It-tqarbin u l-qrar huma mezzi li aħna nkunu f’Ġesù u miegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 28 ta’ April 2024: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-ħames Ħadd tal-Għid. Kappella taċ-Ċentru Annunzjata għall-Evanġelizzazzjoni u l-Formazzjoni, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum nisimgħu silta oħra mill-Evanġelju ta’ San Ġwann u tixbiha oħra li jagħmel Ġesù tiegħu nnifsu. Il-Ħadd li għadda smajnieh jgħid “Jien ir-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:14). Illum jieħu t-tixbiha mill-ambjent tal-ħajja tal-bidwi anzi jsejjaħ lill-Missier ‘il-bidwi’. Sejjaħ lilu nnifsu wkoll ‘id-dielja’. U lilna isejħilna ‘l-friegħi ta’ din id-dielja’.

L-insistenza ta’ Ġesù illum hi li aħna nibqgħu miegħu u fih. U jgħid jekk intom tinqatgħu minni ma jibqax ikun hemm ħajja fikom, tkunu biss tajbin biex tintremew u tinħarqu. Bħalma jiġri miz-zkuk tad-dielja li niġbru f’Jannar jew qabel meta niżbru d-dwieli tagħna.

Jgħidilna wkoll li l-friegħi li jibqgħu, il-bidwi Missieru se jiżborna. Ejjew nippruvaw nifhmu x’qed jgħid. Mela l-fatt li nibqgħu f’Ġesu mhix xi polza tal-assigurazzjoni, li kollox se jmur tajjeb, li mhu se jiġrili xejn ta’ kuntrarju. Għax kultant jiġina l-kuntrarju fil-ħajja, tiġina xi paċenzja kbira. Aħna ngħidulha wkoll bit-terminu li jgħallima Ġesù – ‘is-salib’. Jiġik xi salib li ma tkunx applikajt għalih, dak ħadd ma japplika għalih.

Meta mmur l-isptar inżur lill-morda tagħna, nirrealizza kemm hawn slaleb fid-dinja. Ikollkom ċans tmorru xi darba f’post partikulari l-isptar – l-ITU, u tiltaqgħu ma’ kull kategorija ta’ nies u qraba ħdejn is-sodod tal-għeżież tagħhom, li qed iġorru salib kbir, mhux il-pazjent biss, imma l-familja kollha tiegħu jew tagħha wkoll.

Aħna nistaqsu lilna nfusna imma dan għaliex ġie fuqi? Aħna jista’ jkollna atteġġjament negattiv għall-kuntrarju li jiġi fuqna fil-ħajja. Ġesù juża din il-kelma stramba: “Missieri l-bidwi” (Ġw 15:1) li l-friegħi li għadhom magħqudin miegħi jiżborhom, bħalma aħna f’Jannar niżbru d-dwieli tagħna bit-tama li ż-żabra toħloq imbagħad frott qawwi, rimjiet ġodda u qawwija, u frott bnin. Hekk nagħmlu aħna. It-tixbihat ta’ Ġesù huma qrib tagħna għax mill-ambjent Mediterranju li ngħixu fih. U nafu x’jiġri wkoll miz-zkuk maqtugħin, narmuhom. Noqogħdu attenti għax id-dielja fiha ħafna sulfat. Trid toqgħod attent kif tiddisponi minnha minħabba l-ambjent.

Imma t-tixbiha ta’ Ġesù hi qawwija ħafna. L-importanza li nkunu miegħu u nisimgħu l-kelma tiegħu. Tana is-sagramenti tal-Knisja biex inkunu fih u miegħu: it-tqarbin u l-qrar imqaddes. Dawn huma mezzi li aħna nkunu f’Ġesù u miegħu. Imma avżana wkoll li jekk se nkunu miegħu l-mument taż-żabra jiġi dejjem fuqna.

U hemm bżonn biex aħna nagħmlu ħafna frott. U qalilna li mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Il-Mulej hu ħerqan li aħna nkunu miegħu, li hu jkun d-dielja b’ħafna friegħi li jagħmlu l-frott. U jgħid il-frott tagħkom jibqa’ għax hu frott ispirat minn xi ħaġa li tagħti l-ħajja lilu u lilna. X’inhi? X’jgħaqqadna ma’ Ġesù? X’inhi l-ħajja ta’ Ġesù? Hija l-imħabba għax Alla hu mħabba. Li nkun ħaġa waħda ma’ Alla fl-umanità dgħajfa tiegħi hi li jiena ngħix l-imħabba t’Alla fija u mal-proxxmu. Illum nitolbu minn dan il-post imbierek u mġedded bħala post ta’ adorazzjoni, li għalissa sa jiftaħ it-Tlieta u l-Ħamis mid-disgħa sa nofsillejl. Inħeġġiġkom tgħaddu meta tkunu l-Furjana, mhux ’il bogħod mill-Kappuċċini.

F’diversi parroċċi għandna kappelel tal-adorazzjoni. Il-Furjana hemm ambjenti oħrajn. Għall-grazzja t’Alla għadna ħafna postijiet li jkunu miftuħin għall-adorazzjoni tagħna. Il-Papa Frangisku jinsisti ħafna fuq l-adorazzjoni għax bl-adorazzjoni li jiena nidħol fil-preżenza tal-Imgħallem divin, preżenti u ħaj fl-Ewkaristija fis-silenzju. Hi xi ħaġa meraviljuża.

Ikun jaf x’qed ngħid min iduq din il-ħaġa. Inħajjarkom tippruvawha. Jiena nieħu pjaċir xi kultant ngħid ħa nieqfu f’xi kappella minn dawn li hawn f’diversi parroċċi, issa għandna dan l-ambjent ukoll, u nieħu pjaċir nara diversi nies li jiddedikaw ħin matul il-ġurnata, skont il-ħin li jkollhom, biex jagħmlu ftit ħin quddiem Ġesù Ewkaristija.

Aħna llum fi tmiem il-quddiesa se nagħmlu hekk ukoll. Minflok il-barka tal-aħħar, Fr Paul se jesponi l-Ewkaristija f’dan l-ostensorju sabiħ li hawn warajja u ninawguraw din il-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija, li tistedinna biex inkunu miegħu.

Nagħlaq b’talba li s-saċerdot jgħid qabel jitqarben li hi talba għażiża ħafna għalija. Tisimgħuni ħafna nirrepetiha imma se nerġa’ ngħidha. Lil Ġesù, aħna s-saċerdoti ngħidulu qabel nitqarbnu: “La tħallinix ninfired minnek”. Kemm hi sabiħa din it-talba.

Ngħiduhielu din it-talba lil Ġesù, mhix twila, ngħiduhielu matul il-ġurnata: “La tħallinix ninfired minnek.” Li nibqa’ magħqud miegħek, li inti d-dielja u jien nibqa’ fergħa li tagħmel il-frott. Ifisser li l-bidwi l-Missier se jiżborna xi ftit. Għax il-ftehim, il-kuntratt dak hu, għax jekk se nagħmlu l-frott bilfors se ngħaddu ż-żabra. Hu mod ieħor kif Ġesù qed jispjegalna l-misteru tas-salib f’ħajjitna u kultant meta jbeżbiżna ngħidu ara ġiet iż-żabra. Imma mhux bilfors f’Jannar, il-friegħi tagħna meta jrid hu.

Anke jekk għandek xitla tal-ward għal qalbek, jekk trid tieħu ħsiebha trid tiżborha meta jasal Jannar, inkella f’Mejju ssib it-tfief mhux il-ward sabiħ li tant ipaxxi l-għajnejn u li aħna nużaw biex nesprimu l-imħabba tagħna. Imma wara dik l-espressjoni tal-imħabba, ħares lejn dik il-warda, oqgħod attent li ma tnigżikx bix-xewka tagħha. Ġej Jum l-Omm. Qegħdin bejn Jum San Valentinu u Jum l-Omm. Ma nafx kemm infaqna flus fil-ward, imma dik frott żabra qawwija dik il-warda sabiħa, li int qed tuża biex tgħid jien inħobbok.

U Ġesù hekk qed jgħidilna: “Ibqgħu miegħi, ibqgħu fija, tibżgħux miż-żabra, il-mument tal-purifikazzjoni, il-mument tas-salib. Għax wara kollox dan l-Għid il-Kbir li qed niċċelebraw sal-ġurnata ta’ Pentekoste, aħna qed niċċelebraw dan il-misteru hekk kbir, li wara s-salib hemm ukoll il-glorja tal-qawmien, id-dawl fid-dlam.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 9:26-31
Salm: 21(22):26b-27,28,30,31-32
Qari II: 1 Ġw 3:18-24
L-Evanġelju: Ġw 15:1-8

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading