Il-Papa: “Kristu, msallab fl-istudenti tal-iskejjel residenzjali tal-Kanada, jirrikonċiljana fuq is-Salib”.

Print Friendly, PDF & Email

“Din hi t-triq ‘il quddiem: li nħarsu flimkien lejn Kristu, li nħobbu t-tradut u msallab għalina; li nħarsu lejn Kristu, msallab fil-ħafna studenti tal-iskejjel residenzjali”.

It-Tnejn, il-Papa Franġisku beda il-mixja tiegħu għall-Knisja Kattolika fil-Kanada, hekk kif iltaqa’ ma’ membri tal-unika knisja parrokkjali Indiġena magħżula fil-pajjiż. Il-Papa kellu laqgħa sabiħa fil-belt tal-punent ta’ Edmonton, mal-parruċċani tal-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù tal-Ewwel Popli, li waslet wara l-apoloġija pubblika tiegħu għar-rwol tal-Knisja fit-tmexxija tal-iskejjel residenzjali.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa Franġisku esprima l-ferħ tiegħu għall-opportunità li jiġi “bħala ħabib u pellegrin f’artkom”, u żied li l-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lejn il-Kanada huwa maħsub bħala sinjal konkret tax-xewqa tiegħu li jappoġġja l-proċess tal-fejqan. Il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù tilqa’ nies mill-Ewwel Nazzjonijiet, Métis, u komunitajiet Inuit, kif ukoll immigranti minn pajjiżi oħra. L-Papa qal li l-parroċċa toffri eżempju ta’ kif il-Knisja għandha tkun “dar għal kulħadd… dar fejn kulħadd għandu jħossu milqugħ, irrispettivament mill-esperjenzi tal-passat u l-istejjer tal-ħajja personali”.

“Tweġgħani naħseb li l-Kattoliċi kkontribwew għal politika ta’ assimilazzjoni u neħħew kull privileġġ li tnissel sens ta’ inferjorità, serqu lill-komunitajiet u lill-individwi mill-identità kulturali u spiritwali tagħhom, qatgħu l-għeruq tagħhom u rawmu attitudnijiet preġudizzjarji u diskriminatorju; u li dan sar ukoll f’isem sistema edukattiva li suppost kienet Nisranija”.

L-edukazzjoni, żied jgħid il-Papa, għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett u qatt ma tiġi mposta f’format lest minn qabel, iżda pjuttost titwettaq bħala avventura biex “niskopru flimkien il-misteru tal-ħajja”.

Il-Papa mbagħad iffoka fuq it-tema tar-rikonċiljazzjoni, u qal li Krsitu ġab forma ta’ rikonċiljazzjoni li tmur lil hinn mid-dehra ta’ barra. “Ġesù jirrikonċiljana ma’ xulxin fuq is-salib, fuq is-‘siġra tal-ħajja’, kif kienu jħobbu jsejħulha l-insara tal-qedem”. Dik is-siġra tal-ħajja, qal il-Papa Franġisku, tgħaqqad is-sema u l-art u tħaddan il-Ħolqien kollu, anke jekk l-affarijiet huma “ma jinftehmux u li ma jinħafrux”.

Qdusija Tiegħu qal li l-popli indiġeni jattribwixxu “sinifikat kożmiku qawwi” lill-punti kardinali, filwaqt li nnota kif il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù tapproprja dak is-simboliżmu u tagħtiha tifsira kristoloġika. “Ġesù, permezz tal-erbat it-truf tas-salib tiegħu, ħaddan l-erba’ punti kardinali u ġabar flimkien il-popli l-aktar imbiegħda. Huwa ġab fejqan u paċi għal kollox”.

Filwaqt li rrikonoxxa l-uġigħ imġarrab minn ħafan popli u familji indiġeni f’idejn l-iskejjel residenzjali tal-Kanada, l-Papa Franġisku qal li jista’ “biss jimmaġina l-isforz li jrid jieħu, għal dawk li batew ħafna minħabba l-irġiel u n-nisa li kellhom jagħtu eżempju tal-ħajja Nisranija, anke biex taħseb dwar ir-rikonċiljazzjoni”.

“Qatt u xejn ma jista’ jneħħi l-ksur tad-dinjità, l-esperjenza tal-ħażen, it-tradiment tal-fiduċja, jew ineħħi l-mistħija tagħna stess, bħala dawk li nemmnu. Iżda rridu nerġgħu nimxu, u Ġesù ma joffrilniex kliem sabiħ u intenzjonijiet tajbin, imma s-salib: l-imħabba skandaluża li tħalli idejh u saqajh jittaqqbu bl-imsiemer, u rasu inkurunata bix-xewk”.

Ir-Ragħaj tal-Knisja Kattolika qal, li t-triq ‘il quddiem, hi li nħarsu flimkien lejn Kristu u nħaddnu d-don ta’ Kristu tar-rikonċiljazzjoni, “paċi li ħierġa mill-qalb ta’ Ġesù, grazzja li trid tiġi mfittxija”. “Jekk irridu nkunu rikonċiljati ma’ xulxin u magħna nfusna, li nkunu rikoniċljati mal-passat, b’ħażniet imġarrba u memorji miġruħa, b’esperjenzi trawmatiċi li l-ebda konsolazzjoni umana ma tista’ qatt titfejjaq, għandna nerfgħu għajnejna lejn Ġesù msallab; il-paċi trid tinkiseb fuq l-artal tas-salib tiegħu”.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li l-Knisja hija l-“ġisem ħaj tar-rikonċiljazzjoni”, peress li hija l-ġisem wieħed li fih Kristu rrikonċiljana. Huwa qal li l-Knisja qatt ma tista’ twassal lin-nies lejn Kristu billi timponih permezz tal-proselitiżmu. Minflok, Ġesù jrid jiġi “mħabbar kif jixtieq Hu, fil-libertà u l-karità”. L-Papa żied jgħid, li l-Knisja trid tkun post ta’ merħba li fih l-Ispirtu s-Santu jrawwem il-fejqan ta’ memorji feruti, li qal għandu jsir fuq livell lokali fit-talb u l-qsim tal-ħajja ma’ xulxin.

Il-Papa temm l-indirizz tiegħu lill-membri tal-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù tal-Ewwel Popli bix-xbieha tat-teepee. Huwa nnota li fuq l-artal u t-tabernaklu hemm erba’ arbli li jirrappreżentaw it-tinda tipika indiġena, u qal li din tfakkar ukoll it-Tinda tal-Laqgħa fejn Alla għammar waqt li l-poplu ta’ Iżrael għal erbgħin sena vjaġġa fid-deżert.

“It-teepee jfakkarna li Alla jakkumpanjana fil-vjaġġ tagħna u jħobb jiltaqa’ flimkien magħna”, qal il-Papa Franġisku. “Alla hu Alla ta’ qrubija, u f’Ġesù jgaħllimna l-lingwaġġ tal-kompassjoni u l-imħabba tenera.” Jalla Alla, temm jgħid, “jżommna minn idejna, u anke mid-deżerti tal-istorja, jkompli jmexxi l-passi tagħna fit-triq tar-rikonċiljazzjoni”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-07/pope-francis-canada-sacred-heart-indigenous-church-meeting.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading