Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ Santa Francesca Romana

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-PARROĊĊA TA’ SANTA FRANCESCA ROMANA
OMELIJA TA ĠWANNI PAWLU II
I Ħadd tal-Avvent
29 ta’ Novembru 1981

1. Regem venturum Dominum, venite adoremus!

Waqt li nibdew minn dan il-Ħadd, jasal lill-Knisja kollha dan l-sppell ġdid: l-appell tal-Avvent. Tħabbru l-liturġija, imma jħossu, fl-istess ħin, il-Poplu kollu ta’ Alla bis-sens tiegħu tal-fidi. L-Avvent jikkostitwixxi mhux biss l-ewwel perjodu tas-sena liturġika tal-Knisja, imma fl-istess ħin il-kontenut intern ukoll tal-ħajja ta’ wliedha.

Regem venturum Dominum, venite adoremus!

U bl-istess appell niġi llum jien fil-parroċċa tagħkom biex fiha nwettaq il-ministeru apostoliku ewlieni: il-ministeru taż-żjara. Niżżikom ħajr għal-laqgħa kordjali, u b’mod speċjali għall-preżenza tagħkom; din, infatti, tippermettili li niltaqà mal-komunità kollha tal-Poplu ta’ Alla li intom tikkostitwixxu, u mad-diversi gruppi eżistenti fl-isfera tagħha.

Nindirizza qabel xejn it-tislima kordjali tiegħi lill-Kardinal Vigarju u lill-Isqof taż-Żona Monsinjur Clemente Riva, li b’mod dehen ħejjew din il-laqgħa, Insellem ukoll b’mod ħaj lill-kappillan u lill-viċijiet tal-Ordni tal-Aħwa Minuri, li jaħlu l-enerġija tagħhom fl-attenzjoni pastorali ta’ din il-parroċċa; u magħhom ngħaqqad ukoll lill-presbiteri tal-parroċċi l-oħra, li jgħinuhom. Nestendi bil-qalb it-tislima lir-reliġjużi rġiel u nisa, li jgħammru u joperaw fil-parroċċa. Barra minn hekk, nindirizza b’imħabba lill-fidili kollha, u b’mod speċjali lill-membri tal-assoċjazzjonijiet, gruppi u movimenti kattoliċi differenti, li joffru xhieda attiva tal-fidi tagħhom. Irrid infakkar b’mod speċjali lill-katekisti meritorji. Imma t-tislima tiegħi trid ukoll tinkludi lill-morda, li lilhom nassikura t-talb tiegħi, u mbagħad liż-żgħażagħ għeżież li huma t-tama tagħna lkoll.

Naf li l-parroċċa ta’ Santa Francesca Romana fil-Kwartier Ardeatino hija ta’ fondazzjoni moderna, imma marbuta ma’ tradizzjonijiet u ma’ monumenti antiki. Parti mit-territorju abitat mill-parruċċani kien fil-medjuevu propjetà tal-familja tal-qaddisa patruna, li għexet imħeġġa bil-karità lejn dawk l-iktar fil-bżonn tal-Belt ta’ Ruma. Jalla dan l-eżempju jkun stedina u xprun għal ħajja nisranija  dejjem iktar impenjata favur il-proxxmu għall-glorja ta’ Alla.

2.Fil-liturġija ta’ dan il-Ħadd il-Knisja tiftaħ quddiemna f’ċertu sens żewġ xbihat tal-Avvent  .

Hawn hu qabel kollox Iżaija, profeta kbir ta Alla uniku u santissmu, li jesprimi t-tema tat-tbigħid minn Alla tal-bniedem. Fis-silta meraviljuża tiegħu, poema tassew tejoloġika, li smajna ftit ilu, huwa jagħti xbiha penetranti tas-sitwazzjoni tal-epoka tiegħu u tal-poplu tiegħu, li wara li kien tilef il-kuntatt ma’ Alla kien sab ruħu f’toroq imprattikabbli: “Għaliex, Mulej, tħallina nimirħu ‘l bogħod minn triqatek u tħalli titwebbes lil qalbna, hekk li ma nibżgħux minnek?” (Is 63,17).

Imma propju billi jsib, lilu nnifsu f’dan it-tbigħid, il-bniedem b’mod hekk doloruż jinduna f’ċertu punt, li mingħajr il-preżenza ta’ Alla f’ħajtu jitħalla abbandunat għall-ħtijiet propji u jimmatura l-konvinzjoni li Alla biss hu li jeħilsu mill-iskjavitù, Alla biss isalva, b’dan il-mod iħoss fih iktar ferventi x-xewqa tal-miġja tiegħu: “Mhux li inti ċċarrat is-smewwiet u tinżel” (Iż 63,19).

Iżaija ma jiqafx bdanakollu fuq l-analiżi devota tal-istat tal-affarijiet u fuq il-manifestazzjoni ta’ appell żeluż u drammatiku lil Alla biex iċarrat is-smewwiet u jiġi mill-ġdid f’nofs il-Poplu tiegħu. Ma jikkurax il-marda permezz tad-deskrizzjoni tiegħu biss u xewqa ħajja ta’ ħruġ! Hemm bżonn li nmorru lura għall-kawżi. Nagħmlu dijanjożi. X’qiegħed iqanqal dan it-tbigħid minn Alla? It-tweġiba tal-Profeta hija univoka: id-dnub!

“Hekk hu, int irrabjajt għaliex dnibna kontra tiegħek għal żmien twil u konna ribelli. Sirna lkoll bħal ħaġa impura u bħal ħwejjeġ maħmuġin l-atti kattivi kollha tagħna ġarrewna bħar-riħ (Iż 64,4-5).

Pass wieħed mad-dnub timxi l-insija ta’ Alla: “Ħadd ma jsemmi ismek, ħadd ma jfittex li jħaddnek; għaliex int ħbejt wiċċek minna, inti irħejtna f’idejn il-ħażen tagħna” (Iż 64,6).

Id-dijanjożi tal-Profeta hija penetranti: it-tbigħid minn Alla tal-bniedem huwa dovut għall-ħtija tal-bniedem: huwa frott tat-tbigħid minn Alla. Fl-istess ħin ta’ dan, il-bniedem jitqies bħala f’idejn il-ħażen tiegħu

3. Huwa sorprendenti kif din id-dijanjosi tal-Ktieb ta’ Iżaija, li tesprimi s-sitwazzjoni tal-bniedem li għex tant sekli ilu, hija valida wkoll illum. Bosta minna, bnedmin tat-tieni millenju wara Kristu, li wasal biex jintemm, mhumiex forsi turmentati minn sens simili ta’ tbigħid minn Alla? Dan is-sens huwa tant iktar drammatiku, għaliex jispunta mhux mill-kuntest tal-Patt Antik imma minn dak Ġdid. Mhuwiex jewwilla dramm tad-dinja tagħna tallum, tal-umanità tallum u tal-bniedem il-fatt li għoxrin seklu wara  t-twettiq tal-għajta mħeġġa tal-Profeta, meta s-smewwiet iċċartu, u Alla li libes ġisem uman, niżel u għammar fost il-poplu tiegħu biex iġedded f’kull bniedem ix-xbiha tiegħu, miktuba fih fl-att tal-ħolqien, u biex itih dinjità ta’ ibnu, – li wkoll illum, u forsi iktar minn qabel, il-bniedem isib lilu nnifsu f’idejn il-ħażen tiegħu, u b’mod doloruż jerġà jħoss il-konsegwenzi ta’ din l-iskjavitù?!

Kif tkejjel id-dinja u l-bniedem tallum ħajtu u l-attivitajiet, l-istituzzjonijiet tagħha jafu jesprimu l-verità li r-realtà kollha li ddawwarna u b’mod partikolari l-bniedem, kuruna tal-ħolqien, jinbtu mill-imħabba ta’ Alla li tħaddan kollox? B’liema kejl intom, ċittadini ta’ Ruma, fidili tal-Knisja mibnija fuq is-sies tal-Appostli u membri tal-Komunità parrokkjali ddedikata lil Santa Francesca Rumana, b’liema kejl aħna hawn preżenti għal din il-laqgħa tal-Avvent u ħutna kollha rġiel u nisa “imqaddsin f’Ġesù Kristu, imsejħa biex inkunu qaddisin” (1Kor 1,2) – b’liema kejl aħna portaturi u rivelaturi ta’ din l-imħabba? M’aħniex f’idejn il-ħażen tagħna? Żbandatura waħda li tbegħdna minn Alla u toħloq id-dnub u l-vojt. M’aħniex xhieda u spiss vittmi ta’ dnub krexxenti u tal-konsegwenzi tiegħu? Huwa dan id-“dnub tad-dinja”, li  jġiegħel lil Alla biex jitbiegħed mill-bniedem u mill-problemi tiegħu, bħal ma huma llum l-indifferenza u l-odju.

Dan kollu li b’tant qawwa li bħalha s’issa qatt la ltaqà thedded illum lill-bniedem, il-fatt li “hu bniedem”, u saħansitra l-eżistenza tiegħu, mhijiex forsi sinjal u twissija urġenti li din mhijiex it-triq? U l-kliem: paċi, ġustizzja, imħabba, illum hekk spiss u b’mod żelanti ppronunzjati u mferrxa forsi daqs qatt qabel, u li b’tant diffikultà jimxu lejn it-twettiq, mhumiex forsi verżjoni oħra, koxjenti jew le, tal-kliem tal-Profeta moqri llum “Għaliex, Mulej, tħallina nterrqu bogħod minn triqatek u tħalli qlubna jibbiesu, hekk li ma nibżgħux minnek?” (Iż 63,17).

4. Niġi għandkom, għeżież ħuti, mhux biex inpinġi quddiem għajnejkom viżjoni katastrofika tal-bniedem u tad-dinja. Imma lilna lkoll, li emminna fl-Imħabba, ma jistax jonqosna l-kuraġġ u l-intensità tad-“dijanjosi” tal-Profeta ta’ tant sekli ilu dwar il-verità umana dwar il-bniedem. Infatti meta dan isib b’kuraġġ u umiltà lilu nnifsu f’din l-verità umana tiegħu, allura tinfetaħ fuqu wkoll l-verità divina.

Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent – fil-perijodu li fih il-Knisja turina mill-ġdid l-istorja kollha tas-salvazzjoni, u fil-perijodu li fih jitwettqu “l-opri kbar ta’ Alla” (At 2,11) – jiena niġi biex flimkien magħkom inkun nistà, kompjaċenti ma’ din l-ewwel xbiha indikata mill-Profeta, intenni u nistqarr quddiem Alla b’konvinzjoni nterna partikolari u b’fidi: “Għaliex Inti Missierna” (żs 63,16).

5. Nerġgħu insibu t-tieni xbiha tal-Avvent fl-ewwel ittra lill-Korintin.

Ix-xbiha li tappartieni lill-Patt il-Ġdid, titnissel mir-realtà tal-miġja ta’ Kristu u fl-istess ħin tinfetaħ lejn l-Avvent tiegħu definittiv.

L-isfond ta’ dik ix-xbiha jikkostitwixxi l-professjoni fundamentali tal-fidi tal-Profeta: “Mulej, inti missierna”, verità li hija l-quċċata tar-rivelazzjoni diġa tat-Testment il-Qadim; imma d-dimensjoni u s-sinifikat sħaħ tagħha kienu rivelati lill-bniedem fi Kristu,, fit-twettiq tal-Avvent storiku tiegħu.

Waqt li nisimgħu l-kliem ta’ San Pawl, li bih huwa jiżżi ħajr lil Alla Missier għall-fidili tal-Knisja ta’ Korintu, li rċivew il-fidi permezz tas-servizz apostoliku tiegħu, ma nistgħux ma naħsbux, b’emozzjoni u preokkupazzjoni profonda, dwar l-istess don li huwa fina. Flimkien mal-fidi rċivejna fil-Magħmudija l-għana ntern kollu, id-doti spiritwali u l-garanzija li nkunu kapaċi nwettqu dak li mingħajr dan id-don huwa inaċċessibbli b’mod assolut għall-bniedem. Il-garanzija hija Alla nnifsu, li jibqà fidil għall-wegħdi tiegħu, dment li l-bniedem ma jirtirax l-fedeltà tiegħu. Garanzija huwa għalina Kristu, li jikkonfermana sal-aħħar biex inkunu bla ħtija għall-jum tat-tieni miġja tar-Redentur tagħna (cf. 1Kor 1,8).

Ma nistgħux naħsbu dwar dan id-don mingħajr sens ta’ gratitudni u ta’ responsabiltà lejh. U għalhekk hemm bżonn nagħmlu lilna nfusna din id-domanda: Jiena jien, irrid inkun fidil lejn Alla biex insib ruħi “bla ħtija” għal-laqgħa definittiva mar-Redentur tiegħi?  Hawn hi, id-domanda l-iktar fundamentali li nagħmel lili nnifsi f’dan il-Ħadd tallum, li nagħmel lili nnifsi fl-Avvent ta’ din is-sena.  Waqt li għandna assikurati l-mezzi kollha għas-salvazzjoni tagħna, irridu ngħassu fil-prospettiva tal-aħħar Avvent, biex ma neqirdux l-possibiltajiet imqiegħda fi jdejna u nistennew b’biżà u triegħid għas-salvazzjoni tagħna (cf. Fil 2,12).

6. Ejjew infittxu l-konklużjonijiet mit-testi tal-liturġija tallum.

Il-mod ġust li bih imissna ngħixu l-Avvent huwa dak li hemm miġbur fit-tieni xbiha,, imma – jekk, naqblu ma’ din ix-xbiha, irridu b’mod partikolari niżżu ħajr lil Alla għall-grazzja li ngħatatilna fi Kristu Ġesù,  –  kontemporanjament ma tistax tibqà għalina indifferenti x-xbiha tal-Profeta, ix-xbiha tat-“tbigħid minn Alla”, ikkawżat mid-dnub tal-umanità u mill-kondizzjoni ta’ nisi fil-konfront tiegħu. Xbiha li tappartieni mhux biss għat-Testment il-Qadim imma għandha, fl-istess ħin, valur għal-lum.

U għalhekk hemm bżonn li fl-għixien tal-Avvent tagħna terġà titnissel dik il-fidi erojka, li turi ruħha fil-kliem tal-Profeta:

“Int, Mulej, int Missierna, / minn dejjem issejjaħ lilek innifsek redentur tagħna. / Għaliex, Mulej, tħallina nterrqu ‘l bogħod minn triqatek / u tħallina nwebbsu qlubna, tant li / ma nibżgħux minnek?” (Iż 63,16-17).

Il-bniedem, meta jagħraf id-dgħufija tiegħu, l-iżball, meta jagħraf dnubu, għandu minnufih iżid: “Int, Mulej, int Missierna”, u allura l-karba tiegħu: “Għaliex, Mulej, tħallina nterrqu ‘l bogħod minn triqatek”, hija veritiera, takkwista qawwa ta’ bidla, issir konverżjoni. Kull riflessjoni dwar il-miżerja, l-infedeltà, l-iżventura, id-dnub tal-bniedem, li jipprofessa quddiem Alla: “Inti Missierna”, hija krejatriċi, ma twassalx għall-vojt, għad-disperazzjoni, imma għall-għarfien u għall-aċċettazzjoni ta’ Alla bħala Missier, għalhekk bħala Mħabba li taħfer u tfejjaq.

Id f’id ma’ tali fidi, li turi ruħha wkoll permezz tal-qrar tad-dnubiet propji, tmur tama mħeġġa: “Widna ma semgħetx, / għajn ma ratx, /  li Alla, barra minnek, għamel daqstant / għal min jafda Fih” (Iż 64,3).

U għalhekk il-karba: “Erġà lura għall-imħabba tal-qaddejja tiegħek, /għall-imħabba tat-tribujiet, wirt tiegħek” (Iż 63,17).

7. Liema mela għandu jkun l-Avvent tagħna? Liema għandu jkun l-Avvent tal-bnedmin tas-seklu XX, l-Avvent migħux f’din il-parroċċa?

Hemm bżonn tgħaqqad fiha xewqa ġdida ta’ avviċinament ta’ Alla lill-umanità, lill-bniedem, il-prontezza biex tgħasses, jiġifieri id-dispożizzjoni personali li nkunu qrib Alla: “Imma kif nistgħu nifirħu fil-Mulej – jistaqsi Santu Wistin jekk hu hekk tant bogħod minna? Bogħod? Le. Huwa mhuwiex bogħod, ħlief jekk int stess ma ġġegħlux jitbiegħed minnek. Ħobb u tħossu qrib. Ħobb u huwa jiġi jgħammar fik” (S. Wistin, Sermo 21,1-4: CCL 41,278).

Għalhekk, b’tali għarfien, aħna nagħmlu tagħna u nippronunzjaw bil-qalb il-kliem tas-Salm responsorjali: “Int Ragħaj ta’ Iżrael, ismà…iddi… /  Erġà qajjem qawwietek / u ejja għinna… /Alla tal-eżerċti, ħares lejna, / ħares mis-sema u ara u żur din l-għalqa tad-dwieli… / Tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek, / fuq bin il-bniedem li għalik irrendejtu qawwi.  Minnek ma nerġgħux nitbegħdu, / inti tgħejjixna u aħna nsejħu lil ismek” (Sal 80,2.3.15.18-19).

Dik ix-xewqa ssir tant ħajja, daqs kemm iktar b’mod profond nerġgħu nħossu “it-theddida” marbuta mat-tbigħid ta’ Alla.

U l-viġilanza mhi xejn iktar minn l-isforz sistematiku biex nibqgħu qrib ta’ Alla u li ma nippermettux it-tbigħid Minnu. Ifisser li nkunu lesti b’mod kostanti għal-laqgħa.

8. Tali programm tal-Avvent huwa mħabbar illum mill-Vanġelu.  Din is-silta tikkostitwixxi l-epilogu tad-diskors eskatoloġiku, li Ġesù ppronunzja, waqt li kien qiegħed iħalli t-Tempju, ftit jiem qabel il-Passjoni u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. F’dan it-test qasir jirripeti erbà darbiet il-kelma “għassu” jew “Ishru” u darba “oqogħdu attenti”. Kemm hija elokwenti l-aħħar sentenza: “Dak li jiena ngħid lilkom, ngħidu lil kulħadd: Ishru!” (Mk 13,37).

Kristu mela jgħid lilna lkoll, miġburin hawn illum biex niċċelebraw l-Ewkaristija, jgħid lil kull wieħed u waħda: “Ishru”, għaliex il-waqt mhuwiex magħruf, imma huwa ċert li se jiġi. Il-ħaġa l-iktar important hija l-fedeltà għad-dmir afdat u għad-don li jirrendina kapaċi li nwettquh. Lil kull wieħed u waħda kien afdat dmir li huwa propju, dik id-“dar” li trid tieħu ħsiebha. Din id-dar hija kull bniedem, hija l-familja tiegħu, l-ambjent li fih jgħix, jaħdem, jistrieħ. Huwa l-parroċċa, il-belt, il-pajjiż, il-Knisja, id-dinja, li tiegħu kull wieħed u kull waħda aħna ko-responsabbli quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. X’inhu l-interess tiegħi għal din id-dar, li jikkorrispondi mal-aspirazzjonijiet u max-xewqat l-iktar profondi tal-bniedem? Xinhu l-kontribut tiegħi f’din l-opra, li tesiġi li tqiegħed f’posthom l-affarijiet b’mod kostanti, it-tiġdid, il-fedeltà? Hawn hi l-mistoqsija u d-dmirijiet tagħna tal-Avvent.

9. “Urina, Mulej, il-ħniena tiegħek / u agħtina s-salvazzjoni tiegħek” (Kant tal-Vanġelu).

Dak li hemm fina dgħajjef jgħajjat għall-ħniena tiegħek, għaliex iktar qawwija x-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek: “Aħna tafal u int dak li jagħtina forma”. La tħalliniex esposti għall-ħżunija tagħna, tħallihiex iġġorna bħar-riħ!  Tina l-beatu Avvent, “għaliex inti Missierna”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading