Il-Kardinal Mario Grech f’Ta’ Pinu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 20 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Kardinal Mario Grech fil-Quddiesa tal-Anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu. Santwarju Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija mill-Kardinal Mario Grech
Segretarju Ġenerali tas-Sinodu u Isqof Emeritu ta’ Għawdex

86 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 20 ta’ Ġunju 2021

STELLA MARIS

Hemm siltiet fil-Vanġelu li huma tqal, almenu għalija. Imma hemm passaġġi, bħal dan il-Vanġelu li smajna llum (Mk 4:35-41), li jinżluli għasel, għaliex narah li huwa Vanġelu li jirrifletti l-ħajja tiegħi u l-ħajja tagħna.

Il-Vanġelu jgħidilna li darba minnhom Ġesù qal lill-Appostli: “Ejjew imorru x-xatt l-ieħor”, ix-xaqliba l-oħra. Kien filgħaxija u allura x-xemx, jekk ma niżlitx, kienet kwazi niżlet. Bħal sajjetta fil-bnazzi faqqgħet tempesta. Ma kinux jistennewha.

Għiduli jekk din hix l-istorja tagħna individwali, tagħna bħala familji, anki tagħna bħala komunità, meta x-xemx tinżel fil-ħajja tagħna u allura nsibu ruħna fid-dlam! Xi drabi ħabta u sabta, mingħajr qatt ma tkun ħlomt biha, tfaqqa’ maltempata fil-ħajja tiegħek u tibda tħoss li d-dgħajsa tiegħek qed timtela bl-ilma u qed tegħreq… u aħna negħrqu magħha.

Din hi l-esperjenza ta’ kull bniedem u tal-umanità. Għalhekk nifhem ukoll lill-Appostli li jimtlew bil-biża’ u bi qtigħ il-qalb, u lil Ġesù jgħidulu: ‘Kif ma jimpurtak xejn minna!’. Naħseb li kienet domanda illi tfieri l-qalb ta’ Ġesù. Kif jista’ jkun Ġesù ma jimpurtahx minni u minnek! Tgħidli: imma f’dan il-kwadru tal-Vanġelu, Ġesù kien rieqed u rieqed fuq imħadda; mhux għajnu marret bih, imma raqad raqda komda fuq imħadda.

Imma jistax ikun illi Ġesù raqad fuq l-imħadda minkejja li qamet il-maltempata, u peress li kien billejl, ma kinux jafu fejn ser jagħtu rashom? Ġesù raqad fuq l-imħadda għax kellu din il-fiduċja għamja fil-Missier; kien ċert li l-Missier ma kienx ser iħallih waħdu – il-Missier li huwa mħabba ma setax jabbanduna la lilu u lanqas lil dawk li kienu tiegħu.

Għalhekk fil-maltempati tal-ħajja tagħna, fid-dlamijiet tal-ħajja tagħna, meta nibdew naqtgħu qalbna, ħa nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Imma fejn hi l-fidi tagħkom?”. Fi kliem ieħor, Ġesù jistaqsina jekk għandniex fiduċja fih! Interessanti li, almenu kif naraha jien, il-maltempata kixfet kemm dawn in-nies, għalkemm kienu sajjieda, kienu dgħajfin. Timmaġinaw sajjied jobrom il-mustaċċi jibża’ fil-maltemp? Niftakarni kemm-il darba naqsam minn Malta lejn Għawdex billejl, meta kont ninżel nagħti s-servizz tiegħi lil-Arċidjoċesi ta’ Malta; ġieli ġejt fix-xitwa billejl u kien ikun il-maltemp. Matul il-ġurnata ma kontx nibża’, imma meta kien ikun billejl, kont nibda ngħid: imma min jaf x’mewġa ġejja u tolqot il-vapur! Dan il-biża’ tiegħi ma kienx infundant; fil-fatt darba kaptan tal-vapuri qalli: “Aħna billejl ikollna ftit tat-tħassib, għaliex billejl ma tkunx taf x’ġej il-kolp” – ma tkunx taf eżatt kif ikun ġej il-mewġ għoli! Mela l-maltempata tikxef ukoll il-beżgħat tagħna, id-dgħufija tagħna, dawk li naħsbu li huma ċ-ċertezzi tagħna ma huma ċertezzi xejn, u l-proġetti kbar tagħna jisfaw fix-xejn.

Imma l-maltempata kienet l-okkażjoni biex l-Appostli jintebħu li Ġesù kien magħhom fuq id-dgħajsa, min kien Ġesù, li Ġesù ma kienx ser iħallihom jegħrqu. Għalhekk forsi jista’ jiġri li maltempata tal-ħajja tagħna, maltempata madwarna, maltempata interjuri, tkun għalina mument ta’ grazzja biex niskopru min hu Ġesù u li Ġesù huwa magħna.

Għalhekk, għażiż ħija u oħti, hi x’inhi l-maltempata li għaddejja minnha, int jew il-familja tiegħek, taqtax qalbek, għaliex il-Mulej huwa magħna! Jalla jkollna din il-fiduċja fih.

Imbagħad, ngħid jien, kieku l-Appostli kienu tal-affari tagħhom, kieku kienu jerfgħu ħarsithom lejn is-sema u jaraw il-Kewkba tal-baħar. Min għandu idea tat-tbaħħir, jaf x’inhi l-kewkba tal-baħar!

Għalina l-poplu ta’ Alla, il-kewkba tal-baħar għandha isem, hija persuna, hi Marija, Stella Maris! Marija hija dik illi minkejja d-dlam toħroġna mill-maltempati tal-ħajja. Dwar dan ma hemmx għalfejn ngħid ħafna, għaliex dan is-Santwarju tant għażiż għalina jitkellem waħdu. Min jaf kemm il-Madonna Ta’ Pinu rat maltempati li ressaqnielha fi ħdanha! Matul is-snin, l-antenati tagħna fittxew il-kenn billi poġġew f’ħoġorha, għaliex emmnu li Marija hija l-Kewkba tal-baħar imqalleb. F’dan is-santwarju jiġu mhux biss Maltin u Għawdxin, imma wkoll ħafna barranin. Għalhekk fuq din il-gżira għażiża tagħna għandna mhux biss il-Fanal ta’ Ġordan li bid-dawl tiegħu jwennes il-baħħara fil-bnazzi u fil-maltemp, imma għandna wkoll dan is-Santwarju meqjum, għamara ta’ Marija, Stella Maris, li bid-dija materna tagħha takkumpanjana biex noforqu l-mewġ qalil tal-ħajja.

Meta kont żgħir, fil-kamra fejn konna norqdu, id-dar, kien hemm tieqa li tagħti lejn dawn in-naħat, u billejl kont ninnota li regolarment kien jgħaddi raġġ qawwi dawl – kien il-Fanal ta’ Ġordan. Imma llum jiena kbirt u nifhem illi dak id-dawl ma kienx il-Fanal ta’ Ġordan, imma kien id-dawl ta’ dan is-Santwarju, id-dawl ta’ din il-Kewkba li tiddi, Marija li ddawwal l-iljieli tal-ħajja, illi tgħinna biex ngħaddu minn maltempati kbar fil-ħajja.

Għeżież devoti tal-Madonna Ta’ Pinu, kif 86 sena ilu l-poplu tagħna għaraf lil Marija bħala Reġina tagħna u poġġielha l-kuruna, ejjew aħna wkoll illum nirrikonoxxuha mhux biss bħala r-Reġina tagħna, imma wkoll bħala l-Kewkba li tgħinna noħorġu mill-maltemp tal-ħajja.

Nagħlaq b’talba li kiteb San Bernard dwar Marija u bħalu ntennilkom biex kontinwament titfgħu ħarsitkom fuq Marija, il-Kewkba tal-baħar.

Int, li tagħraf li tul ħajtek
aktar titqalleb fuq ġifen fil-maltemp
milli timxi sod fuq l-art,
tħarrikx għajnejk mid-dija ta’ din il-kewkba.

Jekk ma tridx tegħreq taħt il-mewġ,
jekk iqumu l-irwiefen tat-tentazzjoni,
jekk tinkalja fuq sikek l-inkwiet,
ħares lejn il-kewkba, sejjaħ lil Marija.

Jekk megħlub mill-mewġ tal-kburija,
l-ambizzjoni, l-għira, il-kilba għall-ġieħ,
ħares lejn il-kewkba, sejjaħ lil Marija.

Jekk ir-rabja, jew ir-regħba,
jekk xewqat il-ġisem
ġifen għaqlek jinkaljaw,
ħares lejn il-kewkba, sejjaħ lil Marija.

Jekk imħawwad bil-ħażen ta’ ħtijietek,
bit-tingiż tal-kuxjenza konfuż,
jekk imwerwer mill-ħaqq tal-ġustizzja,
jekk qiegħ l-imrar missejt
u tama tlift fl-abbiss,
aħseb f’Marija.

Fil-perikli, u fid-dwejjaq,
fid-dubji ta’ għemilek,
aħseb f’Marija, sejjaħ lil Marija.

Timxi int warajha, triqtek ma tiksirx,
titlob lilha, tamtek ma titlifx,
taħseb fiha, lil hinn ma tintilifx.

Waqt li twieżnek, ma taqax,
waqt li tħarsek, ma tibżax,
waqt li hi tmexxik, int ma tegħjiex.
Bil-grazzja tagħha tasal f’Port is-Salvazzjoni.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading