Formazzjoni minn Marta għal Marija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 5 ta’ Ottubru 2021: Omelija minn Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fil-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu fil-Ftuħ tas-Sena ta’ Formazzjoni 2021-2022. Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

F’din is-silta (Lq10:38-42) spiss Marta tiġi ppreżentata bħala s-simbolu, is-sinjal ta’ min jaħdem, ta’ min jistinka, ta’ dawk il-persuni li l-ħajja tagħhom hi kollha kemm hi ddedikata għall-ħidma, għax-xogħol, anki għax-xogħol tal-Mulej, fil-Knisja; filwaqt illi Marija hija s-sinjal, is-simbolu ta’ dawk li qegħdin jiddedikaw il-ħajja kollha tagħhom prinċipalment għat-talb, għall-kontemplazzjoni, għar-riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla. Imma żgur illi l-Vanġelu minn San Luqa m’għandux f’moħħu illi jpoġġi lil dawn iż-żewġ persuni f’kontrappożizzjoni.

Imma Ġesù jidħol fid-dar fejn hemm dawn iż-żewġ persuni; u din id-dar hija l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna: “Huma u mexjin, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha li jisimha Marija […]” (vv. 38-39). Din id-dar hija int, hija l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna! Ġesù daħal għand dawn iż-żewġ persuni, li għalkemm jistgħu jidhru li ma jaqblux ma’ xulxin, imma huma l-istess qalb tagħna, li titħabat u tistinka biex issib integrazzjoni u sinteżi.

Marta hija dik il-parti fina illi taħdem, tistinka, tagħmel għal Alla: tistudja għal Alla, tmur għall-pastorali għal Alla. Imma filwaqt illi tagħmel dan kollu għal Ġesù, tispiċċa biex taljena ruħha u tibda taħseb ukoll fiha nfisha. “M’intix tara li ħallietni waħdi?”, tgħidlu Marta lil Ġesù. Bħallikieku lil Ġesù trid tgħidlu: ‘Int m’intix tinduna kemm għandi x’nagħmel? Għax ma bgħatthiex tgħinni ftit?’. Allura iċ-ċentru tal-attenzjoni ma tibqax il-persuna ta’ Ġesù – għalkemm jien qed naħdem u qed nistudja ‘għal Ġesù’ – imma ċ-ċentru ssir il-persuna ta’ Marta. ‘M’intix tara kemm għandi x’nagħmel, kemm jien imħabbta?’. Marta tippreokkupa ruħha mhux tant fuq Ġesù, mhux tant fuq l-oġġett tal-imħabba tagħha li laqgħet fil-bidu, imma fuqha nfisha. U dan huwa riskju kbir li aħna lkoll nistgħu nġarrbu fil-ħajja tagħna ta’ dixxipli ta’ Ġesù.

Marija min-naħa tagħha tidħol f’sitwazzjoni ta’ relazzjoni, ta’ intimità mal-persuna ta’ Ġesù. Għal Marija l-oġġett prinċipali, l-iktar ħaġa importanti kienet mhux dak li kien qed jiġri lilha, dak illi qed tagħmel hi jew dak li kienet qed tħoss hi – bħalma ġara lil Marta –, imma l-iktar ħaġa importanti għal Marija kienet Ġesù u l-Kelma tiegħu. U forsi din hija l-integrazzjoni li aħna msejħin nagħmlu fil-formazzjoni: il-formazzjoni tagħna mhix għajr biex fiċ-ċentru tal-inkwiet tagħna, fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna, fiċ-ċentru tal-impenji tagħna ma jkunx hemm jien imma l-persuna ta’ Ġesù.

Tagħtina ħafna libertà meta aħna fiċ-ċentru tal-qalb u tal-persuna tagħna npoġġu lil Ġesù. Ikollna ħafna libertà! U mhux se noqogħdu ninkwetaw jekk ma ġietx perfetta, kif xtaqna; mhux se noqgħod ninkwieta jekk bqajt lura u l-oħrajn ma aċċettawnix, ma ċapċpulix jew ma approvawnix; mhux se noqgħod ninkwieta jekk li għamilt għamiltu għal persuna jew tnejn u ma tantx ġew nies; mhux se nħabbel moħħi jekk, għalkemm studjajt u stinkajt, imma mbagħad fl-eżami ma mortx kif kelli mmur… Ara x’libertà kbira jagħtina l-Vanġelu meta aħna fiċ-ċentru ta’ qalbna nippruvaw inwarrbu l-egotagħna, lil ‘Marta’ tagħna, u npoġġu lil ‘Marija’ li qiegħda hemmhekk sempliċiment passiva sabiex tisma’, għaliex l-inizjattiva, il-protagonista, iċ-ċentru hu l-persuna ta’ Ġesù.

Nitolbu lill-Ispirtu Qaddis biex jagħtina din it-tip ta’ formazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċentru, is-sinteżi, l-essenza tal-formazzjoni kollha tinġabar proprju hawnhekk: fejn Ġesù jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħna, fejn Ġesù jkun il-gost tagħna, il-pjaċir tagħna, fejn Ġesù jkun l-inkwiet tagħna, fejn Ġesù kultant ikun ukoll id-dwejjaq tagħna, imma fejn Ġesù jkun il-kollox tagħna.

Spirtu Qaddis, agħtina lilna lkoll fil-bidu ta’ din is-Sena li nħalluk tiffurmana, inħalluk xi kultant anki xi ftit ‘tittrimjana’, tikkonvertina minn Marta għal Marija.

***

Kelmtejn waqt il-laqgħa tal-istaff akkademiku

Filwaqt li rringrazzja lil-letturi kollha għas-sehem tagħhom fil-formazzjoni akkademika tas-seminaristi, l-Isqof Anton Teuma fisser l-impenn li għandna bħala Knisja biex is-Seminarju nieħdu ħsiebu. In-numru ta’ kandidati għas-saċerdozju m’għandux jaqtgħalna qalbna, imma jimpenjana biex naħdmu għal formazzjoni aktar awtentika fis-Seminarju tagħna u għal ħidma pastorali aktar awtentika. Jeħtieġ nieħdu ħsieb l-għalqa kollha, anki jekk għandha x-xewk, u mhux roqgħa żgħira – minn hawn jinbtu l-vokazzjonijiet.

L-Isqof irrefera għall-psikjatra Daniel J. Siegel (1957- ), li jitkellem fuq “teaching from the inside out” (għandu ktieb jismu Parenting from the inside out). Aħna fil-ħajja tagħna aktar tgħallimna mill-persuni milli mill-kontenuti. Hawn l-Isqof semma żewġ punti:

  1. Bħala lettur irrid nistaqsi: Dak li qed ngħallem, lili fejn ipoġġini? Għalija xi jfisser? Jekk dak li qed ngħallem ifisser ħafna għalija, allura jien se ngħaddih lill-oħrajn bl-istess intensità.
  2. Irridu nkunu konxji għalhekk li aħna ngħallmu mhux biss il-kontenuti (li l-istudenti jitgħallmuh sal-eżami), imma fuq kollox attitudnijiet u ħiliet li jibqgħu mmarkati f’dawk li ngħallmu. Ngħidu aħna, jekk norbot il-kors fuq it-Trinità mar-realtà tal-Covid-19, jew mat-theddida fuq il-ħajja tal-bniedem fil-bidu u fit-tmiem tagħha, allura qed ngħaddi lill-istudenti attitudni importanti fejn l-istudju, mhux ikkunsidrat xi ħaġa maqtugħa għaliha. Jekk nitkellem fuq l-iżbalji fl-istorja tal-Knisja bħala opportunità biex nitgħallmu minnhom, qed inwassal attitudni kif inħarsu u nitgħallmu mill-iżbalji tagħna.

Fl-aħħar nett l-Isqof semma li llum bosta teoriċi jitkellmu fuq is-sistema u jsostnu li jekk sistema ma jkollhiex input, tikkankra, tmut u tagħmel ħsara lil sistemi oħrajn. Wieħed mill-modi kif jingħata input lis-sistema huwa t-tagħlim. Għaldaqstant id-dinja teħtieġ “learning organisations”… Seminarju li mhux biss jgħallem, imma jitgħallem.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading