Il-Papa jinawgura 7 invokazzjonijiet għall-unur ta’ San Ġużepp
Fl-1 ta’ Mejju 2021, nhar il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-Papa Franġisku approva 7 invokazzjonijiet ġodda għal-Litanija ta’ San Ġużepp. Hi inizjattiva fis-Sena ta’ San Ġużepp li l-Papa ddikjara mit-8 ta’ Diċembru 2020 sat-8 ta’ Diċembru 2021. Għal din l-okkażjoni l-Papa kien ippubblika Ittra Appostolika bl-isem ta’ Patris corde, bil-għan li tkabbar l-imħabba tagħna lejn dan il-qaddis kbir, li nitolbu l-interċessjoni tiegħu u li nimitaw il-virtujiet u l-ħeġġa tiegħu.
Dan hu żmien tajjeb biex il-Litanija ta’ San Ġużepp tiġi aġġornata billi jiddaħħu fiha 7 invokazzjonijiet ġodda minn diskorsi u kitbiet tal-Papiet li rriflettew fuq aspetti mill- figura tal-Patrun tal-Knisja Universali.
L-invokazzjonijiet huma bil-Latin, li wieħed jista’ jittraduċiehom hekk bil-Malti:
Ħarries tal-Feddej,
Qaddej ta’ Kristu,
Ministru tas-salvazzjoni,
Għajnuna fid-diffikultà,
Patrun tal-eżiljati,
Patrun tal-imsejkna,
Patrun tal-foqra.
B’hekk l-invokazzjonijiet fil-Litanija jiżdiedu għal 31. Se tkun fir-risponsabbiltà tal-Konferenzi Episkopali biex jittraduċu u jippubblikaw il-Litanija fil-lingwi fil-kompetanza tagħhom. L-Isqfijiet jistgħu wkoll iżidu invokazzjonijiet opra li huma unurati fil-pajjiż.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea