Għasel ta’ ħlewwa u ħniena ssawwab fuq id-dinja

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna għall-Milied 2021.

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li f’dan il-lejl qaddis tal-Milied noffrilkom l-isbaħ xewqat tiegħi. Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu eżattament x’aħna ngħidu meta nsellmu lil xulxin f’dawn il-jiem qaddisa: ‘il-Milied it-Tajjeb!’ Qed infakkru t-twelid ta’ tarbija, qed infakkru t-twelid ta’ Alla li sar bniedem, għalija u għalik.

Meta aħna fid-djar tagħna, fil-pjazez tagħna u fil-knejjes tagħna narmaw il-presepji, il-maxtura, aħna nkunu qed nagħmlu att ta’ fidi li dik it-tarbija fix-xbieha ħelwa hija Alla mħabba magħmul bniedem. L-Evanġelju jgħidilna li twieled f’maxtura għaliex ma kienx hemm post għalih fil-lukanda, u ommu wellditu f’għar, fisqietu u qegħditu f’maxtura. Ġużeppi min jaf kemm tħabat biex isib post iktar addattat, imma s-sinjal tal-maxtura huwa — għalija u għalik — sinjal ta’ faraġ: il-Mulej lest jitwieled f’kull ambjent biex ikun qrib tagħna, qrib tiegħi, qrib tiegħek. Illum irridu naħsbu ftit kif nistgħu aħna wkoll nagħmlu hekk lil xulxin għaliex l-isem li jingħata huwa Alla Salvatur imma wkoll Għimmanu-El, Alla magħna. Kif nistgħu aħna b’dak li nagħmlu, b’dak li ngħidu, b’dak li naħsbu fil-Milied, inkunu tassew qrib xulxin?

Port ta’ kenn Dan il-ħsieb iwassalni għal sinifikat profond li l-istudjużi jagħtu lil isem pajjiżna. Jgħidulna li l-isem ‘Malta’ ġej mill-Feniċju malat, li tfisser port ta’ kenn, post sigur. Imma dan il-kenn aħna nsibuh fil-qalb tagħna għal xulxin? Kemm tkun ħaġa sabiħa li Malta tagħna tgħix il-vokazzjoni li hemm f’isimha: li tkun post ta’ kenn għal min jgħix fiha u għal min iħabbat fuq il-bibien ta’ qalbha. Nistgħu aħna f’dan l-istaġun sabiħ ta’ festi, ta’ ferħ u ta’ għożża ninsew ’il xi ħadd minn fostna?

Nixtieq insellem lin-nies li forsi ma tantx naħsbu fihom: dawk li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dawk li qegħdin fl-isptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra, l-anzjani tagħna f’tant djar fejn isibu għożża, iva, imma jista’ jkun li f’dawn il-ġranet iħossuhom ftit weħidhom. Tajjeb niftakru f’dawk li forsi waqgħu f’xi vizzji, f’dawk li qed jippruvaw isibu l-hena tagħhom f’xi ħaġa li minflok tibnihom, tkissirhom. Dawk huma wkoll parti mill-familja tagħna u rridu nkunu qrib tagħhom u naħdmu biex bl-għożża ta’ bejnietna Malta tkun tassew ta’ kenn għal kull min jgħix fuqha.

F’isem it-tarbija ta’ Betlehem, li ma sabitx post f’dan il-lejl qaddis fil-lukanda, lil min iħabbat fuq il-bieb ta’ xtutna aħna kif nistgħu ngħidulu full up, m’għandniex post? Possibbli m’għandniex post, jew inkella m’hemmx post fil-qalb tagħna?

L-għasel fil-kelma Kelma oħra li l-istudjużi jgħidulna li tfakkarna fl-isem ta’ Malta huwa l-‘għasel’. Ħafna studjużi jgħidu li l-isem Malta ġej minn mel, mill-għasel, mill-ħlewwa tal-għasel li kien jiġi prodott bi kwantitajiet kbar — u għadu sal-lum għall-grazzja ta’ Alla — fuq il-gżejjer tagħna ta’ Malta u Għawdex. L-għasel huwa xogħol il-bżulija tan-naħla imma n-naħla ma tistax tagħmel l-għasel mingħajr il-fjuri tal-kampanja. L-għasel huwa espressjoni
tal-armonija fil-ħolqien. Kemm hi ħaġa sabiħa li Malta tkompli tgħix il-vokazzjoni ta’ dan is-sinifikat profond tal-isem tagħha billi tkun ukoll ambjent fejn in-naħla tkun tista’ tkompli tagħmel l-għasel tagħha. Dan ifisser li għandna bżonn nieħdu ħsieb l-ambjent li tant huwa neċessarju biex ikollna l-għasel bnin li tant jagħmilna kburin.

Imma l-għasel mhuwiex biss tan-naħla. Hemm l-għasel tal-kelma ħelwa li tinfed fil-qalb ta’ min jisimgħek u tagħmillu l-kuraġġ, tagħtih ftit faraġ. Kemm inpoġġu aċtu u velenu kultant fil-kliem tagħna u fuq is-social media. Kemm nieħdu pjaċir kultant, ngħid sfortunatament, ngħajru lil xulxin bi kliem iebes! Fejn hu l-għasel fil-kliem ta’ fommna?

Malta post ta’ kenn, Malta li tnissel għasel bnin. Nistgħu ngħidu li fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù dawn iż-żewġ ħsibijiet jingħaqdu għaliex l-Iskrittura stess tgħid li fit-twelid tal-Iben ta’ Alla, bħal għasel ta’ ħlewwa u ta’ ħniena, issawwab fuq id-dinja, fil-qalb tagħna l-bnedmin, bħal dik in-nida li fuq il-pjanti u s-siġar tagħha tgħidilna li għad hemm it-tama, li għad hemm il-ħajja.

Jiena u nawgura lil kull wieħed u waħda minna Milied hieni, nixtieq nirringrazzjja lil kull min jipprova jippromwovi b’kull mod il-kultura tal-akkoljenza tagħna, il-kultura tal-ħlewwa. Wara kollox, Dun Karm meta ħaseb f’Malta hekk sejħilha: “din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha”. Jalla dan il-Milied ikollna l-qalb tagħna miftuħa biex nilqgħu lil xulxin u għal xulxin, u li t-tislima ħelwa tal-Milied tkun ukoll impenn biex nużaw kliem ħelu u sabiħ għal xulxin.

Mill-qalb nagħtikom il-barka pastorali tiegħi u nawguralkom minn issa mhux biss Milied hieni imma wkoll sena ġdida mimlija risq u barka.


✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Ara test tal-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna (pdf) …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading