Qari tat-22 ta’ Frar – Il-Katedra ta’ San Pietru

Print Friendly, PDF & Email

22 ta’ FrarIl-Katedra ta’ San Pietru, Appostlu – Festa

Qari I

1 Piet 5:1-4

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież: Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta’ Alla li hi f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġa mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ngħatawlkom f’idejkom, imma billi tkunu ta’ eżempju għall-merħla.

Imbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

22: 1-6

R/. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni!

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni.

F’mergħat kollhom ħdura jqegħidni,

ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.

Hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba f’ismu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma, nibżax mill-ħsara għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek

huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi;

biż-żejt tidlikli rasi

u l-kalċi tiegħi mfawwar. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi

il-jiem kollha ta’ ħajti;

u ngħammar f’dar il-Mulej

matul iż-żminijiet. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Mt 16:18

R/. Hallelujah

Int Pietru,

u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi

u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mt 16:13-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom, min tgħidu li jien?” staqsiehom.

U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun, bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: inti Pietru, u fuq din l-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading