Inbajdu lbiesna fid-demm tal-ħaruf

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 25 ta’ April 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità Liturġika ta’ San Ġorġ Martri. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-solennita-ta-san-gorg-victoriait-tnejn-25-ta-april-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

“Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma?” (Apok 7:13). Ix-xiħ fil-għomor wieġeb: “Dawk huma dawk li bajdu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf” (v. 14). Tista’ tbajjad ilbiesek fid-demm tal-ħaruf? ’Il quddiem il-Ktieb tal-Apokalissi jgħidilna li dawk li kienu lebsin l-abjad kienu “mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ” (v. 1); jiġifieri tnax għal tnax għal elf. U aħna nafu xi jfisser in-numru tnax fl-Iskrittura: huwa n-numru tat-tnax-il tribu ta’ Iżrael, il-poplu ta’ Iżrael. Imma hemm tnax ieħor: dawn it-tnax l-oħra huma l-poplu l-ġdid ta’ Alla, il-Knisja – tnax-il Appostlu – għal elf, jiġifieri l-popli kollha. Il-popli kollha huma msejħin biex ibajdu lbieshom fid-demm tal-Ħaruf.

Dan ifisser li lkoll kemm aħna, il-bnedmin kollha, imsejħin biex nilbsu l-libsa l-bajda, biex insiru nixbhu lil Ġesù. Ilbieraħ kien il-Ħadd ta’ wara l-Għid, u l-Ħadd tal-bieraħ jissejjaħ Domenica in albis – ‘il-Ħadd tal-libsa l-bajda’. Għax l-ewwel Insara, li kienu jitgħammdu fil-Lejl Qaddis tal-Għid, kienu jkunu Nsara adulti u allura kienu jagħżlu li mill-Għid ’il quddiem il-ħajja, l-għażliet, il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, id-deċiżjonijiet tagħhom ser ikunu jixbhu lil dawk ta’ Ġesù. Għalhekk il-libsa l-bajda kienu jżommuha ġimgħa fuqhom, b’tali mod li dak li għamlu fl-Għid mhux biss jiftakruh bħala ġrajja ta’ darba, imma jqisuh bħala ġrajja ta’ kull ġurnata tal-ġimgħa, għal ġimgħa sħiħa; b’tali mod li jqisuh bħala parti minn kull ġurnata ta’ ħajjithom, mill-Għid ’il quddiem.

Aħna llejla qed niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġorġ, li din il-libsa l-bajda libisha. Kif libisha? Aħna qed niċċelebraw lil xi ħadd li l-ħajja tiegħu kienet rabta waħda mal-persuna ta’ Ġesù. Qegħdin niċċelebraw lil xi ħadd li mhux biss aħna nħobbuh, imma li hu jħobbna. Għax jekk hu magħqud fil-ħajja ta’ dejjem ma’ Alla, iħobbna bi mħabba li tmur lil hinn mill-imħabba tagħna. Ara kemm inħobbuh lil San Ġorġ! L-imħabba tiegħu għalina tisboq bil-wisq l-imħabba li xi ħadd minna, jew li aħna lkoll kemm aħna, jista’ jkollna lejn dan il-qaddis! Irridu nagħtu kas fil-ħajja tagħna mhux biss tal-mod kif jidhrilna aħna li nħobbu lil San Ġorġ, imma għall-mod ta’ kif hu jħobbna, u għall-mod ta’ kif jixtieq li aħna nkunu. Inkella l-imħabba tagħna tkun bħal dik ta’ dak l-għarus li jidhirlu li t-tfajla tiegħu jogħġobha ċertu ikel, u mingħajr ma jistaqsiha jew jieqaf jismagħha, għax jidhirlu li hekk għandu jħobbha, jeħodha f’ristorant jew jagħtiha tiekol dak li ma tantx jogħġobha. Jekk żagħżugħ irid iħobb tassew lit-tfajla tiegħu, jekk aħna rridu nħobbu tassew lil San Ġorġ, ma nistgħux niffukaw biss fuq dak li aħna nagħmlu għalih jew fuq dak li aħna nixtiequ minnu. Imma jekk aħna nħobbuh tassew, irridu nieqfu u nistaqsu: Kif tridna nħobbuk? Int kif tħobbna? Int kif tkun kuntent bina? Int x’tixtieq mingħandna? Inkella l-imħabba tagħna tista’, mingħajr ma nindunaw, tieħu t-triq li mhix dik li jixtieq il-Qaddis Protettur tagħna.

Għalhekk San Ġorġ illejla jippreżentalna dan l-Evanġelju, din il-Kelma ta’ Alla. Jekk aħna rridu tassew inħobbuh, San Ġorġ illejla qed jitlobna biex inkunu bħalu, biex nimitawh. San Ġorġ illejla qiegħed jitlobna biex kull wieħed u kull waħda minna, iċ-ċelebrazjoni li għamilna ftit ilu tal-Għid il-Kbir, it-tiġdid tal-Magħmudija tagħna, dik il-libsa l-bajda li l-ġenituri tagħna libbsulna għaxra, għoxrin, tletin, erbgħin, ħamsin, tmenin sena ilu, niftakru fiha, ma ninsewhiex. Ma ninsewx li għamilna għażla f’ħajjitna bħala Kristjani.

Kif tkun l-iktar b’saħħtek bħala bniedem? Billi tieħu dak li mhux tiegħek, jew billi tagħti dak li hu tiegħek? Billi taħfer u tħenn, jew billi żomm il-ponta u tpatti? Billi tipprova taħkem, titħallas anki ta’ dak li m’għamiltx, jew billi taħdem, tistinka, u l-valur ta’ dak li taqla’ jkun skont dak li taħdem? Meta int fil-ħajja tasal bl-istink u bil-ħidma tiegħek u bl-isforzi tiegħek, jew meta tipprova tqarraq, tagħmel dak li jidhirlek, għax taf lil xi persuni li jistgħu jwassluk, anki fejn bil-ħila tiegħek int ma kontx kapaċi tasal? Żgur li jkun iktar diffiċli biex tilbes il-libsa l-bajda u biex tixbah lil San Ġorġ, imma din hi l-imħabba vera lejn San Ġorġ, din hi l-imħabba vera lejn il-qaddis tagħna. Jekk aħna ma nagħmlux deċiżjonijiet u għażliet li jimmarkawna, li jiddistingwuna bħala Nsara, ikun faċli li nifirħu fil-festa ta’ qaddis, ikun faċli li niġu fil-knisja jew li noħorġu fil-pjazez, u nxandru, u nifirħu, u naqbżu… u nagħmlu sew! Imma nagħmlu sew sakemm dak il-ferħ estern huwa koerenti u konsistenti mal-għażliet li nagħmlu fil-qalb, mad-deċiżjonijiet Kristjani li nieħdu mill-qalb.

Ippermettuli llejla naqsam magħkom il-preokkupazzjoni, dak li nħoss li huwa l-inkwiet ta’ kull min hu Nisrani u jemmen f’Ġesù, ta’ kull min iħobb tassew lil San Ġorġ u lill-qaddisin l-oħra. Dawn il-qaddisin li aħna nonoraw fil-knejjes, fil-pjazez u fit-toroq tagħna, mhux b’xejn saru qaddisin! Biex tgħix l-Evanġelju mhix ħaġa faċli. Biex ngħixu l-Evanġelju tassew, biex inkunu tassew Kristjani, mhix ħaġa faċli. Dan mhux biex naqtgħu qalbna, imma fuq kollox biex ma niħdux il-ħajja Nisranija tagħna for granted, biex ma nkunux moxxi fl-għażliet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għax aħna kapaċissmi biex inqabblu fejn jaqbel. Kapaċissmi, ilkoll kemm aħna, biex fejn jidhrilna, nagħmlu dak li jgħidilna moħħna, dak li tgħidilna qalbna, u mhux dak li jgħidilna l-Mulej fil-Kelma tiegħu. Għax biex tagħmel dak li jrid minnek il-Mulej, insieha li tkun popolari. Nafu kif spiċċa Hu, iċċelebrajnieh dawn il-ġranet li għaddew.

Imma, kif talabna l-Papa ftit tal-ġimgħat ilu hawnhekk f’Ta’ Pinu, għandna bżonn verament li lkoll kemm aħna mmorru għall-essenzjal tal-fidi tagħna. Dan mhux mingħajr ma niċċelebraw, mhux mingħajr ma nagħmlu l-festi, mhux mingħajr ma niċċelebraw bil-kbir lill-qaddisin tagħna. Kemm niċċelebrawhom iktar bil-kbir jekk il-ferħ tagħna jkun ħiereġ mill-għażla tal-qalb u mhux sempliċiment minn adeżjoni mal-kurrent ta’ barra, mal-organizzazzjoni li jagħmel ħaddieħor! Kemm tkun festa akbar meta aħna, kull wieħed u kull waħda minna, quddiem il-kuxjenza tiegħu, anki llejla stess, ngħidu: Imma lili San Ġorġ x’qiegħed jitlobni biex insir nixbah aktar lil Ġesù? Faċli ħafna nkanta l-innijiet, inċapċap; iktar iebsa li nsib dak id-difett, dik id-dgħufija fil-qalb tiegħi… jien l-ewwel wieħed, Dun Anton, illejla. U nistaqsih lil San Ġorġ: Għidli x’tixtieq minni? Għinni nikkonverti.

Ma ninsewx dak li Ġesù qalilna fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 15:1-8). Intom tkunu ndaf, anzi, “diġà ndaf, minħabba l-kelma tiegħi” (v. 3). Imma jitlob Ġesù li aħna niġu miżbura. Jitlob li, jekk irridu nagħmlu l-frott, il-Missier, il-georgos – il-bidwi tal-Evanġelju, jiżborna. Meta tiżborha, is-siġra tieħu kedda, ma tiħux gost. Biex niżbor lili nnifsi, biex tiżbor lilek innifsek, ma niħdux gost. Imma hekk nagħmlu l-frott. Ara nimmaġinaw li l-ħajja Nisranija hija xi mixja trankwilla fil-kampanja, xi divertita! Kif qalilna l-Evanġelju, il-ħajja Nisranija hija impenn serju quddiem Alla l-Missier. Intom smajtuh x’qal Ġesù fl-Evanġelju: x’jagħmel il-Missier lil dawk il-friegħi tas-siġra li tagħmel il-frott? “Kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha” (v. 1). M’hemmx verb wieħed biss ta’ purifikazzjoni, imma hemm aktar minn wieħed f’dak l-Evanġelju. Jgħinna l-Mulej, permezz tal-esperjenza tal-ħajja tagħna stess kultant, imma wkoll permezz tal-Kelma tiegħu, biex nippurifikaw lilna nfusna. Mhux biex inkunu perfetti. Il-Mulej ma jixtieqx li nkunu perfetti, sbieħ ġo xi vetrina. Mhux hekk jixtieq minna l-Mulej. Imma żgur jixtieq soċjetà aħjar. Il-Mulej jixtieq li verament inkunu aħwa ta’ xulxin. Il-Mulej verament jixtieq li aħna ma nisfruttawx lil xulxin. Jixtieq il-Mulej li aħna nkunu attenti għall-ħtiġijiet ta’ xulxin. Jixtieq il-Mulej li aħna ma nkunux prepotenti ma’ xulxin. Jixtieq il-Mulej li aħna nkunu qaddejja ta’ xulxin.

Li kieku jkollkom tieqfu tirriflettu fuq l-Evanġelju tal-lum, it-tieni parti tiegħu hi kollha kemm hi marbuta mal-komunità. Il-friegħi jridu jaħdmu flimkien, imma mhux biżżejjed… iridu jkunu marbuta maz-zokk. Qed ngħixu f’soċjetà fejn il-grupp huwa importanti, fejn il-kumitati, il-laqgħat ta’ flimkien, l-ażjendi huma indispensabbli. Konvinti li aħna ma nistgħu nagħmlu xejn weħidna. Imma jonqosna. Għaliex? Għax hemm il-friegħi li qed jippruvaw jaħdmu flimkien, jaġixxu flimkien, jiftiehmu ma’ xulxin… imma jonqos iz-zokk. Jekk il-friegħi ma jkunux marbutin maz-zokk, illum jew għada jinxfu, illum jew għada ser ikollhom x’jgħidu ma’ xulxin, illum jew għada mhux ser jiftiehmu, illum jew għada ser isiru sikkina għal xulxin… jekk ma jkunux marbuta maz-zokk, jekk ma nkunux marbuta mal-Mulej Ġesù.

Tiftakruha l-istorja li qrajna f’dawn il-ġranet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 21, meta Pietru jgħidilhom lid-dixxipli l-oħra: “‘Sejjer nistad’. Qalulu: ‘Ħa niġu miegħek aħna wkoll’” (Ġw 21:3). Marru sitta oħra miegħu, kienu sebgħa. Pietru kien animatur tajjeb; ma obbligahomx, ma qalilhomx: ‘Isma’, mur stad ta! Issa morru stadu!’. Le! “Sejjer nistad”. Dawn marru miegħu flimkien. Pietru kien animatur tajjeb ta’ komunità, group leader tal-ġenn, bil-ħiliet kollha. Jagħmlu lejl sħiħ jitħabtu u ma jaqbdu xejn. Dak l-Evanġelju hu tassew importanti… Għax ma kinux marbutin maz-zokk. Jidher Ġesù fuq xatt il-baħar, u jgħidilhom kelma: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa” (v. 6) Neħħu minn moħħkom il-maġija. Is-sens veru tal-Evanġelju x’inhu? Dak il-grupp ta’ dawk is-sebgħa, għalkemm kienu magħqudin flimkien, kienu qed jaħdmu għal rashom, mingħajr Ġesù. Grupp fil-Knisja mingħajr Ġesù ma jistax jiffunzjona; illum jew għada ser jitkisser, u mhux biss jitkisser, imma jkisser lil ta’ madwaru. Jisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù, jagħmlu kif jgħidilhom hu, jintrabtu maz-zokk ċentrali, mad-dielja ċentrali, u jaqbdu qabda kbira ta’ ħut. Ara taħsbu li jitfagħha hemm għalxejn din il-ġrajja San Ġwann! Hija tagħlima kbira għal kull wieħed u kull waħda minna: għalina, qabel kollox, aħna li għandna r-responsabbiltà tal-qaddejja fil-Knisja, li nkunu marbutin mal-Mulej Ġesù, li rridu nsibu l-modi u l-mezzi fil-ħajja tagħna biex nintrabtu miegħu.

Liema huma dawn il-mezzi? Huma l-mezzi l-aktar antiki, imma li huma dejjem ġodda. Huma l-mezzi li smajna dejjem, imma li huma dejjem attwali. Hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija tal-Ħadd. Aħna s-saċerdoti rridu nkunu aktar konxji mir-responsabbiltà li għandna li ngħinu lill-poplu ta’ Alla jagħmel esperjenza vera, ta’ laqgħa mal-persuna ta’ Ġesù, waqt l-Ewkaristija. Għandna responsabbiltà li ngħinukom tagħmlu esperjenza, mhux tibqgħu spettaturi, mhux assemblea li qed tipparteċipa għal spettaklu, imma nies li qed jieħdu sehem fil-mejda, li qed jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jifhmuha. Jekk aħna s-saċerdoti, u jekk aħna lkoll, ma nagħmlux minn dawn il-mumenti li tippreżentalna l-Knisja fil-Liturġija tagħha okkażjoni ta’ laqgħa vera mal-persuna ta’ Ġesù, allura l-bqija jsir reċta, isir spettaklu, teatrin. Kemm iddum tattendi għalih! Fl-aħħar ixebbgħek, idejqek! Imma aħna, jekk fl-Ewkaristija nagħmlu esperjenza tal-laqgħa vera tagħna ma’ Ġesù, kull darba li niġu hawn ngħixu verament dak it-tibjid tal-libsa tagħna fid-demm tal-Ħaruf.

Xi jrid jgħid San Ġwann fl-Apokalissi meta jgħid li dawk bajdu l-ilbiesi tagħhom fid-demm tal-Ħaruf? Irid jgħid li dawk l-Insara għarfu u fehmu li Alla jħobbhom. Fehmu li Ġesù jħobbhom, fehmu li dak id-demm tal-Ħaruf mhux għajr is-sinjal, il-konsegwenza tal-imħabba li Alla għandu għall-bniedem, murija f’Ġesù Msallab. Dan ifisser li tbajjad ilbiesek fid-demm tal-Ħaruf. Biex imbagħad anki aħna nkunu kapaċi nagħmlu l-konverżjoni li għamel San Ġorġ. Ma ninsewx li San Ġorġ għamel konverżjoni kbira f’ħajtu. Ma ninsewx li dak li kien gwerrier qalbieni, għax kien tassew qalbieni u b’saħħtu, għax kien tassew qawwi, ħalla lil min joqtlu, biex iħobb! Ejjew nirriflettu ftit fuqha. Ħalla lil min joqtlu, sar dgħajjef biex iħobb! Din hi l-fidi Nisranija. Dan hu li qed niċċelebraw.

Ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina din il-qawwa, jagħtina dan l-Ispirtu li tant għandna bżonn fi żminijietna, biex aħna, meta noħorġu minn hawn, mingħajr ma noqogħdu nipprietkaw bi lsienna, imma bl-atteġġjamenti tagħna, bil-mod ta’ kif nirrelataw mal-oħrajn, bil-mod ta’ kif niddiskutu, bil-mod ta’ kif niddeċiedu, nuru li hemm xi ħaġa li tiddistingwina, nuru li aħna ta’ Ġesù, nuru li aħna ta’ San Ġorġ.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading