Rabta qawwija. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 2 ta’ Mejju 2021: Omelija tal-Ħames Ħadd tal-Għid mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

Rabta qawwija

Min hu midħla tad-dwieli, jifhem mal-ewwel il-kliem ta’ Ġesù llum.  Imma anke min ma jifhem xejn fid-dwieli, jista’ jifhem it-tixbiha ta’ Ġesù.  Ġesù, biex ifisser ir-rabta tiegħu magħna u tagħna miegħu kif għandha tkun, jgħid: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi”.

Ixebbah lilu nnifsu mad-dielja u aħna friegħi tiegħu li jkollna l-ħajja biss jekk magħqudin miegħu.  Il-fergħa ma tgħixx b’ħajja differenti minn dik taz-zokk prinċipali.  Sakemm tibqa’ magħquda mad-dielja, tibqa’ tgħix, tikber u tiżviluppa.  Jekk tkun maqtugħa mid-dielja, tmut.

Din it-tixbiha sabiħa Ġesù juzaha biex jgħidilna kif aħna l-insara msejħin biex inkunu magħqudin miegħu b’din ir-rabta qawwija. Innutaw, kemm hi rabta speċjali. Mhijiex sempliċiment rabta bħal meta ngħidu “teamwork” – ħidma li ġġib in-nies flimkien, u bis-saħħa ta’ hekk, għax hemm l-għaqda flimkien, tista’ tagħmel ħafna ġid.  Hi ħafna aktar b’saħħitha. Hi rabta minn ġewwa, li sseħibna fl-istess ħajja tiegħu.  Nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti li jgħid Ġesù llum.

Nibqgħu fih

Ġesù jgħid: “Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom.” Ġesù jsejħilna biex nibqgħu magħqudin miegħu.  B’liema mod nistgħu nkunu magħqudin ma’ Ġesù?  Magħqudin miegħu fit-talb, qabel xejn, għax it-talb hu dak li jgħaqqadna ħaġa waħda miegħu.  Inkunu magħqudin miegħu permezz tal-Ewkaristija, u Ġesù hekk spjegaha l-Ewkaristija bl-istess kliem tat-tixbiha tal-lum. U nkunu magħqudin miegħu wkoll f’dak li San Ġwann isemmi fit-Tieni Qari: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih”. 

Għalhekk inkunu magħqud miegħu meta jekk jgħidlek naħfer, nagħmel ħilti biex naħfer; jekk jgħidli nkun onest, naħdem biex tkun onest. Nisma’ kliemu u nipprova nimxi miegħu.  U nagħmel dan mhux qisu b’xi obbligu li ġej minn barra, imma għax marbut ma’ Ġesù bħal fergħa mad-dielja.

Nagħmlu ħafna frott

Ġesù jgħid: “min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.”  Jgħidilna li jekk aħna nkunu magħqudin miegħu, nagħmlu l-frott.  X’inhu dal-frott?  Min jieħu l-fidi tiegħu bis-serjetà u jgħixha fil-ħajja ta’ kuljum il-frott ikun jidher: il-ferħ, is-sabar, il-ħniena, il-ħlewwa, ir-rażan.  Fuq kollox l-imħabba – li jsemmi San Ġwann – “ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u bis-sewwa”.

Hawn ħafna nies li r-rabta tagħhom ma’ Ġesù tgħinhom biex jagħmlu l-ġid.  Huma nies li jagħtu ħajjithom b’qadi lejn dawk li huma fil-bżonn.  Hawn ġenituri li jagħrfu joħolqu flimkien bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u jgħaddu l-valuri lil uliedhom.  Hawn nies li jaħdmu b’impenn favur dawk li huma waħedhom jew għaddejin minn tbatija.  Hawn nies li jaħdmu b’onestà u b’ġustizzja. Hawn nies li jaħdmu biex iwasslu l-apprezzament tal-ħajja umana f’kull waqt tagħha, f’kultura fejn kultant issib diversi jippromwovu l-mewt. 

Innutaw li l-frott tad-dielja ssibu fuq il-friegħi.  Ġesù kien ċar fuq dan.  Jiġifieri għandek issibu fost dawk in-nies li jgħixu magħqudin ma’ Ġesù.  Kemm hu sabiħ meta nagħrfu li kienet l-għaqda tagħhom intima mad-dielja, li hu Ġesù, li wasslithom biex jagħmlu l-frott!

Żmien li tiżbor u tnaddaf

Ġesù jgħid: “..kull (fergħa) li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar”.  Kull min jieħu l-ħajja nisranija bis-serjetà jaf li maż-żmien ikun hemm affarijiet li jinġemgħu li jeħtieġ li jinżabru.  Neħtieġu dan biex inkunu nistgħu nikbru fit-tajjeb u nagħmlu l-frott.  Kultant dan jista’ jfisser tbatija, sagrifiċċju, speċjalment meta rridu niżbru, naqtgħu ’l barra minn ħajjitna, xi ħaġa li qed ittellef, imma jiswa ta’ ġid biex tibqa’ ħajja li tagħmel il-frott.

Dan jgħodd kemm għalina personali kif ukoll għall-ħidma pastorali tal-Knisja. Il-Papa Franġisku jfakkarna dan: li maż-żmien ikun hemm bżonn kultant li niżbru, li nneħħu dak li jkun qed itellef flok jgħin, u nagħmlu dan biex il-ħidma tista’ tħalli l-frott.

Nitolbu lill-Mulej biex ngħożżu dejjem din l-għaqda miegħu qisna fergħa mad-dielja, u biex dejjem isaħħaħ din ir-rabta miegħu, ħalli nistgħu nagħmlu l-frott.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading