Bla ma qagħad jomgħodha

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tat-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Ġesù ma joqgħodx jomgħodha.  Jitkellem ċar u dirett. Għalhekk hawnhekk jgħid: “Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu għandek f’għajnek int?”  U jgħid: “Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk”. 

Hu kliem li aħna nifhmuh, għax jaqbel ħafna mal-esperjenza tagħna l-bnedmin.  Kultant aħna nħarsu lejn l-oħrajn u naraw il-ħażin, naraw id-difetti. Qisu jattirana l-ħażin. Imbagħad mhux biss naraw, imma kultant nibdew nitkellmu fuq il-ħażin tal-oħrajn, intaqtqu fuq dak u fuq l-ieħor u fuq l-oħra, u kelma tista’ tagħmel ħafna ħsara. Jekk aħna nagħmlu tikketta fuq il-persuna, tista’ tibqa’.

Ġesù jrid li aħna ndawru ħarsitna.  L-ewwel, flok inħarsu lejn l-oħrajn, inħarsu lejna nfusna. U naraw aħna, fil-ħajja tagħna, x’hemm li mhuwiex tajjeb u li hemm bżonn jinbidel għall-aħjar, bil-qawwa u bl-għajnuna ta’ Alla. Għalhekk, l-ewwel mhux inħares lejn dik, jew lejn l-ieħor, jew lejn l-oħrajn, u nara x’għandhom ħażin huma, imma l-ewwel inħares lejja nnifsi. Ikun eżerċizzju tajjeb ukoll li meta jien iddejjaqni xi ħaġa f’xi ħadd, nara l-ewwel jekk jien stess għandix ukoll dak id-difett kultant, jew iniex miexi ħażin jien.

Ngħidu aħna, inħares lejn xi ħadd u ngħid: kemm hu egoist dak, jaħseb biss fih innifsu! Tajjeb nistaqsi: jien, kif jien f’din? Naħseb fl-oħrajn, jew infittex ukoll jien l-interessi tiegħi nnifsi biss? Jew inkella nħares lejn l-oħra u ngħid: kemm hi ipokrita dik! Tinganna lil kulħadd, wiċċ b’ieħor! Jiena sinċier fil-kliem tiegħi u fil-mod kif nittratta lill-oħrajn, jew jien ukoll kultant ipokrita? Jew inkella nħares lejn xi ħadd u ngħid: dak kemm jitilgħulu malajr! Kif jaħtaf lil kulħadd! Jien nieħu paċenzja bl-oħrajn, jew niżbel ukoll kultant?

Irid li aħna nħarsu lejna nfusna mhux biex nieqfu hemm, jew inkunu kuntenti nibqgħu ngħixu hekk, jew inkella niskuraġġixxu lilna nfusna għax naraw id-difetti tagħna. Imma għax il-Mulej jgħinna, jekk aħna nibdew minna nfusna, biex aħna nkunu aħjar bil-qawwa u bl-għajnuna tiegħu. Imbagħad inħarsu lejn l-oħrajn b’aktar mogħdrija u b’aktar imħabba. Nagħdru, inħobbu, nuru rispett lejn l-oħrajn. B’dal-mod inkunu wkoll nistgħu ngħinu lill-oħrajn biex ikunu aħjar. Innutaw li Ġesù, meta jgħid “Neħħi t-travu minn għajnek int…” ma jgħidx: Neħħi t-travu minn għajnek int, u ħallik mill-oħrajn, tagħtix każhom, jagħmlu huma! Imma jżid: “…imbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk”. Għax il-korrezzjoni fraterna, meta magħmula b’imħabba, hi ta’ ġid u hi meħtieġa, basta aħna nagħmluha tassew b’rispett lejn id-dinjità tal-oħrajn, wara li nkunu rajna d-difetti tagħna nfusna u qed nippruvaw aħna stess niġu għall-aħjar. Ngħinu lil ħaddieħor ukoll, imma qatt b’mod li nbaxxu jew numiljaw lill-oħrajn, imma dejjem b’ħafna mħabba u mogħdrija.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati mill-kelma tiegħu, li aħna l-ewwel nett inħarsu lejna nfusna, nagħmlu eżami tagħna nfusna u nħallu lill-Mulej jibdilna għall-aħjar. Imbagħad li jgħinna biex meta nħarsu lejn l-oħrajn, inħarsu b’ħafna mħabba, rispett u mogħdrija; u ngħinu wkoll lill-oħrajn b’korrezzjoni fraterna li tirrispetta d-dinjità tagħhom.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading