Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju tal-Imħabba Miżerikordjuża

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI F’COLLEVALENZA, ORVIETO U TODI
QUDDIESA FIS-SANTWARJU TAL-IMĦABBA MIŻERIKORDJUŻA
OMELIJA TAL- PAPA ĠWANNI PAWLU II
Collevalenza (Perugia), 22 ta’ Novembru 1981

1. “Ejjew imberkin ta’ Missieri, ħudu b’wirt is-saltna li kienet imħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25, 43). Smajna dan il-kliem ftit ilu, fil-Vanġelu tas-sollennità tallum. Tali kliem se jippronunzja Bin il-Bniedem meta, bħala sultan, se jsib ruħu quddiem il-popli kollha tal-art. Allura, meta “Huwa se jifred lil dawn minn dawk, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż” (Mt 25, 32), lil dawk li jsibu ruħhom fuq il-lemin tiegħu, jindirizzalhom il-kliem: “ħudu b’wirt is-saltna”.

Dn is-saltna hija d-don definittiv tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Huwa d-don immaturat “sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25, 34), tul il-korsa kollha tal-istorja tas-salvazzjoni. Dan huwa d-don tal-Imħabba ħanina.

Għalhekk illum, festa ta’ Kristu Sultan tal-Univers u l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, xtaqt niġi fis-Santwarju tal-Imħabba Ħanina. Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tagħmilna konxji, b’mod partikolari, li fis-saltna rivelata minn Kristu mislub u rxuxtat wieħed irid iwettaq b’mod definittiv l-istorja tal-bniedem u tad-dinja: “Kristu, infatti, qam mill-imwiet, frott ewlieni ta’ dawk li mietu” (1 Kor 15, 20).

2. Is-Saltna ta’ Kristu, li hija rigal tal-Imħabba eterna, tal-imħabba ħanina, kienet imħejjija sa mill-bidu tad-dinja”.

Bdanakollu, “minħabba bniedem daħlet il-mewt” (1 Kor 15, 21) u “ilkoll inmutu f’Adam” (1 Kor 15, 22). Lill-essenza tas-saltna, imwielda mill-Imħabba eterna, tappartieni l-ħajja u mhux il-mewt.

Il-mewt daħlet fl-istorja tal-bniedem flimkien mad-dnub.

Lill-essenza tas-saltna, imwielda mill-Imħabba eterna, tappartieni l-Grazzja, mhux id-dnub.

Id-dnub u l-mewt huma għedewwa tas-saltna għaliex fihom tissintetizza ruħha, b’xi mod, is-somma tal-ħażen li hawn fid-dinja, ippenetrat fil-qalb tal-bniedem u fl-istorja tiegħu.

L-Imħabba Ħanina tinklina ruħha għall-milja tat-tajjeb. Is-saltna “mħejjija sa mill-bidu tad-dinja” hija saltna tal-verità u tal-grazzja, tat-tajjeb u tal-ħajja. Waqt li tinklina ruħha għat-tajjeb, l-Imħabba ħanina tidħol fid-dinja immarkata mit-tinbru tal-mewt u tal-qerda.

L-Imħabba ħanina tippenetra fil-qalb tal-bniedem, issikkata mid-dnub u mill-konkupixxenza, li hija “tad-dinja”. L-Imħabba ħanina tistabilixxi laqgħa mal-ħażen; tiffaċcja d-dnub u l-mewt. U propju f’dan turi ruħha u tirrikonferma l-fatt li din l-Imħabba hija ikbar minn kull ħażen.

San Pawl, madankollu, jirrendina konxji ta’ kemm hija twila t-triq li din l-Imħabba trid tagħmel, it-triq li twassal għat-twettiq tas-Saltna “imħejjija sa mill-bidu tad-dinja”. Huwa waqt li jikteb dwar Kristu Sultan, jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Hemm bżonn… li Huwa jsaltan sakemm ikun qiegħed kull għadu taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered se tkun il-mewt” (1Kor 15, 5s).

Il-mewt diġa ġiet meqruda, għall-ewwel darba, fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, li f’dik it-tali rebħa wera ruħu Mulej u Sultam.

Bdanakollu, fid-dinja tkompli tiddomina l-mewt: “Ilkoll inmutu f’Adam”, għaliex fuq qalb il-bniedem u fuq l-istorja tiegħu għadu jtaqqal id-dnub. Dan donnu jtaqqal b’mod partikolari fl-epoka tagħna.

Kemm kbira hija l-qawwa tal-Imħabba ħanina, li nistennew sa ma Kristu jkun ġab taħt riġlejh lill-għedewwa tiegħu kollha, billi jirbaħ sal-aħħar id-dnub u jkun ġab fix-xejn, bħala l-aħħar għadu, lill-mewt!

Is-saltna ta’ Kristu hija aspirazzjoni għar-rebħa definittiva tal-Imħabba ħanina, tal-milja eskatoloġika tat-tajjeb u tal-grazzja, tas-salvazzjoni u tal-ħajja.

Din il-milja għandha l-bidu tagħha viżibbli fuq l-art fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet. Kristu, mislub u rxuxtat, huwa sal-aħħar rivelazzjoni awtentika tal-Imħabba ħanina. Huwa hu s-Sultan ta’ qlubna.

3. “Infatti hemm bżonn li Hu jsaltan” fis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu…” (1 Kor 15, 24). Infatti meta huwa jġib “fix-xejn kull prinċipat u kull potestà u qawwa”, li jżommu lill-qalb umana fl-iskjavitù tad-dnub, u d-dinja fis-sottomissjoni għall-mewt; meta “kollox ikun ġie sottomess għalih”, allura ukoll l-Iben jagħmel att ta’ sottomissjoni għal Dak li jkun issottometta kull ħaġa għalih, “sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28).

Hawn hi d-definizzjoni tas-saltna, imħejjija sa mill-bidu tad-dinja”.

Hawn hu t-twettiq definittiv tal-Imħabba ħanina: Alla kollox f’kulħadd!

Dawk kollha li fid-dinja jtennu kuljum il-kliem “tiġi saltnatek”, jitolbu fl-aħħar minn l-aħħar “sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd”. Bdanakollu, “minħabba bniedem tiġi l-mewt” (1 Kor 15, 21), li d-dimensjoni tagħha fl-ispirtu uman hija d-dnub.

U hekk hu, il-bniedem, waqt li jibqà f’din id-dimensjoni tal-mewt u tad-dnub, il-bniedem ittentat sa mill-bidu bil-kliem “issiru bħal Alla” (cf. Ġen 3, 5), waqt li jitlob “tiġi saltnatek”, sfortunatament jopponi l-miġja tiegħu, saħansitra jwarrabha. Donnu jgħid: jekk fl-aħħar minn l-aħħar Alla jkun “kollox f’kulħadd”, x’jibqà għalija bniedem? Din is-saltna eskatoloġika jewwilla ma tassorbix lill-istess bniedem, ma ġġibux fix-xejn?

Jekk Alla huwa kollox, il-bniedem mhu xejn; hu ma jeżistix. Hekk ixandru l-awturi tal-ideoloġiji u tal-programmi, li jħeġġu lill-bniedem biex jagħti dahru lil Alla, biex jopponi saltnatu b’fermezza u determinazzjoni, għaliex hekk biss jistà jibni saltnatu, jiġifieri s-saltna tal-bniedem fid-dinja, is-saltna ndiviżibbli tal-bniedem.

4. Hekk isostnu, hekk ixandru, u għal dan jissieltu. Waqt li jimpenjaw ruħhom f’tali battalja, donnhom ma jindunawx li l-bniedem ma jistax isaltan sakemm fih ikompli jiddomina d-dnub; li huwa ma jistax isaltan meta fuqu tiddomina l-mewt… X’tip ta’ saltna hija qatt din, ladarba ma teħlisx lill-bniedem minn dak il-“Prinċipat, Potestà u Potenza”, li jittraxxnaw għall-ħażen lill-kuxjenza tiegħu u lil qalbu, u jkompli jirriżulta mill-opri tal-ġenju uman theddid terribbli ta’ qerda?

Tali hija l-verità dwar id-dinja li fiha ngħixu. Il-verità dwar id-dinja li fiha l-bniedem, bil-fermezza u d-determinazzjoni kollha tiegħu,iwarrab is-saltna ta’ Alla, biex jagħmel din id-dinja s-saltna indiviżibbli tiegħu. U, fl-istess ħin, nafu li fid-dinja diġa teżisti s-saltna ta’ Alla. Teżisti b’mod irriversibbli. Din tinsab fid-dinja: u fina!

Oh! X’qawwa ta’ Mħabba għandhom bżonn il-bniedem tallum u d-dinja! Ta’ x’qawwa ta’ Mħabba ħanina! Għaliex dik is-saltna, li diġa teżisti fid-dinja, tistà ġġib fix-xejn s-saltna tal-“prinċipat, potestà u Potenza”,  li jipperswadu qalb il-bniedem għad-dnub, u fuq id-dinja jifirxu t-theddida tal-biżà tal-qerda.

Oh! X’qawwa tal-Imħabba ħanina trid turi ruħha fis-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu!

“Hemm bżonn li Huwa jsaltan…”.

5. Kristu jsaltan minħabba li kulħadd u kollox iwassal għand il-Missier, isaltan biex jagħti “is-saltna lil Alla l-Missier” (1 Kor 15, 24), “biex jissottometti lilu nnifsu lil Dak li ssottometta kollox għalih” (1 Cor 15, 28).

Huwa jsaltan bħala Ragħaj, bħala r-Ragħaj it-Tajjeb.

Ragħaj huwa dak li jħobb in-nagħaġ u li jieħu ħsiebhom, jipproteġihom mit-tifrix, jiġborhom flimkien “mill-postijiet kollha fejn ikunu tferrxu fil-jiem imsaħħba u mċajpra” (Ez 34, 12).

Il-liturġija tallum tiġbor fiha djalogu mqanqal tar-Ragħaj mal-merħla.

Jgħid ir-Ragħaj: “Jien stess inmexxi lin-nagħaġ tiegħi lejn il-mergħa u jien inserraħhom… Se nmur infittex in-nagħġa l-mitlufa u neħodha lura fil-maqjel lil dik li ntilfet; ninfaxxa lil dik feruta u nieħu ħsieb dik marida, nieħu ħsieb dik ħoxna u dik b’saħħitha: nirgħajhom b’ġustizzja” (Eż 34, 15-16).

Tgħid il-merħla: “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosni; – f’mergħat kollhom ħaxix iserraħni, – ħdejn ilmijijiet kalmi jeħodni. Jassikurani, jiggwidani fil-mixja t-tajba għall-imħabba ta’ ismu… – Ferħ u grazzja jakkumpanjawni – il-jiem kollha ta’ ħajti, – u ngħammar f’dar il-Mulej – għal snin tant twal” (Sal 23, 1-3.6).

Dan huwa l-kliem ta’ kuljum tal-Knisja: id-djalogu li jiżvolġi ruħu bejn ir-Ragħaj u l-merħla u f’tali djalogu timmatura s-saltna “imħejjija sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25, 24).

Kristu Sultan, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, iħejji b’diversi modi il-maqjel tiegħu, jiġifieri dawk kollha li huwa jrid jagħti lill-Missier “sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28).

6. Kemm jixtieq Hu jum wieħed jgħid lil kulħadd: “Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu l-wirt tas-saltna” (Mt 25, 34)!

Kemm jixtieq Hu jiltaqà, fit-twettiq tal-istorja tad-dinja, ma’ dawk li lilhom ikun jistà jgħid: “…jien kont bil-ġuħ u tajtuni niekol, kelli l-għatx u tajtuni nixrob; kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu żżuruni, fil-ħabs u ġejtu tarawni” (Mt 25, 35-36)!

Kemm jixtieq Hu jagħraf in-nagħaġ tiegħu mill-opri tal-karità, imqar waħda minnhom, imqar mit-tazza ilma mogħtija f’ismu (cf. Mc 9, 41)!

Kemm jixtieq Hu jiġbor in-nagħaġ tiegħu f’maqjel wieħed definittiv, biex jindirizzahom “fuq il-lemin tiegħu” u jgħid: “Ħudu… s-saltna imħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja”!

U bdanakollu, fl-istess parabbola Kristu jitkellem dwar il-mogħoż li jkunu “fuq in-naħa tax-xellug”. Dawn huma dawk li ċaħdu mhux biss lil Alla, billi qiesu u xandru li s-saltna tiegħu ġġib fix-xejn s-saltna indiviża tal-bniedem, imma ċaħdu wkoll lill-bniedem: ma laqgħuhx, ma żaruhx, ma tawhx jiekol u linqas jixrob.

Is-saltna ta’ Kristu, infatti, tikkonferma ruħha, fil-kliem tal-aħħar ħaqq, bħala saltna tal-imħabba lejn il-bniedem. L-aħħar bażi tal-kundanna se tkun propju dik il-motivazzjoni: “kull darba li m’għamiltux dawn il-ħwejjeġ llil wieħed minn dawn ħuti, dan m’għamiltuhx miegħi”l (Mt 25, 45).

Din hija mela s-saltna tal-imħabba lejn il-bniedem, tal-imħabba fil-verità; u hija għalhekk is-saltna tal-Imħabba ħanina, li tul il-korsa tal-istorja tal-bniedem u tad-dinja issir b’mod kostanti triq minn nofs il-barrieri tal-indifferenza, tal-egoiżmu, tal-indifferenza u tal-odju; minn nofs il-barrieri tal-konkupixxenza tal-ġisem u tal-għajnejn u tas-suppervja tal-ħajja (cf. Ġw 2, 16); minn nofs is-sors  tad-dnub li kull bniedem iġorr ġo fih, minn nofs l-istorja tad-dnubiet umani u tad-delitti, bħal per eżempju dawk li jiggravaw fuq is-seklu tagħna u fuq il-ġenerazzjoni tagħna… minn nofs dan kollu!

Imħabba ħanina,
Nitolbuk, la tonqos qatt!
Imħabba ħanina,
Kun infatikabbli!
Kun kostantament ikbar minn kull ħażen,
li hemm fil-bniedem u fid-dinja.
Kun ikbar minn dak il-ħażen,
li kiber fis-seklu tagħna
u fil-ġenerazzjoni tagħna!

 Kun iktar qawwi
Bil-qawwa tas-Sultan Mislub!

“Imbierka s-Saltna tiegħu li ġejja”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading