Mar-ragħajja fil-għar

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 1 ta’ Jannar 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla – Pontifikal Solenni tal-Ewwel tas-Sena. Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-marija-omm-allais-sibt-1-ta-jannar-2022?si=186441890f424073a0fdc2fa720a2a80&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Żgur li llum, ma’ kull min niltaqgħu, ngħidulu: “Is-Sena t-tajba”. Naħseb li kull wieħed u kull waħda minna, meta nawguraw is-Sena t-tajba lil xulxin, ilkoll kemm aħna għandna f’moħħna bħalissa li s-sena dieħla ma tkunx ikkumplikata kif kienet is-sena l-oħra, jew kif inhi bħalissa, bil-kwistjoni tal-Covid. Imma aħna l-Insara, jekk irridu nixtiequ tassew Sena tajba lil xulxin, irridu mmorru lil hinn minn hekk. L-ewwel u qabel kollox ma nafux kif ser tkun is-sena dieħla: aħna nittamaw li tkun aħjar, imma ma nafux kif ser tkun… allaħares ma tkunx aħjar. Imma mhux għalhekk biss, għax aħna għandna awgurju ħafna isbaħ u aħjar x’nagħtu lil xulxin fil-bidu tas-sena, fil-bidu ta’ żmien ġdid. Liema hu dan l-awgurju? Li Ġesù jitwieled, jikber u jsir matur f’kull wieħed u f’kull waħda minna. Dan hu l-isbaħ u l-ikbar awgurju li nistgħu nagħmlu aħna l-Insara lil xulxin!

Dan ifisser li, jiġri x’jiġri fil-ħajja, jiġri x’jiġri fl-istorja tal-familja tiegħek, jiġri x’jiġri fil-ħajja tiegħek personali, inti ser ikollok l-ispirtu ta’ Ġesù biex taffrontah, ser ikollok il-qawwa u l-fiduċja ta’ Ġesù biex taffrontah. Dan l-awgurju hu wisq ikbar, wisq aqwa milli nawguraw lil xulxin li matul is-sena li ġejja, jekk Alla jrid, neħilsu mill-Covid.

L-Evanġelju tal-lum (Lq 2:16-21), bi kliem sempliċi, taħt forma ta’ storja, jirrakkuntalna kif dan l-awgurju jista’ jsir realtà, ma jibqax kliem, imma jsir veru. L-ewwel u qabel kollox ir-ragħajja, li nistgħu nidentifikaw ruħna magħhom trankwillament: ir-ragħajja, li ma kienu qed jistennew xejn ġdid, xejn tajjeb, xejn sabiħ, imma meta “dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom” (Lq 2:9), jgħidilna l-Evanġelju. Interessanti li l-glorja iddiet madwarhom u mhux madwar Marija, Ġesù u Ġużeppi. Tiddi madwarna din il-glorja, aħna li smajna l-aħbar, li qed nisimgħu l-aħbar li Ġesù twieled. X’jagħmlu dawn? Bdew jitkellmu flimkien, mhux waħidhom, mhux kulħadd għal rasu: “Ejjew immorru Betlehem” (v. 15) flimkien. Din diġà qed tagħtina waħda mill-kwalitajiet, waħda mir-rekwiżiti importanti ta’ kif aħna nistgħu nwelldu lil Ġesù fina u ngħinu lil Ġesù jitwieled fl-oħrajn. Irridu naħdmu flimkien. X’jiġifieri flimkien? Nisimgħu l-Kelma ta’ Alla flimkien, mhux waħidna, għax waħidna mhux biżżejjed.

“‘Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej’. Marru mela jgħaġġlu” (vv. 15-16), jgħidilna l-Evanġelju. Marru jħaffu, jgħaġġlu; u din hija karatteristika oħra importanti. Aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla hawnhekk, u forsi f’qalbna ngħidu: ‘Iva, veru’, imbagħad noħorġu barra u ninsewha, kważi kważi nagħlquha hawn ġew, inħalluha fil-knisja. Ir-ragħajja le! Jisimgħuha u jmorru jħaffu, kif għamlet Marija, kif smajna fir-raba’ Ħadd tal-Avvent: “Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1:39) tal-Lhudija. Kif għamel Żakkew, f’kapitlu 18 tal-Evanġelju ta’ San Luqa: “‘Isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek’. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu” (vv. 5-6). Karatteristika oħra tal-Kelma ta’ Alla: flimkien u malajr.

Dawn x’jagħmlu? Imorru u jaraw, kif jgħidilna l-Evanġelju, “it-tarbija mimduda f’maxtura” (2:16). Ma sarux mirakli, ma sarux affarijiet straordinarji. Kważi kważi Alla qed jgħidilna: ‘Tfittxunix f’dak li mhux tas-soltu, tfittxunix fl-affarijiet kbar’. Din taħsadna, għax aħna jekk jista’ jkun lil Alla rriduh jagħmel affarijiet kbar, irriduh jgħinna nindunaw bil-preżenza tiegħu, bl-istraordinarju. Anki bil-mod forsi kif niċċelebrawh, iktar ma jkun straordinarju, iktar ma jkun ’il fuq min-normal, aħjar. Imma l-Evanġelju qiegħed jgħidilna: ‘Le! Lili ssibuni fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum, ta’ tarbija bejn ommha u missierha, mimduda f’maxtura. Lili ssibuni fis-sempliċità ta’ dik is-sejħa lil kull wieħed u kull waħda minna kuljum, fil-familja tagħna, fuq ix-xogħol, fl-ordinarjetà tal-ħajja, fis-sejħa għall-imħabba li ssirilkom, ikun min ikun’. Aħna ħafna drabi ngħixu fil-ħajja tagħna meta niltaqgħu ma’ sejħat li jqanqluna biex inħobbu, biex inkunu ġenerużi, f’din is-sempliċità, f’din l-ordinarjetà. Alla tagħna hu ferjali, ordinarju, sempliċi, komuni. Allura din hija sfida kbira għalina, għax, jekk jista’ jkun, lil Alla aħna nimmaġinawh li jkompli fejn ma nistgħux aħna. Lil Alla tagħna nimmaġinawh li jista’ dak li aħna ma nistgħux, jagħmel dak li aħna m’aħniex kapaċi nagħmlu. Imma Alla tagħna qed jurina xi ħaġa differenti minn hekk: fl-Evanġelju tal-lum Alla tagħna hu s-sempliċità tal-imħabba; imħabba mhux biss li qed jitlob lilna li nagħmlu lill-oħrajn, imma mħabba mogħtija lilna, lil kull wieħed u kull waħda minna.

Għaliex ir-ragħajja f’dik it-tarbija rnexxielhom jaraw xi ħadd iktar minn tarbija? Mhux biss għax kienu mdawlin mill-kliem tal-anġli, mhux biss għax raw id-dawl madwarhom, mhux biss għax qabadhom il-biża’, għax kien hemm ħwejjeġ mhux tas-soltu… mhux biss għalhekk; imma fuq kollox għax indunaw li Alla ma għadux Alla li jikkundanna, li jikkastiga, li qiegħed attent biex jiġġudika, imma sar differenti. Ġie ppreżentat lilhom mod ieħor kif ikun Alla fl-istorja: Alla mogħti għalina, fid-dgħufija ta’ tarbija. Għandna d-divinità u s-sublimità ta’ Alla moħbija fil-fraġilità tal-umanità. Jien u int hemmhekk irridu nsibuha s-sublimità ta’ Alla: fil-fraġilità tal-umanità.

Inkunu nikbru fil-persuna ta’ Ġesù u nħallu lil Ġesù jikber fina, u mingħajr ma nindunaw inkunu qegħdin nagħmlu l-eżerċizzju ta’ Marija, li saret Omm Alla, li semgħet il-Kelma, u din il-Kelma tant semgħetha, tant integratha fil-persuna tagħha, tant saret parti mill-ġisem tagħha, li wilditha f’tarbija, wilditha ħajja f’Ġesù. Dak li jiġri lili u lilek: il-Festa ta’ Marija Omm Alla tista’ tkun b’xi mod il-festa tiegħi u tiegħek. Aħna wkoll imsejħin biex niġġeneraw fina, biex inwelldu fina l-Kelma bħal Marija u nagħmluha laħam, nagħmluha ħajja.

Kif ir-ragħajja jaslu fl-għar u jaraw it-tarbija, flimkien ma’ Marija u Ġużeppi, jibdew jirrakkuntaw lil Marija u lil Ġużeppi xi ġralhom: “U kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (2:18), jgħidilna l-Evanġelju. Anki Marija u Ġużeppi stagħġbu b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Din hija xi ħaġa sempliċi, imma kbira fl-istess ħin, għax ħadd minna, lanqas Marija u Ġużeppi, ma jaf diġà kollox dwar dik it-tarbija. Minn min tgħallmu? Mhux mill-Qassisin il-Kbar, mhux mill-Profeti, mhux minn min kien jaf il-Kelma ta’ Alla. Le! Imma mingħand ir-ragħajja, midinbin, sempliċi, minn ragħajja abbandunati kemm mis-soċjetà, kemm mill-istess reliġjon Ġudajka. Marija u Ġużeppi kienu kapaċi jitgħallmu fuq Ġesù mingħand ir-ragħajja. Din xi ħaġa kbira. X’tgħidilna din? Hija verità li lilna ddaħħalna f’qoxritna. Alla huwa preżenti; il-Kelma, il-verità hija preżenti: meta aħna kapaċi nitgħallmu mingħand xulxin, meta aħna kapaċi nisimgħu lil xulxin, meta aħna għandna qalb sempliċi u umli bħal ta’ dik it-tarbija, li kapaċi tilqa’ t-tajjeb, jiġi minn fejn jiġi. Din hija l-esperjenza ta’ Ġużeppi u Marija flimkien mar-ragħajja.

Terġa’ tirrepeti ruħha fl-istorja ta’ Marija u Ġużeppi, din l-esperjenza li jistagħġbu, jiġifieri li jindunaw b’xi ħaġa li qabel ma kinux indunaw biha, jiġifieri li jitgħallmu xi ħaġa fuq Ġesù. Hekk jiġri 40 ġurnata wara, meta fit-Tempju Xmun jerfgħu fuq dirgħajh: “Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu” (2:33). Hekk jiġri meta jiġu u jsibuh fit-Tempju: jistagħġbu. L-Evanġelju jgħidilna b’mod ċar: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri? Iżda kliemu ma fehmuhx” (2:49-50). Allura jien, int, aħna, m’għandniex lok, m’għandiex wisa’, m’hemmx iktar possibbiltà li nitgħallmu fuq Ġesù, li nsiru nafuh iżjed, li jikber iktar fina u li nikbru iktar fih. L-istess Marija u Ġużeppi kellhom din l-esperjenza, imma kellhom il-qalb umli, qalb miftuħa li titgħallem; qalb flessibbli, doċli, mingħajr riġidità, li ħafna drabi aħna nagħmlu biex niddefendu lilna nfusna, għax nibżgħu li xi ħadd ser jeħdilna xi ħaġa.

Dawn “ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla, għal kulma kienu raw u semgħu” (2:20). San Luqa joqgħod attent li juża l-istess verb mar-ragħajja li qabel kien uża għall-anġli: “Ingħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ fis-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Glorja lil Alla’” (2:13-14). Issa huma r-ragħajja l-anġli tal-art, u r-ragħajja li għamlu esperjenza tal-laqgħa tagħhom mal-persuna ta’ Ġesù, u jsiru huma x-xandara, l-anġli, għal ħaddieħor. Kif hu mitlub minni, kif hu mitlub minna, meta aħna nagħmlu l-laqgħa vera tagħna ma’ Ġesù.

L-Evanġelju jispiċċa bi frażi: “it-tmien jum” (2:21). Sa ftit snin ilu l-Festa tal-lum kienet iddedikata liċ-Ċirkonċiżjoni, jew aħjar lill-Isem ta’ Ġesù mogħti lit-tarbija li twieldet, ġimgħa wara t-twelid ta’ Ġesù, ġimgħa wara l-Milied. Hija ġrajja sabiħa din il-ġrajja tal-għoti tal-isem. Aħna nafu li fl-Iskrittura l-isem mhux biss titlu mwaħħal ma’ persuna, mhux biss indikazzjoni ta’ kif tista’ tgħajjat lil xi ħadd, imma l-isem fuq kollox huwa d-definizzjoni u d-deskrizzjoni tal-persuna, l-isem jgħid min hi l-persuna. L-isem Ġesù, Yeshua, ifisser ‘Alla li jsalva’. Allura għal darb’oħra hawnhekk f’din it-tarbija għandna l-għotja min-naħa ta’ Alla tal-Ħellies, tas-Salvatur tagħna.

Imma dak li hu interessanti iktar minn hekk huwa l-fatt li l-isem Ġesù fl-Evanġelju kollu ta’ San Luqa kien imsejjaħ biss mill-midinbin. L-ewwel imsejjaħ mill-lebbrużi, mill-imxajtnin; imbagħad imsejjaħ mill-għama ta’ Ġeriko: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni” (18:38); u fl-aħħar dan l-isem, “Ġesù salvani”, “Alla salvani”, ikun imsejjaħ mill-ħalliel it-tajjeb: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek” (23:42). Xi jfisser dan kollu? Mhux kumbinazzjoni. Aħna nistgħu nsejħu tassew l-isem ta’ Ġesù jekk inkunu konxji mil-limiti tagħna, mill-fraġilità tagħna; bħallikieku Alla jrid jgħidilna li l-iktar li jieħu gost, l-iktar li jintrabat u jingħaqad malajr, huwa mal-fraġilità tal-bniedem, fiżika, mentali, psikika, saħansitra morali, fil-fidi. Għalhekk għandna għax nagħmlu kuraġġ dalgħodu.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jiġi fuq il-maxtura, fuq it-tiben tal-fraġilità tal-qalb tagħna. Ejjew nawguraw lil xulxin li matul din is-sena ngħinu lil xulxin nagħmlu l-esperjenza sabiħa tar-ragħajja, nikbru fil-persuna ta’ Ġesù, u noħolqu opportunitajiet biex Ġesù jikber fil-persuna tagħna.

2 thoughts on “Mar-ragħajja fil-għar”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading