Il-gżira li laqgħet il-ferħ tal-Kelma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Mejju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Pawl Nawfragu. Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-san-pawlil-hadd-29-ta-mejju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Naħseb li għadha tidwi f’widnejna lkoll l-espressjoni li ħallielna l-Papa Franġisku meta ġie hawn ftit tal-ġimgħat ilu: “Il-ferħ tal-Knisja hu l-evanġelizzazzjoni”… il-ferħ tal-Knisja hu li tħabbar il-Vanġelu! U nistgħu ngħidu illi t-Tieni Qari li smajna (Atti 27-28), illi jfakkar il-ġrajja kbira li qegħdin niċċelebraw b’solennità, il-Festa tal-Appostlu Missierna San Pawl, juri tassew u jkompli jfisser u jispjega dik l-espressjoni li l-Papa ħallielna: il-ferħ tal-Knisja hu l-evanġelizzazzjoni.

Jiena ma nafx tinnutawx, imma kieku jkollna nieqfu nirriflettu ftit fuq din is-silta sabiħa tal-Atti tal-Appostli 27 u 28, nindunaw b’differenza kbira illi tiġri fuq il-gżira tagħna ladarba laqgħet lil Pawlu, illi kien dak li jġorr il-Kelma. Kieku jkollna nistaqsu dalgħodu u ngħidu: Kif nixtiequ li jkunu l-Maltin u l-Għawdxin? Kif nixtiequ li jkunu l-Maltin u l-Għawdxin li jemmnu f’Ġesù? Jew aħjar, kif tixtieqna l-Kelma ta’ Alla lilna biex verament dak il-ferħ illi l-Papa pprova jwasslilna jibqa’ f’nofsna, nibqgħu ngħixuh kuljum?

“Meta ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta”. Meta ħlisna mill-għarqa… San Luqa, meta juża dawn il-kelmiet, huwa qawwi ħafna fil-kliem li juża. Irid jgħidilna illi kieku ma kinitx Malta, din il-gżira, kieku lkoll kemm aħna mitlufin, ilkoll kemm aħna mitna, ilkoll kemm aħna tlifna ħajjitna. U allura tassew Malta, din il-gżira, kienet is-salvazzjoni, il-ħelsien. Il-kelma salvazzjoni hi proprju ħelsien mill-mewt, aktar milli ħelsien mill-għarqa. Li kieku ma kinitx din l-art, kieku l-baħar kien jiblagħna. Ilkoll kemm aħna nafu li l-baħar fl-Iskrittura huwa s-simbolu tal-mewt. Għal erbatax-il ġurnata sħaħ – ifisser sebgħa għal darbtejn, jiġifieri ż-żmien kollu – spiċċajna lkoll kemm aħna fil-periklu ta’ ħajjitna, u dan il-periklu jintemm: il-ħajja tagħna ssib is-salvazzjoni tagħha, il-ħelsien tagħha, meta tasal fuq l-art.

U din l-art x’jisimha? Mhux kull tip ta’ art, imma l-art ħelwa: Malta. Il-kelma Melite użata fil-Qari li smajna tfisser l-art tal-għasel, l-art ħelwa, dik li jkanta Dun Karm Psaila meta jħallilna l-Innu Malti. Din hi “l-art ħelwa” li tfakkarna lilna lkoll kemm aħna f’art oħra ħelwa li “tnixxi ħalib u għasel” (Dewt 6:3), l-Art imwiegħda, l-art li għall-poplu Lhudi kienet il-post fejn isib il-mistrieħ tiegħu, fejn jista’ jagħmel suċċess, fejn jista’ jipprogredixxi, fejn jista’ jgħix fi stabbiltà, fejn jista jkun sew f’daru. Jekk ikollna mmorru għat-Testment il-Qadim, din l-art li tnixxi ħalib u għasel hija l-art ta’ Debora (ara Mħ 4), hija l-art tan-naħal tal-għasel. Il-kelma deborah tfisser in-naħal tal-għasel. Imma fl-istess waqt l-istess kelma mhix għajr il-plural ta’ kelma oħra, dabar, li tfisser il-Kelma. L-art li tnixxi ħalib u għasel, l-art tal-ħlewwa, hi l-art tal-Kelma, l-art tas-salvazzjoni, l-art tal-ħelsien, l-art fejn aħna nistgħu nsibu sens fil-ħajja tagħna. Hi l-art tal-Kelma: Malta!

Imma jien nistaqsi: Malta għadha l-art tal-Kelma ta’ Alla? Ma ninsewx illi l-protagonista, l-attur prinċipali tal-Atti tal-Appostli, għalkemm jidhru li huma Pietru u Pawlu, imma fl-aħħar mill-aħħar dak li jgħaqqad lil dawn iż-żewġ persuni hija l-mixja, it-triq tal-Kelma, minn Ġerusalemm li tinxtered mal-bqija tal-univers, tad-dinja. U allura Malta, li hija l-art tal-Kelma, tinbidel fl-art tal-filantropija: “Ġabu ruħhom magħna bi mħabba liema bħalha. Għalfejn? Aħna ngħidu: għax il-Maltin kienu qalbhom tajba. Iva, imma San Luqa ried jgħidilna xi ħaġa aktar profonda. Meta aħna nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, aħna nsiru nies twajbin fil-qalb: il-filantropija hi ħbiberija mal-bniedem. Hekk tfisser il-kelma filantropija, li hi użata biss darba oħra fit-Testment il-Ġdid kollu, fl-Ittra lil Titu, meta San Pawl jikteb lil Titu u jgħidlu: “Dehret il-tjieba – filantropija – ta’ Alla mal-bnedmin” (ara 2:11). Kemm hi sabiħa! Il-verb li s-suġġett tiegħu huwa Alla: Alla li jħobb lill-bniedem bil-filantropija.

Issa hawn, dan il-verb, is-suġġett tiegħu huma l-Maltin: aħna li nħobbu lill-bniedem kif iħobbu Alla. Meta aħna naċċettaw u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla… meta l-art ħelwa, Melite, Malta, illi mhix għajr l-art imwiegħda, tilqa’ din il-kelma, x’jiġri? Iqabbdu ħuġġiega, jgħidilna l-Atti tal-Appostli. Il-ħuġġieġa minn dejjem kienet il-post, fil-ħajja tal-komunità, fil-ħajja tat-tribù, fil-ħajja tal-komunità primittiva, kienet il-mument tal-komunità, tal-komunjoni. Kulħadd jinġabar madwar in-nar, għax in-nar huwa sħana, in-nar ibiegħed lill-annimali, in-nar huwa s-sinjal tal-abitazzjoni, tal-abitat. In-nar huwa s-sinjal tal-komunità, u l-Kelma ta’ Alla meta nilqgħuha tibni l-komunità, issir in-nar li madwaru aħna lkoll ninġabru.

U x’jiġri f’dan in-nar? Minn dan in-nar joħorġu s-sriep, il-lifgħat. Il-lifgħa ma tistax tibqa’ fin-nar tal-Kelma. Il-ħażen joħroġ min-nar tal-Kelma. U bir-raġun allura, meta San Pawl jitfa’ l-ħatab fin-nar tal-komunità mibnija madwar il-Kelma ta’ Alla, titla din il-lifgħa u taqbad ma’ jdejh, jgħidilna l-Atti tal-Appostli. Din l-istess kelma, ‘lifgħa’, hi użata spiss fit-Testment il-Ġdid u b’riferiment mhux għall-annimali li naraw jitkaxkru mal-art imma għall-bniedem. San Ġwann il-Battista: “Ja nisel il-lifgħat”, jgħidilhom lin-nies li kienu jmorru jisimgħuh, “min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja?” (Mt 3:7). Min qiegħed jgħinkom biex tiffrankaw l-inkwiet li ġej jekk ma tilqgħux il-Kelma ta’ Alla? U Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Mattew 23:33s lill-Fariżej jgħajjarhom “nisel il-lifgħat, “ulied is-sriep”, għax huma “oqbra mbajda”, huma ta’ wiċċ b’ieħor.

Il-Kelma ta’ Alla tagħmilna nies sinċieri, marbuta mal-komunità. Tgħaqqadna flimkien, tiġborna flimkien bħal dak in-nar li miegħu kienu jinġabru n-nies primittivi biex isibu l-kenn, is-sostenn ta’ xulxin, il-protezzjoni mill-annimali. U għalihom dak id-dawl, dik il-ħuġġieġa mhix għajr il-punt tad-direzzjoni: fejn hemm id-dawl inti kapaċi timxi. U dan kollu f’kuntrast ma’ dak li kien qiegħed jiġri fil-baħar matul dawk l-erbatax-il ġurnata. Matulhom dawk li kienu fuq il-bastiment, dawk li kienu qegħdin jegħrqu, dawk li kienu fid-dlam lejl u nhar, la xemx u lanqas qamar… dawk kienu fi ġlieda ma’ xulxin, f’kunflitt ma’ xulxin: min se jitlaq jaħrab minn hawn, min irid joqtol lill-priġunieri minn hemm! Il-maqlub ta’ dan huwa n-nar: il-ħuġġieġa li taqbad madwar il-Kelma ta’ Alla, li tgħin lill-poplu, lilna l-Maltin, nibqgħu komunità, flimkien.

Din il-lifgħa, jgħidilna l-Atti tal-Appostli, teħel ma’ id Pawlu. Il-verb użat huwa qawwi ħafna, għax jindika li din il-lifgħa tefgħet il-velenu f’ħalq Pawlu. Aħna ngħidu li ma kienx hawn sriep bil-velenu. Imma forsi San Luqa kellu xi ħaġa oħra f’moħħu, iktar profonda. Huwa San Pawl li bit-tjubija tiegħu, hu li huwa Kristu ieħor – kif smajna fil-Vanġelu tal-lum, “intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48) – jerfa’ fuqu l-ħażen, id-dnub ta’ ħutu l-Maltin, ta’ ħutu l-bnedmin, ta’ dawk in-nies ġodda li jinsabu fosthom. Hija forsi l-esperjenza li aħna s- saċerdoti, imma mhux aħna biss, kull Kristjan denn, ta’ veru, irid jitgħallem iġorr bħal Ġesù. Ġesù jġorr il-ħażen tagħna fuq is-salib. Pawlu jġorr il-ħażen tagħna, id-dnub tagħna f’dik il-gidma tal-lifgħa. Kultant, biex inħobbu, hemm bżonn li aħna nerfgħu fuqna l-konsegwenzi tal-ħażen ta’ ħaddieħor. Kultant, biex inħobbu, hemm bżonn li nilqgħu l-kritika anki li tweġġagħna. Kultant, biex inħobbu, hemm bżonn insofru inġustizzja u nħallu dik il-gidma tal-lifgħa toħroġ minn ħalq xi ħadd ieħor u tieqaf fina, ma tkomplix f’ħaddieħor. Ma nkomplux ngħadduha kif jagħmel normalment il-bniedem li ma jiltaqax ma’ Alla.

Il-Maltin jibdew jitkellmu bejniethom. Aħna magħrufin biex nitkellmu bejnietna. Anki l-Papa qalilna biex ma nissindikawx. Aħna ħalli għalina, għax aħna poplu żgħir u malajr kelma tiġri ’l hawn u ’l hemm. Kien hemm xi ħadd ilbieraħ kien qiegħed jgħidli biex jiċċajta: “M’għandekx radju fil-komunità? Jien m’għandix bżonn ta’ radju. Biżżejjed ngħid kelma lil xi persuna u kulħadd ikun jaf!”. Jiġifieri biex inqassu fuq l-oħrajn, kemm irridu! Imma anki dak is-seksik ta’ missirijietna jinbidel f’seksik ieħor. Bdew jgħidu lil xulxin, jgħidilna l-Vanġelu fl-Atti tal-Appostli – espressjoni li nsibuha ta’ sikwit fil-Vanġelu – bdew jgħidu lil xulxin… Hekk għamlu d-dixxipli ta’ Għemmaws: “Bdew jgħidu lil xulxin: ‘Ma kinitx qalbna mħeġġa aħna u nisimgħuh jgħidilna fit-triq u jaqsam magħna l-Kelma ta’ Alla! Ma kinitx imħeġġa qalbna meta aħna għarafnieh fil-Qsim tal-ħobż!’” (ara Lq 24). Araw kif is-seksik tal-poplu Malti wieħed fuq l-ieħor kapaċi jinbidel f’kondiviżjoni dwar il-Kelma ta’ Alla meta aħna nilqgħuha, f’kondiviżjoni bejn dawk li jsegwuha! Kondiviżjoni ta’ dak li hu tajjeb, biex ngħinu lil xulxin, biex inkunu sapport wieħed għall-ieħor. Kondiviżjoni, iva, meta jkun hemm bżonn li naħfru lil xulxin.

U kif jagħlaq l-Atti tal-Appostli? Iġib quddiemna l-figura ta’ Publiju, il-Gvernatur, li huwa r-rappreżentant ta’ dawk li jmexxuna politikament. X’jagħmel Publiju? Kemm hi sabiħa dik ix-xena: Publiju jilqa’ lil Pawlu! Jilqa’ l-Kelma, għal tlitt ijiem, numru perfett. U meta l-poplu jara lil Publiju jilqa’ l-Kelma u lil Pawlu jagħtih kulma għandu bżonn, anki l-poplu jagħmel kif jagħmel Publiju. Aħna, b’xorti tajba jew ħażina, inħarsu dejjem ’il fuq kemm lejn dawk li jmexxuna ċivilment u kemm lejn dawk li jmexxuna ekkleżjalment. U nikkupjawhom fit-tajjeb u fil-ħażin. F’dan il-każ Publiju jilqa’ lil Pawlu, jilqa’ lill-Kelma, u minħabba f’hekk il-poplu kollu laqagħha l-Kelma. U mhux biss. L-Atti tal-Appostli jgħidilna: “U tawhom kulma kellhom bżonn”. Tawhom ġieħ, u hekk jagħmel il-poplu qabel ma jitilqu mill-art tagħna ta’ Malta. Il-poplu jikkupja lil min imexxih, imma dan mhux dejjem hu possibbli, dan mhux dejjem għandu jiġri. Meta niżbaljaw aħna bħala mexxejja tagħkom, bħala qaddejja tagħkom fil-fidi, bħala dawk li writna lil Pawlu, lill-Kelma, tikkupjawniex fil-ħażin tagħna. Tiġġustifikawx il-ħażen tagħkom billi tgħidu: ‘Dawk mhux hekk jagħmlu!’. U dan ngħidu mhux biss għalina s-saċerdoti, mhux biss għalija l-Isqof, imma ngħidu wkoll għal dawk li jmexxuna politikament.

Aħna rridu niftakru illi aħna poplu Kristjan, hekk nissejħu. Imma mhux ilkoll kemm aħna qegħdin niftakruha u nżommuha f’moħħna. Mhux ilkoll kemm aħna dixxipli veri ta’ Ġesù. U llum din il-ġrajja tal-Atti tal-Appostli li qegħdin infakkru, tisfidana, tistaqsina u tgħidilna: Imma int veru dixxiplu ta’ Ġesù jew le? Jew jien sempliċement nissejjaħ Kristjan, nissejjaħ Nisrani, għax mgħammed? U allura, jekk issir deċiżjoni fuq livelli għoljin politiċi għal kulħadd, għal min jgħix f’Malta u f’Għawdex, imma ma tkunx deċiżjoni li tgħodd għalija bħala Kristjan, bħala dixxiplu ta’ Ġesù? Dan ġara. L-esperjenza tgħallimhulna. Ħarġet il-liġi tad-divorzju u allura kważi kważi kulħadd aċċetta li ż-żwieġ m’għadux ma’ persuna waħda u għal dejjem. Għamilna żball! Meta naċċettaw dan, nagħmlu żball. Hija liġi li sservi biex tirregola l-konfużjoni li għandu jkun hemm fil-pajjiż meta dak jitlaq lil dik jew dik titlaq lil dak. Imma ma tistax din il-liġi ssir ir-regola tal-Kristjan veru. Ma tistax din il-liġi ssir ir-regola tad-dixxiplu ta’ Ġesù. Id-dixxiplu ta’ Ġesù jrid jistaqsi mhux biss x’tgħid il-liġi tal-Istat, imma anki x’jgħid il-Vanġelu, jekk irid lill-ferħ tal-Vanġelu jaffettwalu tassew ħajtu.

Din hija esperjenza li qed ngħixu bħalissa, f’dawn il-ġranet. Intom tafu li qed issir reviżjoni tal-liġi tal-IVF, u f’din il-liġi aktar se jkun hemm il-possibbiltà tal-‘pretesting’: wieħed jittestja l-embriju qabel iħawlu fil-ġuf, biex jara hemmx marġini ta’ ħajja jew le. Sakemm dan it-test iservi bix jgħin lil dak l-embriju jsir aħjar, ifiq, jikber, u dik l-omm ikollha tarbija f’saħħitha, sa hemmhekk ma hemm xejn ħażin. Imma meta niġu biex nagħżlu u ngħidu: dan l-embriju, din il-persuna tajba biex tgħix, din l-oħra le, nitfgħuha fil-bank bl-iskuża li tiġġustifika li xi darba xi ħadd jista’ jaddottaha, dak ifisser mewt għal dejjem! Aħna dan ma nistgħux nagħmluh. U jien bħala dixxiplu ta’ Ġesù, jekk niġi f’sitwazzjoni bħal din, jien ma nistax inħalli tabib jgħidli: ‘Isma’, dik neħħiha, għax dik jista’ jkun hemm problemi’… Għax hawnhekk ukoll jiena m’iniex tabib, u allura ma nistax nippretendi li nifhem f’ċerti affarijiet, imma nipprova ninforma ruħi. Jien ma nistax ngħid: ‘Dan l-embriju nwarrbu fil-ġenb, għax din il-ħajja għandha inqas dinjità, inqas valur mill-oħra’. Aħna nafu li kull persuna għandha valur, u jekk nagħmlu hekk, jekk naġixxu b’dan il-mod mat-tarbija li għadha nukleu żgħir, embriju żgħir, dan ifisser li m’aħniex nirrispettaw tassew l-ugwaljanza bejnietna. Ilkoll kemm aħna nġorru difetti ġenetiċi: hemm ta’ min jidhru u hemm ta’ min ma jidhrux. Allura ta’ dawk li jidhru diġà nibdew inħossuhom bħala inqas, jekk aħna sa minn qabel it-tħawwil tal-embriju fil-ġuf tal-omm nibdew ngħidu: dak tajjeb u dak ħażin. Irridu noqogħdu ftit attenti!

Jien ma nistax nikkritika l-liġi. Jien ma nistax nippretendi li l-Gvern jagħmel liġi differenti. Dik affari tiegħu, għax il-Gvern għandu poplu sħiħ. Imma jien nista’ nindika lill-Kristjan li d-dixxiplu ta’ Ġesù jrid jgħix verament b’mod awtentiku l-Vanġelu. Inkella nispiċċaw inqabblu fejn jaqbel, u fejn aħna stess ma nħossuniex sew bħala dixxipli ta’ Ġesù, aħna stess inkunu qed nitbiegħdu minn Melite, minn din l-art ħelwa, minn din l-art li tnixxi ħalib u għasel.

Ejjew nitolbu lill-Mulej matul is-sena li ġejja – din hi t-talba tiegħi u nikkonkludi biha – biex inħallu lil Pawlu jgħix illum, inħalluh ħaj illum… Kemm tħobbuh lil Pawlu! Biex inħallu lil Pawlu ħaj illum, biex inħallu lil Pawlu jgħix illum, tafu xi rridu nagħmlu? – inkella nkunu qtilnieh u dfinnieh, anki jekk nagħmlulu festa – imma aħna nkunu tassew nirrispettawh u tassew inqisuh bħala ħaj, meta din il-Kelma li hu bata għaliha, li ra l-għarqa ghaliha, li miet għaliha, ngħożżuha. Nixtieq li matul is-Sena Pastorali li ġejja nagħtuha importanza lil din il-Kelma tal-Iskrittura, il-Kelma ta’ Alla. Hekk verament din il-Festa tagħmel ħafna sens. Hekk verament San Pawl ma jkunx tifkira tal-imgħoddi, imma jkun ċelebrazzjoni preżenti.

Viva l-Appostlu Missierna San Pawl!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading