Nieħdu ħsieb tagħna nfusna

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 8 ta’ Jannar 2022: Diskors onlajn tal-Awguri tas-Sena l-ġdid mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex lill-kleru, ir-reliġjużi u s-saċerdoti msefrin.

Diskors mill-Isqof Anton Teuma

Grazzi

Fl-Ittra li l-Papa Franġisku kiteb f’għeluq il-160 sena mill-mewt ta’ San Ġwann Marija Vianney, jikteb hekk:

“Għeżież ħuti saċerdoti, grazzi tal-fedeltà tagħkom għall-wegħdiet li għamiltu. Grazzi tal-ferħ li bih offrejtu ħajjitkom…

Grazzi talli ħdimtu biex issaħħu r-rabtiet ta’ fraternità u ħbiberija ma’ ħutkom saċerdoti u mal-isqof tagħkom, billi pprovdejtu appoġġ u inkuraġġiment, ħadtu  ħsieb il-morda, żortu x-xjuħ u tgħallimtu mill-għerf tagħhom, qsamtu ma’ xulxin u tgħallimtu tidħku u tibku flimkien.

Grazzi talli tiċċelebraw l-Ewkaristija kuljum u tkunu ragħajja ħanina fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, la ibsin u lanqas laxki.

Grazzi ta’ meta, b’emozzjoni kbira, għannaqtu l-midinbin, dewwejtu l-ġrieħi, saħħantu l-qlub u wrejtu l-ħlewwa u l-mogħdrija tas-Samaritan it-Tajjeb.  

Xejn mhu iżjed meħtieġ minn dan: aċċessibbiltà, viċinanza, rieda li tersqu lejn it-tbatija ta’ ħutna. Kemm hu setgħan l-eżempju ta’ qassis li jkun preżenti u ma jaħrabx mill-pjagi ta’ ħutu bnedmin”.

Grazzi tal-ħidma tagħkom bla waqfien anki fid-diffikultajiet ta’ din il-pandemija. Grazzi ta’ dak kollu li għamiltu ma’ ħutna l-Insara l-oħra fiż-żmien tal-Avvent u tal-Milied. Grazzi tas-sapport u l-għajnuna li tagħtu lil xulxin.

Grazzi li għoġobkom tilqgħu l-istedina tal-Uffiċċju Kleru u tidħlu għal din il-laqgħa ta’ dalgħodu.

Żmien ta’ Sinodu u Pjan Pastorali

Kif ilkoll nafu, minn Ottubru li għadda l-Papa qiegħed idaħħal il-Knisja Universali f’esperjenza ta’ Sinodu. Aħna qed nippruvaw inpoġġu fil-prattika l-istedina tal-Papa permezz tal-Pjan Pastorali, bit-tema “X’intom tgħidu?”, b’riferiment għall-mistoqsija li jagħmel Ġesù lid-dixxipli ta’ Għemmaws: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” (Lq 24:17).

Żmien ta’ eżami tal-kuxjenza

Wasalna fil-qofol ta’ dan il-Pjan meta f’dawn ix-xhur ta’ Jannar u Frar ser nippruvaw ilkoll flimkien – lajċi, reliġjużi u saċerdoti – nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar dak li aħna msejħin inkunu u dak li aħna msejħin nagħmlu.

Fil-ġurnata tal-Ordinazzjoni tagħna aħna tajna lilna nfusna lil Ġesù u aċċettajna li nħalluh ikun preżenti qalb in-nies permezz tagħna. Għal din il-ġurnata ppreparajna għal ħafna snin b’ħafna qtigħ il-qalb, sagrifiċċji u ħafna tbatija. L-ewwel quddies tagħna qaddisnieh b’attenzjoni u b’devozzjoni liema bħalha. L-ewwel prietki tagħna ppreparajniehom bis-serjetà u fit-tul. L-ewwel qrar tagħna għamilnieh bi ħlewwa u b’disponibbiltà. Konna ħafna attenti li ma nħallux it-talb tal-Liturġija tas-Sigħat. Konna nagħmlu l-ħila tagħna biex ma nħallux il-meditazzjoni u l-ħin ta’ adorazzjoni ta’ kuljum. Id-drabi li konna niġu msejħa biex immexxu laqgħat, ħadna dejjem bis-serjetà l-preparazzjoni u l-iżvolġiment tal-laqgħa. L-enerġija prinċipali tagħna, il-parti kbira tal-ħin tal-ġurnata u tal-ġimgħa, kienu kollha ddedikati għal dak li hu tassew saċerdotali.

Għal dawk li huma reliġjużi, żgur li fil-bidu kien hemm attenzjoni għall-ħajja komunitarja, għat-talb komunitarju, għall-għajxien aktar radikali tal-voti.

Żgur li dakinhar konna l-aktar nies kuntenti. U jekk għadna ngħixu bl-istess intensità dak li hu direttament saċerdotali u reliġjuż, għadna sal-lum l-aktar nies kuntenti.

Ilkoll kemm aħna ħriġna mis-Seminarju jew mid-dar tal-formazzjoni ċerti x’jixtieq Alla mill-poplu tiegħu, għamilna l-ħila kollha tagħna biex inwasslu dak li jixtieq Alla mill-poplu tiegħu għax konvinti li Alla jixtieq l-ogħla ġid lill-poplu tiegħu. Jista’ jkun li l-esiġenzi u l-bżonnijiet urġenti tan-nies bil-mod il-mod tant jeħdulna l-enerġija tagħna, li spiċċajna aktar attenti għal dak li jridu n-nies minn Alla u minna, milli attenti għal dak li jrid Alla minna u mill-poplu tiegħu?

Irridu nammettu li aħna qegħdin f’pożizzjoni delikata u kultant diffiċli: ngħixu qalb il-poplu, u filwaqt li nisimgħu kontinwament x’jixtieq il-poplu minna u minn Alla, irridu niddixxernu x’jixtieq Alla mill-poplu u liema l-aħjar mod li nwasslu lill-poplu dak li Alla jrid minnu. Ir-riskji jistgħu jkunu, jew li ninqatgħu min-nies fi spiritwaliżmu diżinkarnat, jew li ninqatgħu minn Alla f’saċerdozju li kontinwament ikkonċentrat fuq il-bżonnijiet tan-nies mingħajr qatt ma npoġġu l-problema ta’ x’jixtieq tassew Alla mill-poplu tiegħu. U wkoll, x’jixtieq Alla minni, minna saċerdoti.

Kif nafu, xi ħadd għaref darba qal li jekk is-saċerdot ikun qaddis, il-poplu jkun tajjeb; jekk is-saċerdot ikun tajjeb, il-poplu jkun medjokri; jekk is-saċerdot ikun medjokri, il-poplu jkun ħażin.

Hija verità, illum ippruvata mix-xjenzi umani kollha. Il-filosofija, is-soċjoloġija, il-psikoloġija u l-pedagoġija llum kollha jisħqu fuq l-awtentiċità tal-edukatur jew ta’ dak li għandu r-rwol li jifforma. L-enfasi m’għadhiex fuq l-iskills, il-kapaċitajiet, imma fuq l-integrazzjoni tal-persuna – ix-xogħol tal-persuna. Fi kliem ieħor, għalina s-saċerdoti l-aktar importanti mhumiex il-kapaċitajiet amministrattivi jew proġettwali, mhumiex il-kapaċitajiet li niffurmaw gruppi jew li niġbru ħafna nies magħna, imma fuq kollox il-ħidma ta’ integrazzjoni tal-persuna tagħna fl-identifikazzjoni mal-persuna ta’ Ġesù.

Dan ifisser li l-ansjetà tagħna ma tkunx minħabba li n-nies m’għadhomx jiġu knisja, imma li aħna s-saċerdoti nitqaddsu fil-quddiesa u biha; mhux ninkwetaw li n-nies m’għadhomx jiġu għal-laqgħat jew l-eżerċizzi, imma li aħna s-saċerdoti nimmeditaw il-Kelma ta’ Alla; mhux li n-nies m’għadhomx jiġu biex iqerru, imma li aħna jkollna r-ritmu tal-qrar tagħna.

Il-ħajja spiritwali tagħna

Fi kliem ieħor, jeħtieġ li kontinwament nieħdu ħsieb il-ħajja spiritwali tagħna! Eugen Drewerman għandu ktieb interessanti jismu Funzionari di Dio. Fih jispjega kif is-saċerdot jista’ jixxiftja mill-intimiżmu tal-ħajja tas-seminarju għad-dewbien f’ħajja totalment iddettata mill-esiġenzi tan-nies, mingħajr jew bi ftit riferiment għal dak li sejjaħlu. Hekk is-saċerdot isir sempliċi impjegat tas-sagru, mingħajr ruħ verament saċerdotali.

Dan ir-riskju faċli naqgħu fih jekk ma niħdux ħsieb il-ħajja spiritwali tagħna. Minn hawn toħroġ l-importanza ta’ regola tal-ħajja li tagħti l-importanza mistħoqqa lill-mumenti li minnhom nistgħu nixorbu spiritwalment.

Fil-ġurnata rrid insib il-ħin għat-talb tal-Liturġija tas-Sigħat, għall-meditazzjoni, għal ftit adorazzjoni, għat-talba tar-Rużarju u għall-Ewkaristija. Fejn tidħol l-Ewkaristija, attenzjoni kbira, konċentrazzjoni u qima. Attenzjoni l-aktar fejn niċċelebraw aktar minn quddiesa waħda. Ma ninsewx li skont il-kanoni 951 ma nistgħux inżommu aktar minn elemożina waħda.

Fil-ġimgħa rrid insib il-ħin għas-sagrament tal-qrar u ħin fit-tul għar-riflessjoni. Ir-reliġjużi rġiel huma disponibbli għas-sagrament tal-qrar, kif ukoll għall-ħin ta’ riflessjoni fil-kunventi tagħhom.

Fix-xahar irrid insib il-ħin għad-direzzjoni spiritwali u għall-adorazzjoni flimkien mas-saċerdoti l-oħra. (Jekk Alla jrid, imissna nhar il-Ħamis li ġej.)

Fis-sena rrid insib il-ħin għal ġimgħa rtir.

Faċli ħafna li minħabba l-impenji mistennija minna min-nies jew forsi xi drabi mill-Isqof inħallu barra dak li hu essenzjali għal ħajjitna, bl-iskuża li għandna ħafna x’nagħmlu. U nispiċċaw biex nippruvaw nitrejqu b’ikel li mhux veru jxebba’.

Il-kuntentizza tagħna fis-saċerdozju u fil-ħajja reliġjuża tiddependi biss mill-awtentiċità tal-għajxien tal-vokazzjoni tagħna. Ma tiddependix minn kemm se niġbed nies warajja, ma tiddependix minn kemm ser nagħmel opri u proġetti, ma tiddependix minn kemm ser nikkuntenta nies, ma tiddependix minn kemm jien popolari, ma tiddependix minn kemm se naqla’ flus… Tiddependi biss minn kemm nitħabat biex inkun saċerdot u reliġjuż awtentiku!

Patri Arthur Vella sj, f’diskors li kien għamel fis-Sinodu ta’ Malta f’Ottubru 1999, kien qal hekk: “Hemm bżonn kbir ta’ xhieda ta’ ħajja tassew evanġelika, speċjalment minn min hu l-aktar responsabbli, bħalma huma s-saċerdoti u r-reliġjużi. B’mod l-aktar partikolari nemmen li r-reliġjużi huma msejħa biex jagħtu xhieda profetika skont il-kariżmi tagħhom. Fil-bidu semmejt li kellna ħafna vokazzjonijiet; illum naqsu ħafna. Nistaqsi jekk jistax ikun li nxteħtu wisq fuq opri ġodda, fuq ħafna attivitajiet, li forsi mhux kollha huma fil-linja tal-kariżma awtentika tagħhom, u li għamlu hekk ukoll mingħajr ma qraw sewwa s-sinjali taż-żminijiet. Dan il-fatt jista’ jispjega wkoll parzjalment in-nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet f’xi wħud. Din ix-xhieda kariżmatika u profetika rridu nagħtuha fi ħdan il-fidi awtentika li nħaddnu u li nistqarru u ngħixu, dejjem skont il-maġisteru tal-ġerarkija tal-Knisja li lejha nuru rispett u ubbidjenza”.

Awgurju

Għalhekk, matul din is-sena li qed nibdew, l-awgurju tiegħi huwa wieħed sempliċi. B’umiltà kbira nitlobkom u nawguralkom li nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Nieħdu ħsieb l-identità saċerdotali u reliġjuża tagħna.

Il-Vigarju Ġenerali, Mons. Tarċisju Camilleri, flimkien ma’ Patri Marcello Ghirlando ofm, Delegat għall-Ministeru tal-Ħniena, ser ikunu jgħinu lill-Presbiterja Parrokkjali biex fis-serenità u fis-sempliċità jagħmlu riflessjoni fuq il-ħajja saċerdotali, biex flimkien mal-poplu ta’ Alla fid-Djoċesi kollha nagħmlu l-ħila tagħna biex nikbru fl-awtentiċità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading