Il-kobor taċ-ċokon

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tal-Milied ta’ nofs il-lejl. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”. Dan hu li qal l-anġlu lir-rgħajja, u mal-ewwel jolqotna l-kuntrast ta’ dan mal-bidu tal-Evanġelju skont San Luqa fejn jirrakkonta x’ried l-Imperatur Ċesari Awgustu mid-dinja kollha meta għamel iċ-ċensiment. Hawnhekk, l-Evanġelju fil-bidu jitkellem fuq in-nies ta’ poter. Hemm Ċesari Awgustu, li ried ikun jaf kemm għandu nies mad-dinja kollha, u għalhekk ġiegħel lin-nies jagħmlu ċ-ċensiment u minħabba f’hekk li Ġużeppi u Marija kellhom imorru Beltlehem; u hawn isemmilek ukoll lill-gvernatur tas-Sirja, Kirinu. Dawn kienu n-nies tal-poter, in-nies li kellhom is-saħħa u n-nies li kienu jikkmandaw.

Kuntrast

Imbagħad, b’kuntrast ma’ dan, għandna lil din it-tarbija “mfisqija u mimduda f’maxtura”. L-anġlu qed jgħid lir-rgħajja li dan hu s-Salvatur: din it-tarbija. Mal-ewwel jolqotna l-kutrast bejn in-nies tal-poter u tas-saħħa, u din it-tarbija dgħajfa, dipendenti, f’post li ma kienx deċenti għat-tarbija, f’maxtura; l-Evanġelju jgħid li “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”, fejn it-tarbija setgħet titwieled f’post aħjar. Alla għażel dan. Għażel li jitwieled bl-aktar mod dgħajjef, bl-aktar mod dipendenti, u bl-aktar mod ċkejken.

Jolqotna dan. Nafu li meta naraw it-tarbija u niftakru li dan hu Alla li sar bniedem fostna, hemm tant li jolqotna u li hu sorpriża kbira għalina l-bnedmin. Alla li ħalaq kollox u li jħaddan l-univers, hawn issa qed jiġi mħaddan minn Marija u Ġużeppi. Alla li ħalaq ix-xemx li ssaħħan hawn qed jirċievi s-sħana ta’ din il-familja ċkejkna u ordinarja. Alla, li kollox ġej minnu, hawn m’hawnx post għalih. Dan hu kuntrast kbir f’din il-ġrajja.  Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu kemm illejla fil-lejl tal-Milied u anke nhar l-Erbgħa li għadda, jenfasizza din l-għażla ta’ Alla ta’ dak li hu ċkejken, dak li hu umli, dak li hu żgħir. Jgħid: din hi l-isfida tagħna għall-Milied, għalina li nemmnu, li nagħmlu l-istess għażla ta’ Alla; li dik tkun l-għażla tal-ħajja tagħna, għax hemm insibu tassew il-paċi u l-ferħ f’qalbna.

Iċ-ċokon tal-ħajja ordinarja

F’post ieħor, il-Papa jgħid li Marija kienet kapaċi li l-għar tibdlu f’post tassew ta’ għożża. Din hi l-għażla li rridu nagħmlu aħna wkoll. Il-Papa jfehimna b’liema mod aħna nagħżlu dak li hu ċkejken, dak li hu żgħir, u hemm insibu tassew il-paċi u l-ferħ f’qalbna.

L-ewwel nett, billi nagħrfu li hi fil-ħajja ordinarja li aħna nistgħu tassew nitqaddsu. Hi fil-ħajja ordinarja li aħna nistgħu nsibu l-milja tal-imħabba. Mhux fl-affarijiet li jagħmlu ħafna ħoss, jew dawk li jimpressjonaw minn barra, imma hi fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, bħalma Marija u Ġużeppi, hemmhekk fiċ-ċokon, setgħu jgħixu l-misteru kbir ta’ Alla li sar bniedem fostna. Lilna jistedinna biex fil-ħajja ordinarja, aħna nibdlu l-ħajja bl-imħabba li hu ġab fina. Għalhekk, ngħixu l-ħajja ordinarja b’mod straordinarju, jiġifieri b’din l-imħabba kbira li tibdel il-ħajja ordinarja u tagħmilha tassew sabiħa

Iċ-ċokon tad-dgħufija tagħna

Meta ngħidu “iċ-ċokon tagħna”, nagħrfu d-dgħufija tagħna l-bnedmin. Alla ġie jiltaqa’ magħna fid-dgħufija tagħna. Nafu li m’għandniex biex nitkabbru. Meta nħarsu mhux biss lejn il-ħajja imma wkoll lejna nfusna, nagħrfu li t-triq tal-umiltà li verament tqarribna lejn Alla, hi t-triq tal-umiltà li tgħinnna nagħrfu wkoll dak li Alla jrid minna fil-ħajja tagħna, inħarsu lilhinn ’il bogħod. Fil-fatt il-Papa għandu sentenza verament sabiħa. Jgħid: mingħajr umiltà, aħna qisna nħarsu dejjem lejn nfusna, qisna quddiemna għandna biss mera biex naraw lilna nfusna. Imma bl-umiltà, Alla jgħinna nħarsu lil hinn minna nfusna, lejn ix-xefaq, jiġifieri lejn dak li hu jitlob minna fil-ħajja tagħna u li jgħinna biex ħajjitna tkun isbaħ. Għalhekk, anke meta nħarsu lejna nfusna hu b’dal-mod. Mhux b’mod imkabbar – m’għandniex biex nitkabbru – imma tassew b’umiltà.

Iċ-ċkejknin li rridu nieqfu magħhom

Imbagħad hemm ħaġa oħra importanti li l-Papa jgħid meta jitkellem fuq iċ-ċokon. Irridu niftakru li meta Alla sar bniedem, sar ħaġa waħda ma’ dawk kolha li qegħdin ibatu, li huma foqra, li huma dipendenti, li huma emarġinati, li huma esklużi fis-soċjetà. Meta jgħid fl-Evanġelju “ma kienx hemm post għalihom”, kienet l-akbar esklużjoni. Ġesù sar ħaġa waħda ma’ dawn in-nies, biex ifakkarna li hemm irridu nsibu l-Mulej illum f’ħajjitna, meta aħna fil-ħajja tagħna nieqfu ma’ dawk kollha li huma fil-bżonn, dawk kollha li għaddejjin minn tbatija. Ġesu qalilna: dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.

Din hi t-triq li għażel Alla meta twieled fostna tarbija f’maxtura, u din hi t-triq li jistedinna għaliha. Hi t-triq li ngħixu b’ħafna mħabba, imma mhux bl-affarijiet li jagħmlu storbju jew li jfissru poter, imma fl-umiltà tal-ħajja ta’ kuljum, b’mod li nibdlu l-ħajja tassew bl-imħabba, u b’mod li nsibu lil dawk li b’xi mod jew ieħor qegħdin ibatu u hemm nuruhom l-imħabba ta’ Alla. Hemm inkunu qegħdin ngħixu tassew il-messaġġ kbir tal-Milied: Alla li sar bniedem fostna biex isalvana, biex lilna jimliena bl-imħabba tiegħu, u jgħinna nkunu tassew strumenti ta’ din l-imħabba mal-oħrajn.

Nitolbuh illum lill-Mulej biex ngħixu l-istedina li qed jagħmlilna, u ngħixuha bl-istess stil ta’ ħajja li għażel hu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: