Il-ħajja hija don għall-oħrajn

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 26 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Quddiesa tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-tberik-tarbija-fil-guf-ta-pinu-is-sibt-26-ta-gunju-2021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Vanġelu tal-lum (Mk 5:21-43) fih żewġ nisa: mara li ilha tnax-il sena marida u l-oħra ta’ tnax-il sena se tmut. Taħsbu li kumbinazzjoni n-numru tnax darbtejn? Le, għax dawk in-nisa huma rappreżentanti tal-popli kollha: tal-poplu ta’ Iżrael, imma fih hemm irrappreżentati int u jien, kull wieħed u kull waħda minna.

Dawn in-nisa bħalna qegħdin jgħixu f’kuntest ta’ mewt it-tnejn li huma. Waħda hija proprju marida fl-għajn tal-ħajja, ma tistax tkun omm, ma tistax tersaq lejn żewġha, ma tistax tidħol f’relazzjoni. L-oħra, proprju fil-mument illi fih qed taħseb biex titgħarras u tiżżewweġ (ma ninsewx li fil-mentalità Orjentali ż-żwieġ kien isir kmieni ħafna: ta’ tnax, erbatax-il sena), qiegħda ttemm il-ħajja tagħha.

U jidħol Ġesù bil-mod tiegħu. Waħda tfittxu hi u tmissu hi, u l-oħra jmur hu u jmissha hu. Ġesù jmiss mal-mewt biex jagħti l-ħajja. Noqogħdu ftit attenti, imma, għax ħafna drabi aħna lil Ġesù mmissuh jew irriduh imissna biex jagħtina l-ħajja jew nieħdu l-ħajja kif irridu aħna. Imma wisq probabbli l-ħajja li rridu aħna hija l-ħajja li twassal għall-mewt.

Kieku jkollna nieqfu biss fil-fenomenu, fil-ġrajja naturali li tnissel tarbija, li jkollok tarbija fi ħdanek, f’ġufek, kieku xi nkunu qegħdin nagħmlu? Sempliċement nipproduċu nies oħra biex imutu, inżidu fil-mewt. Ippruvaw immaġinaw il-ħajja mingħajr Ġesù, mingħajr ma jidħol Ġesù u jmiss bil-mod tiegħu – mhux kif irridu aħna, imma bil-mod tiegħu – u jagħti l-ħajja fir-relazzjonijiet tagħna, fl-istorja tagħna, f’dak li ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Se ngħid kelma żgħira ħafna lil dawk illi qegħdin iġorru ħajja fil-ġuf… imma mhux lilkom biss, lilna kollha kemm aħna. Ma ninsewx, ejjew indaħħluha f’moħħna illi kull don li nirċievu, żgħir jew kbir – is-saħħa tiegħek, l-intelliġenza tiegħek, ix-xogħol li għandek, il-familja li għandek – kull don mhuwiex għalina. It-tarbija li għandek fil-ġuf mhijiex għalik! Kull don, kull rigal, jekk nirċevuh għalina, insiru proprjetarji tiegħu u x’nagħmlulu? Ma nħalluhx aktar rigal. Ma nħalluhx aktar don. Nagħmluh oġġett.

Jiġifieri, dik it-tarbija li fil-bidu tnisslet, imlietek bil-ferħ forsi, bil-mod il-mod tibda tgħallmek illi m’għandekx kontroll sħiħ fuqha, li mhix proprjetà tiegħek. Ġismek stess jibda jirrakkontalek, jibda jgħidlek li dik mhix tiegħek. Għal liema raġuni? Għax jibdew jiġru fik affarijiet li forsi m’għandekx kontroll fuqhom, affarijiet li ma tixtieqx, li int qatt ma ħsibt jew qatt ma ridt li jiġru. Il-ħajja minnha nfisha tgħallimna, għalkemm aħna nwebbsu rasna, niffissaw, inwaħħlu f’rasna li rriduha t-tarbija, jew ikun xi jkun l-oġġett jew il-persuna, bħala proprjetà tagħna.

Jekk aħna t-tarbija nqisuha bħala proprjetà, ma nkunux aktar fil-kultura tal-ħajja imma nkunu fil-kultura tal-mewt. Meta jien persuna nagħmilha proprjetà, anki t-tarbija li għandi f’ġufi, inkun qiegħed ninqeda biha, mhux naqdiha. Biex nissodisfa l-bżonnijiet tiegħi, biex nissodisfa l-iskopijiet tiegħi: issir mezz, ma tibqax skop! Jekk ma nitgħallimx, jekk il-ħajja ma tgħallimnix, jew jekk il-Kelma ta’ Alla ma tgħallimnix biex dak id-don li jien irċevejt, it-tnissil tat-tarbija, jibqa’ rigal, don, se nbati l-konsegwenzi wara. Serrħu raskom illi l-ħajja minnha nfisha tgħallimna li dak li rċevejna huwa kollu kemm hu rigal u jibqa’ rigal. Jekk nagħmlu proprjetà, mhux ser inħallih fl-istat oriġinali tiegħu.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina din l-attitudni: kemm lil dawk illi xtaqu tarbija u waslet, kemm lil dawk li xtaqu tarbija u ma waslitx, jew ma tistax tasal. Kull don, kull rigal mhux għalina imma għalih innifsu jekk hu persuna u għall-oħrajn. Il-Mulej jagħtina li nitgħallmu din il-lezzjoni li tista’ tiffrankalna ħafna tbatija u ħafna depressjoni fil-ħajja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading