Imma jekk noffru din ix-xhieda minn ġewwa, jekk ngħixuha bħala forma eżistenzjali tal-ħbiberija għal Ġesù, jikber mill-ġdid fis-soċjetà il-fehim għal din il-forma ta’ ħajja, li hija msejsa fil-Vanġelu.

Il-ħbiberija ma’ Ġesù għandha bħala frott u konsegwenza l-ħbiberija ma’ xulxin. Is-saċerdoti jikkostitwixxu presbiterju madwar l-Isqof tagħhom. L-Isqof huwa dak li jirrapreżenta b’mod speċjali lil Kristu għalikom u magħkom. Min hu ħabib ta’ Kristu ma jistax ma jagħtix każ tal-missjoni tal-Isqof. Ferm iktar, isir sensibbli għall-bżonn li ma jopponix l-opinjomijiet tiegħu u l-kriterji tiegħu għall-missjoni li Kristu ta lill-Isqof. L-għaqda mal-Isqof u l-għaqda mas-suċċessur ta’ Pietru huma s-sies sod ta’ fidi li ma tistax tkun migħuxa mingħajr il-ħbiberija ta’ Kristu. Din l-għaqda hija wkoll premessa sabiex il-ministeru tagħna, il-ministeru tal-Isqfijiet u dak tal-Papa, jkun jistà jeżerċità ruħu fil-konfront tagħkom f’donazzjoni miftuħa, fraterna u intelliġenti.

Madankollu din il-ħbiberija titlob ukoll iktar. Titlob dak il-ftuħ fratern, bl-għajnuna fit-twassil tat-tagħbija tal-oħrajn, dik ix-xhieda komuni li fiha jiġu megħluba l-ġudizzji, il-ħsibijiet ta’ prestiġju, in-nuqqas ta’ fiduċja. Jiena konvint li jekk tgħixu l-ministeru tagħkom billi tibdew minn spirtu ta’ ħbiberija u ta’ fraternità, tiksbu ferm iktar milli jekk kull wieħed ikun irid jaħdem għal rasu.

Bil-qawwa ta’ ħbiberija simili mal-Mulej nistgħu “ngħassu”, bħal ma jistenna is-Sid tal-Vanġelu mill-“qaddej tajjeb”.

5.Din l-“għassa” tal-qaddej – tal-ħabib – fl-istennija tal-Mulej tirreferi għall-aħħar miġja futura u fl-istess ħin għall-kors ta’ din l-istorja, għal kull waqt. Il-Mulej jistà jiġi “f’nofs il-lejl jew qabel ma jibda jbexbex” (Lq 12,38).

Permezz ta’ dan it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II il-Knisja kollha għamlitha ċara li l-missjoni tagħkom hija ndirizzata għall-waqt preżenti, jew aħjar għal dinja li b’mod kostanti tiżviluppa ruħha, u b’mod speċjali għall-aspettattivi tal-bniedem f’din id-dinja: għall-ferħ u t-tama tiegħu, imma wkoll għall-iżbalji tiegħu u għall-ħtijiet tiegħu (cf. Gaudium et Spes, 1).

Il-ministeru tar-ragħaj imqajjem u għassa jfisser mela wkoll li jżomm għajnejh miftuħin beraħ għal dak kollu li huwa tajjeb u sinċier, dak kollu li hu veru u sabiħ, imma wkoll fuq dak kollu li hu diffiċli u doloruż fil-ħajja tal-bnedmin, u jfisser li tagħmlu dan bi mħabba sħiħa, disponibiltà sħiħa, tkunu qrib u solidali lesti li toffru ħajjitkom (cf. Ġw 10,11).

Is-servizz viġilanti tar-ragħaj ifisser ukoll id-disponibiltà li jiddefendi kontra l-lupu rgħib – bħal fil-parabbola tar-ragħaj it-tajjeb – jew kontra l-ħalliel sabiex ma jħarbatx id-dar (cf. Lq 12,39). B’dan irrid infisser mhux kuratur tal-erwieħ li jħares il-merħla afdata lilu b’għajn riġida u iebsa u b’suspett kbir, imma ragħaj li jrid leħles mid-dnub u mill-ħtija bl-aħbar tar-rikonċiljazzjoni, li tirregala lill-bnedmin fuq kollox is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, is-sagrament tal-penitenza. “Fil-post ta’ Kristu” s-saċerdot jistà u għandu jsejjaħ lil dinja mhix rikonċiljata u li tidher irrikonċiljabbli: “Ħallu li tkunu rikonċiljati ma’ Alla” (2Kor 5,20). Ejjew hekk nuru lill-bnedmin il-qalb ta’ Alla, tal-Missier, u nkunu mela xbiha ta’ Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb. Ħajjitna kollha tistà allura ssir sinjal u strument tar-rikonċiljazzjoni, “sagrament” tal-għaqda bejn Alla u l-bnedmin.

Flimkien miegħi għandkom madankollu tosservaw bi preokkupazzjoni doloruża li r-riċeviment personali tas-sagrament tal-penitenza fil-komunitajiet tagħkom naqas ħafna f’dawn l-aħħar snin. Nitlobkom mela minn qiegħ qalbi, anzi nħeġġiġkom, biex tagħmlu dak kollu possibbli sabiex r-riċeviment tas-sagrament tal-penitenza fil-qrar personali jsir mill-ġdid naturali għal dawk kollha mgħammdin. Għal dan iridu jwasslu l-liturġiji penitenzjali li jassumu post ferm important fil-prassi penitenzjali tal-Knisja, imma li f’kondizzjonijiet normali ma jistgħux jissostitwixxu r-riċeviment personali tas-sagrament tal-penitenza. Madankollu ħudu ħsieb ukoll intom stess għal riċeviment regolari tas-sagrament tal-penitenza.

6. Il-viġilanza tar-ragħaj it-tajjeb hija mistennija minnkom bħala punt ċentrali ta’ kull attività saċerdotali, iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija mqaddsa. Propju wara r-riforma wiesgħa tal-funzjonijiet reliġjużi għalikom jitqanqlu dmirijiet spiritwali mportanti. Għandkom qabel kollox tiffamiljarizzaw lilkom infuskom mar-riti ndividwali approvati, permezz tal-istudju u ta’ eżerċitazzjoni attenta. Għandkom tkunu, bħala liturġisti, f’kundizzjoni li sservu fir-rigward ta’ fidi iktar profonda, tama iktar soda u karità maġġura fil-Poplu ta’ Alla.

Irrid niżżikom ħajr għall-isforzi kollha li għamiltu s’issa għal dawn l-għanijiet important, li l-frott tajjeb tagħhom jien stess diġa stajt nosserva fostkom. Huwa tant iktar sfortunat li l-festività tal-misteru ta’ Kristu minflok ma toħloq għaqda u konkwisti fostkom tipprovoka kultant firda u ġlied. Xejn ma jikkontraduċi iktar minn dan lir-rieda u lill-ispirtu ta’ Kristu.

Nitlobkom mela, ħuti u ħbieb fis-saċerdozju, li ssegwu b’mod responsabbli u żżommu ħielsa mis-soġġettiviżmi deformanti kollha t-triq tal-Knisja. Li hi ddeċidiet li llum issegwi fil-fedeltà għat-tradizzjoni qadima tagħha. Irrid madankollu wkoll nenfasizza li n-normi liturġiċi partikolari mitluba mill-Isqfijiet Tedeski għal motivazzjonijiet pastorali ġew konċessi mis-Sedja Apostolika u għalhekk huma leċiti.

Sfurzaw b’mod speċjali, bi qbil mal-komunità kollha tal-Knisja, li tħabbru b’ċelebrazzjoni riverenti u devota tal-uffiċċju divin, lil Ġesù Kristu, li miegħu intom stess intrabattu fi ħbiberija.

7. Għeżież ħuti, għeżież uliedi fil-Mulej! Kemm għandna nħobbu l-ministeru tagħna u l-vokazzjoni tagħna! Irrid ngħid dan lilkom ilkoll: lilkom l-iktar anzjani li jistà jkun li diġa għejjejtu u nfnejtu taħt it-toqol tax-xogħol, lilkom li għadkom fl-aqwa ta’ saħħitkom, u likom li għadkom kemm bdejtu propju issa il-mixja saċerdotali tagħkom. Dan nintenzjonah ukoll lilkom dixxipli, li tisimgħu s-sejħa misterjuża ta’ Kristu: irrid ninkuraġġikom biex tilqgħu din is-sejħa bmod ferm iktar sod u ferm profond f’ħajjitkom u biex issegwuha b’mod definittiv u għal dejjem.

Dwar il-meravilji ta’ din il-vokazzjoni ikellimna b’mod partikolarment ċar l-ewwel qari tal-liturġija, meħud mill-ktieb tal-profeta Ġeremija. Djalogu misterjuż imma rejali bejn Alla u l-bniedem.

Alla-Jahwé jgħid: “Qabel ma ffurmajtek f’ġuf ommok, kont nafek, qabel ma ħriġt għad-dawl, ikkonsagrajtek; stabbilejtek profeta tan-nazzjonijiet”.

Il-bniedem-Ġeremija, jwieġeb: “Jaħasra, Mulej Alla, hawn jien ma nafx nitkellem għax għadni żagħżugħ”.

Alla-Jahwé jwieġeb: “La tgħidx għadni żagħżugħ, imma mur għand dawk li għandhom se nibgħatek u ħabbar dak li jien se nordnalek. La tibżax minnhom, għaliex jien miegħek biex nipproteġik” (Ġer 1,5-8).

Kemm hija profonda l-verità li tinsab f’dan id-djalogu! Għandna bla dubju nagħmlu l-verità ta’ ħajjitna! Irridu neħduha biż-żewġ idejn u bil-qalb kollha, ngħixuha, nagħmluha l-oġġett tat-talb tagħna u nsiru ħaġa waħda magħha!

Hawn qiegħda tiġi artikulata fl-istess ħin il-verità tejoloġika u psikoloġika ta’ ħajjitna: il-bniedem, li jagħraf il-vokazzjoni tiegħu u l-missjoni tiegħu, jitkellem ma’ Alla dwar id-dgħufija tiegħu.

8. Id-diversi propożizzjonijiet ta’xbiha tas-saċerdot li ma jaqblux ma’ dik ix-xbiha kif ġiet żviluppata mill-Knisja u mgħassa prinċipalment fit-tradizzjoni Oċċidentali, illum donnhom jagħmlu minn din id-dgħufija il-prinċipju fundamentali tal-ħwejjeġ l-oħra kollha, billi jiddikjaraw kważi li huwa dritt tal-bniedem.

Kristu, għall-kuntrarju, jgħallimna li l-bniedem għandu qabel kollox dritt għall-kobor propju tiegħu, dritt għal dak li jissuperah. Infatti propju hawn tidher id-dinjità partikolari tiegħu; hekk tidher il-qawwa meraviljuża tal-grazzja: il-kobor veru tagħna huwa don tal-qawwa tal-Ispirtu Santu.

Fi Kristu l-bniedem għandu llum dritt għal tali kobor, U l-Knisja permezz tal-istess Kristu għandha dritt għad-don ta’ dan il-bniedem: don li permezz tiegħu il-bniedem jirregala lilu nnifsu lil Alla, li fih jagħżel ukoll iċ-ċelibat “għas-saltna tas smewwiet” (Mt 19,12), biex isir il-qaddej ta’ kulħadd.

Il-bniedem u l-Knisja għandhom dritt għal dan. M’għandniex bżonn indgħajfu fina tali koxjenza u tali konvinzjoni! Ma nistgħux nannullaw dan il-wirt sublimit tal-Knisja linqas nostakulawh fil-qlub taż-żgħażagħ. La tabbandunawx il-fiduċja f’Alla u fi Kristu! Il-Mulej igħid: “Tibżgħux minnhom; għaliex jiena magħkom biex nipproteġikom” (Ġer 1,8). Wara dan il-kliem il-Mulej imiss fomm il-bniedem u jgħid: “Hekk hu, inqiegħed kliemi fuq fommok” (Ġer 1,9). Forsi aħna ma sperimentajniex eżattament l-istess ħaġa? Jewwilla ma jqiegħedx f’fommna kliemu – il-kliem tal-konsagrazzjoni ewkaristika – waqt l-ordinazzjoni saċerdotali? Ma jissiġillax forsi fommna u l-bniedem kollu bil-qawwa tal-grazzja tiegħu?

Magħna huma wkoll il-qaddisin tal-Knisja; il-patruni tad-dijoċesijiet tagħkom, ir-rgħajja kbar tal-erwieħ ta’ pajjiżkom, in-nisa famużi fl-imħabba għall-proxxmu u b’mod speċjali Marija, omm il-Knisja.

Meta l-evanġelista Luqa wara t-tlugħ fis-sema tal-Mulej jiddeskrivi l-komunità tal-Appostli, it-talb perseversanti u simultanju tagħhom, ifakkar b’mod speċifiku li kienu “Ma’ Marija, omm Ġesù” (At 1,14). Hija, omm il-Mulej, omm il-kredenti kollha, omm ukoll is-saċerdoti, trid tkun magħna sabiex inkunu nistgħu mill-ġdid niġu dejjem mibgħuta fl-Ispirtu Santu f’din id-dinja u lill-bnedmin bil-bżonnijiet tagħhom.

9. Għeżież konfratelli, għeżież uliedi fil-Mulej!

Il-qari tal-liturġija ta’ din il-festività ikellimna fl-aħħarnett ukoll dwar il-premju għar-rgħajja li jibqgħu mqajmin. L-Appostlu Pietru jitkellem dwar il-“kuruna tal-glorja li ma  titbielx” (1Pt 5,4).

Ferm iktar impressjonanti huwa madankollu l-kliem ta’ Kristu fil-parabbola tal-qaddejja viġilanti: “Imberkin dawk il-qaddejja li meta jerġà lura għall-għarrieda is-sid isibhom għadhom imqajmin; fis-sewwa ngħidilkom, li jitħażżem, iqegħdhom madwar il-mejda u jibda jservihom. U jekk jiġi lura f’nofsillejl jew qabel it-tbexbix, u jsibhom hekk, imberkin huma” (Lq 12,37.38).

Ippermettuli li la nnaqqas u linqas inżid xejn ma’ dan il-kliem. Irrid madankollu nafda lili nnifsi għat-talb tagħkom u għall-konsiderazzjoni tagħkom mill-profond tal-qalb. Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: