Il-ġieħ li tkun ‘qaddej’

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Ġunju 2022: Omelija mill-Isqof George Frendo OP, Arċisqof emeritu ta’ Tirana-Durrës fil-Quddiesa tal-Ordinazzjoni Djakonli tas-seminarista Matthew Bajada. Katidral tal-Assunta, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-george-frendo-op-ordinazzjoni-djakonali-matthew-bajadais-sibt-18-ta-gunju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof George Frendo OP

Għażiż Matthew, nindirizza dawn il-kelmtejn l-ewwel nett lilek. Iżda nistieden lilkom ilkoll, għeżież ħuti preżenti, biex tisimgħu dan li se ngħid, bix-xewqa li tifhmu u tapprezzaw iżjed il-ministeru tad-djakonat.

Fl-Ewwel Qari (Ġer 1:4-19) smajna bis-sejħa ta’ Ġeremija. Alla sejjaħlu u qallu: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek”. Dan il-kliem jgħodd għalik ukoll, għażiż Matthew. Alla għażlek u kkonsagrak, jiġifieri għamlek għalkollox tiegħu. Fl-Evanġelju (Mt 6:19-23) naqraw li qabel ma Ġesù għażel l-Appostli, għadda l-lejl fit-talb. F’dik it-talba kont inkluż inti wkoll, Matthew, u rringrazzja lil Ġesù talli talab għalik.

U Alla kompla jgħid lil Ġeremija: “Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok”. Bħala djaknu trid ixxandar il-Kelma ta’ Alla fil-predikazzjoni. Dejjem żomm quddiem għajnejk li mhux se xxandar il-kelma tiegħek, xi opinjoni tiegħek, iżda bl-umiltà xxandar il-Kelma ta’ Alla. Ġeremija wettaq il-missjoni tiegħu bħala profeta fi żmien ferm diffiċli. Iżda Alla qallu: “La tibżax”. U għaliex? Għaliex, qallu, “jien inkun miegħek”.

Fit-Tieni Qari (Rum 12:1-21) smajna kliem San Pawl li lir-Rumani kellimhom fuq id-doni differenti li Alla jferrex fuq il-Knisja tiegħu, u fosthom isemmi d-don tal-ministeru, biex inservu. Hekkhu, id-don li qed tirċievi int illum hu sewwasew biex isservi, issir qaddej. L-istess kelma djaknu tfisser ‘qaddej’. Imma tinsiex li, fl-Iskrittura, ‘qaddej’ huwa titlu ta’ ġieħ. Huwa ta’ ġieħ kbir li tkun qaddej ta’ Alla u tal-poplu. Ġesù nnifsu jissejjaħ ‘qaddej’, u qal espressament li ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi (ara Mt 20:28).

Fl-istess qari San Pawl jgħidilna: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki”. Hekk għamel Ġesù nnifsu. Huwa mudell ta’ kompassjoni. Huwa ġietu ħasra mill-poplu bil-ġuħ, u tahom jieklu. Ġietu ħasra mill-morda, u fejjaqhom. Ġietu ħasra mill-poplu li kien qisu nagħaġ mingħajr ragħaj, u beda jgħallimhom. Ġietu ħasra mill-armla ta’ Najn li mitilha l-iben waħdieni tagħha, u reġa’ tah il-ħajja. Inti, bħala qaddej tal-poplu, trid tħoss l-istess kompassjoni, li tqarrbek mal-poplu f’kull sitwazzjoni tiegħu.

Fl-Evanġelju Ġesù jwissina biex ma nagħmlux teżori f’din id-dinja, iżda nġemmgħu għalina teżori fis-Sema. Is-servizz li se tagħti bħala djaknu, għażiż Matthew, huwa t-teżor li se tgeddes għalik fis-Sema.

M’iniex se ngħidlek: “Tinsiex li jismek Matthew u li int mill-Għarb”. Dan tafu żgur! Imma ngħidlek li dawn iż-żewġ fatti għandhom ikunulek ta’ messaġġ għalik. Nibdew b’ismek. Int imsemmi għall-Appostlu Mattew, li kien pubblikan, jiġifieri wieħed li kien jiġbor it-taxxi u forsi, bħall-pubblikani l-oħra, kien jabbuża. Għalhekk il-Fariżej, dejjem għassa fuq kull ġest ta’ Ġesù, bdew igergru, għax Ġesù jitħabbeb mal-midinbin. Iżda San Beda, meta jikkummenta fuq is-sejħa ta’ Mattew, jgħidilna li Ġesù, waqt li ġietu ħniena minn Mattew, għażlu bħala Appostlu. Ġesù wera l-istess ħniena lejja u lejk, għażiż Matthew, imma jalla aħna wkoll – jien u int – nibqgħu nuru ħniena lejn kull min jistenna minna l-ħniena.

U int mill-Għarb, mill-Parroċċa ddedikata lil Marija li żaret lil qaribtha Eliżabetta. Marret għand Eliżabetta biex magħha taqsam il-ferħ, iżda wkoll biex taqdiha (għax Eliżabetta kienet imdaħħla fiż-żmien, u kienet fis-sitt xahar tat-tqala tagħha). Għand Eliżabetta Marija faħħret lill-Mulej, għax għarfet li l-Mulej għamel magħha ħwejjeġ kbar. U dan għandu jkun il-programm ta’ ħajtek, għażiż Matthew: li taqdi, li tikkomunika l-ferħ, u li dejjem tfaħħar lill-Mulej u troddlu ħajr għax għamel miegħek ħwejjeġ kbar.

Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli naqraw li l-Appostli ħatru seba’ rġiel biex jgħinuhom fis-servizz ta’ karità (ara 6:1-15). Kienu l-ewwel djakni. U din il-ħatra seħħet billi l-Appostli talbu fuqhom u qiegħdu jdejhom fuqhom. Dan il-ġest tat-tqegħid tal-idejn kellu żewġ tifsiriet: ħatra għal missjoni speċifika, u għotja tal-Ispirtu s-Santu. Mela d-djaknu għandu l-missjoni li jaqdi. Iżda nkomplu naqraw li Stiefnu xandar bil-kuraġġ kollu lil Ġesù Kristu quddiem ġemgħa li mbagħad ikkundannatu għall-mewt (ara Atti 6-8).

L-Atti tal-Appostli jsemmulna wkoll djaknu ieħor, Filippu (ara Atti 8), li mar fis-Samarija biex ixandar l-Evanġelju, u ħafna laqgħu l-kelma tiegħu u ġew mgħammdin minnu. Din l-aħbar waslet f’widnejn l-Appostli, li kienu Ġerusalemm, li ferħu ħafna bil-bxara u tnejn minnhom, Pietru u Ġwanni, marru huma stess fis-Samarija, qiegħdu jdejhom fuq dawk li kienu tgħammdu minn Filippu, u rċevew l-Ispirtu s-Santu. Mela d-djaknu jaqdi b’għemejjel ta’ karità, ixandar il-Kelma ta’ Alla bil-predikazzjoni, u jsieħeb bnedmin ma’ Kristu bil-magħmudija.

Iżda l-aħħar kelma tiegħi lilek, għażiż Matthew, hija appell biex tħares lejn wiċċ id-djaknu San Stiefnu. L-għedewwa tiegħu, tant inkurlati għalih, ħarsu lejh, u ntebħu li wiċċu kien qisu wiċċ ta’ anġlu (ara Atti 6:15). Jalla wiċċek ukoll, Matthew, jidher bħala wiċċ ta’ anġlu, meta bl-eżempju ta’ ħajtek u b’kelmtek imtennija b’entużjażmu u bl-umiltà ssir strument ta’ grazzja anki għal dawk li tbiegħdu mill-Mulej.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading