Ħarsa fuq l-oħrajn minn għajnejn l-Assunta

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 21 ta’ Awwissu 20222: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Santwarju arċipretali ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, Żebbuġ.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-santa-marija-zebbug-il-hadd-21-ta-awwissu-2022?si=76f544ff931e4da89d806e3a227d68d9&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Dalgħodu għadna kif smajna xena fil-Vanġelu tal-lum (Lq 1:39-56) illi saret rari ħafna fi żmienna. Rari xi ħadd jinqala’ minn 80 kilometru bogħod, imur biex jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ persuna li jaf, li hi qariba, li tinsab fil-bżonn. Illum dawk it-80 kilometru nkopruhom b’messaġġ, telefonata, email u elf ħaġa oħra, skont il-possibbiltajiet tal-mezzi soċjali ta’ żmienna. Ħażin dan? Le mhux ħażin, sakemm ma jiħux post il-laqgħa personali, wiċċ imb’wiċċ. U dan mhux qiegħed ngħidu għall-emigranti, għan-nies li ltqajna magħhom darba… sirt tafhom, forsi meta sifirt ma’ grupp, u darba kultant tibgħatilhom messaġġ jew email ta’ awguri. Mhux fuq dawn qed nitkellem, imma qiegħed nitkellem fuq il-membri tal-istess familja. Ħafna drabi qegħdin nissostitwixxu l-mezzi tal-komunikazzjoni mal-laqgħa wiċċ imb wiċċ. U dan mingħajr ma aħna nindunaw bil-konsegwenzi, mhux dejjem pożittivi, li dan kollu qiegħed iħalli fil-ħajja tal-familja.

Marija titlaq mill-belt ta’ Nazaret, timxi mal-wied kollu tal-Ġordan, tinżel lejn il-muntanji tal-Lhudija, 80 kilometru, biex tiltaqa’ ma’ din il-qariba tagħha Eliżabetta, biex issellmilha, biex tidħol fid-dar tagħha u tgħaddilha dak li kellha l-iktar importanti f’ħajjitha f’dak il-mument. Ma kinitx sempliċiment komunikazzjoni, laqgħa ta’ informazzjoni, laqgħa li permezz tagħha Marija qalet xi ħaġa lil Eliżabetta. Ma kinitx sempliċiment laqgħa wara ħafna snin li kienu ilhom ma jiltaqgħu, laqgħa ta’ ħbiberija, ħadu pjaċir b’xulxin għax reġgħu raw lil xulxin. Le, imma kienet laqgħa ta’ veru, relazzjoni ta’ veru. U forsi aħna m’għadniex nafu nidħlu f’relazzjoni ta’ veru.

X’jiġifieri relazzjoni ta’ veru? Aħna lkoll kemm aħna għandna dawk li ngħidulhom relazzjonijiet, kemm fid-dar u kemm fuq ix-xogħol, kif ukoll ma’ dawk li ngħidulhom ħbieb. Imma x’relazzjonijiet huma? Kemm hi profonda l-intensità ta’ dawn ir-relazzjonijiet? Meta jien immur fuq ix-xogħol, u ltqajt ma’ xi ħadd jew ma’ xi wħud, jien iltqajt tassew ma’ dik il-persuna? Jien ħallejt lili nnifsi tassew ninfetaħ għal dik il-persuna? Jew sempliċiment iltqajt ma’ informazzjoni, ma’ idea li jien għandi ta’ dik il-persuna? Jien ippruvajt nieqaf, nisma’ u nifhem tassew lil dik il-persuna, dak li għaddejja minnu u li qiegħda tikkomunikali? Jew sempliċiment kont ippreokkupat fuq dak li għandi x’nagħmel u sempliċiment kien biżżejjed għalija li nisma’ dak li l-persuna l-oħra qiegħda tgħid, imma ma tantx laqatni jew daħalli f’qalbi?

Għandna eżempju ċar ta’ dan kollu fil-Vanġelu – il-ġrajja tas-Samaritan it-tajjeb (Lq 10:25-37). Aħna nistgħu niltaqgħu mal-proxxmu tagħna, mal-ħabib u l-ħabiba tagħna, mal-persuni li naħdmu magħhom fuq ix-xogħol… imma mhux biss. Nistgħu niltaqgħu mal-membri tal-familja tagħna jew kif iltaqgħu dak is-saċerdot u l-Levita, jew kif iltaqa’ dak is-Samaritan. Jien nista’ nara b’għajnejja l-persuna, u dik il-persuna tqajjem xi ħaġa ġewwa fija, imma nista’ nagħlaq dak li ħassejt, nista’ nagħlaq mill-ewwel dak li l-persuna qajmet, l-emozzjoni li qanqlet fija, u nibqa’ għaddej bl-affari tiegħi, bix-xogħol tiegħi. Dak hu spiss li ħafna drabi nagħmlu, u hekk ma nkunux qegħdin niltaqgħu, kulħadd jibqa’ fit-triq tiegħu, għaddej għal rasu. Jew inkella nista’ nagħmel bħal dak is-Samaritan illi mhux biss rah, jgħidilna l-Vanġelu, imma rah u ħallieh jidħol ġo fih lil dak il-bniedem li kien waqa’ f’idejn il-ħallelin, rah u tħassru. X’jiġifieri tħassru? Ħalla l-qalb tiegħu miftuħa biex dawk l-emozzjonijiet, dawk is-sentimenti profondi li dik il-persuna fil-bżonn qajmet fis-Samaritan, kellhom il-possibbiltà li jkomplu jgħixu fis-Samaritan. Is-Samaritan għamel spazju f’qalbu u f’ħajtu għal dik il-persuna. U qed ngħixu f’soċjetà u fi żmien fejn għandna bżonn nerġgħu nibdew nitgħallmu nidħlu f’relazzjoni.

Dan hu li l-Vanġelu tal-lum b’mod sempliċi imma sabiħ u sublimi jfisser fil-laqgħa ta’ Marija ma’ Eliżabetta. Tant kienet laqgħa profonda, tant kienet laqgħa bejn il-persuni, illi saħansitra tqanqlu l-ulied fil-ġuf tagħhom… tant kemm messew lil xulxin fil-fond, tant kemm Marija messet lil Eliżabetta, tant kemm Marija kienet mimlija bil-grazzja, fi kliem ieħor bl-imħabba. Marija kienet għadha kif semgħet lill-anġlu jkellimha u laqgħet il-Kelma ta’ Alla, lill-istess Iben ta’ Alla bħala rigal f’ħajjitha. Tant dik il-laqgħa kienet profonda, illi Marija rnexxielha tgħaddi lil dak l-Iben ta’ Alla li kellha fiha lil Eliżabetta. Dan jgħidilna l-Vanġelu: kif semgħet dik it-tislima Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu kif kienet imtliet Marija meta kellimha l-anġlu. X’komunikazzjoni! X’relazzjoni! Imma dan kollu minn fejn hu ġej?

Għalfejn illum għandna din id-diffikultà illi ngħixu ma’ Marija Mtellgħa fis-Sema, li ngħixu l-profondità tar-relazzjonijiet, kif jixtieqna u għamilna Alla? Għalfejn insibuha bi tqila llum biex ninfetħu tassew għal xulxin? Għalfejn saħansitra anki għarus u għarusa jsibuha bi tqila biex jiftħu tassew kulma għandhom, kulma huma, ħajjithom kollha kemm hi għal xulxin? U jiġi jgħidlek l-għarus: ‘Jien kelli ħafna avventuri fil-passat. Issa dawn ngħidhom lit-tfajla tiegħi jew ma ngħidhomlhiex? U jekk tiskopri? U jekk xi ħadd jgħidilha jien x’għamilt u x’ma għamiltx?’. Tiġi tgħidlek l-għarusa: ‘Imma jien se nagħmel account wieħed mal-għarus tiegħi, jew inżomm l-account tiegħi għalija u hu jżomm tiegħu għalih?’. Mhumiex problemi ta’ flus, ta’ x’se jiġri fil-futur… huma problemi ta’ inċertezza kbira fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Kważi kważi l-bniedem nesa dak li hu tassew. U ħa ngħidilkom għaliex nesa dak li hu tassew. Hawn xi ħadd minna hawnhekk, ħażin jew tajjeb, li waqa’ waħdu mill-ajru, li ġie waħdu fid-dinja, li twieled waħdu, li trabba waħdu, li kiber waħdu u għamel lilu nnifsu waħdu? Żgur li ħadd minna. Ilkoll kemm aħna tnissilna, ħażin jew tajjeb, f’relazzjoni, forsi f’relazzjoni ta’ mħabba jew inqas imħabba, jew kultant f’relazzjoni ta’ rabja jew kultant f’relazzjoni anki ta’ vjolenza. Imma lkoll kemm aħna tnissilna f’relazzjoni! U kif trabbejna, kif kbirna, ħażin jew tajjeb, jekk f’mhux f’relazzjoni? Il-bniedem li mhux f’relazzjoni ma jistax jikber, il-bniedem li mhux f’relazzjoni jmut.

Ħa ngħidilkom storja klassika, tissemma sikwit fl-istudji tal-psikoloġija. Kien hemm imperatur li kien jismu Federiku II, tal-Hohenstaufen, fis-seklu 13, li ried jagħmel esperiment. Ried jara jekk it-trabi tat-twelid ma tkellimhomx, b’liema lingwa meta jikbru jibdew jikkomunikaw flimkien. Ġabar għaxar ommijiet, poġġiehom f’palazz mimli b’kollox, b’kulma kellhom bżonn. Tahom kulma riedu, ħalliehom hemm jgħixu għal xi xhur, b’kundizzjoni waħda: illi ma jitkellmux mat-tfal tagħhom, biex it-tfal tagħhom meta jikbru jsibu huma l-mod ta’ kif jikkomunikaw flimkien. Hekk, immaġina Federiku, isir jaf b’liema lingwa l-bniedem jibda jitkellem u jikkomunika jekk ma tgħallmux, jekk ma jitgħallem minn imkien. Liema taħsbu li kienet il-lingwa li biha dawn it-tfal bdew jitkellmu u jikkomunikaw flimkien? Ippruvaw immaġinaw… tafu liema kienet din il-lingwa? La Federiku ma sar jaf u lanqas aħna mhu se nkunu nafu. Għaliex dawk it-tfal kollha, wieħed wieħed, waħda waħda, mietu. Mhux għax ma kellhomx ħalib, mhux għax ma kellhomx lil min jieħu ħsiebhom, mhux għax ma kellhomx min iraqqadhom, mhux għax ma kellhomx min jieħu ħsieb it-temperatura ta’ ġisimhom. Le, sempliċiment għax ma kellhomx min ikellimhom.

Imma aħna meta nikbru ftit x’nibdew ngħidu? ‘Fl-opinjoni tiegħi’, ‘għax jien hekk jidhirli’, ‘għax hawnhekk kif ngħid jien’, ‘għax hawnhekk jien għandi raġun’, ‘għax hawnhekk dejjem jien fir-raġun’. U nibdew nimmaġinaw li d-dinja bdiet magħna, li aħna għandna xi kontroll sħiħ fuqna nfusna, u nsiru mhux relazzjoni imma dinjiet għalina, kulħadd dinja għalih. B’xorti ħażina, jekk aħna nirriflettu ftit, irridu niġu konxji illi għaddejjin minn dan iż-żmien, żmien ta’ narċisiżmu pur, kulħadd ‘l-ewwel jien, imbagħad jien, imbagħad jien, u jekk jibqa’, jien’. Hawn qiegħda s-soċjetà tagħna. U dan kollu x’qiegħed jagħmilna? Iktar kuntenti jew iktar iddisprati? Iktar kuntenti jew iktar iffrustrati u dipressi, iktar dipendenti mill-mediċini, iktar dipendenti mill-alkoħol u mid-droga? B’xorti ħażina din hi d-dinja li qegħdin ngħaddu lil dawk ta’ warajna. Ma rridx inkun negattiv, imma dan kollu fejn se jwassalna?

L-istedina ta’ Marija u Eliżabetta f’dan il-Vanġelu hi li aħna diġà mil-lum nibdew ngħixu s-sejħa li qed tistenniena, li nkunu nies tas-Sema. San Pawl jgħidilna: “Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-Sema” (Kol 3:2), kunu nies tas-Sema, torbtux qalbkom mal-art. Jekk aħna rridu nkunu nies tassew tas-Sema, aħna bilfors irridu nkomplu nitgħallmu, nisħqu, b’mod speċjali fil-kuntest tal-familja, fuq ir-relazzjonijiet. Illum nitkellmu fuq quality time mat-tfal, għax il-quantity sparixxiet. Ma baqgħalniex ħin mat-tfal. Imma għalfejn ma baqgħalniex ħin mat-tfal, mar-raġel, mal-mara? Għat-tfal, għar-raġel, għall-mara, għall-familja! Ma baqagħlix ħin għat-tfal, imma dan nagħmlu għat-tfal, għax jiena naħdem għat-tfal, għar-raġel, għall-mara, għall-familja. Imma ma taħsbux li dan huwa ingann kbir li qed itellifna u jfixkilna u joħroġna minn dak li hu l-iktar essenzjali? Ma taħsbux li aħna rridu nkunu ftit strambi? Ma taħsbux li aħna rridu nkunu ftit eċċezzjonali bħalma kienet Marija?

Marija kellha problema: illi ħarġet tqila mhux bħall-oħrajn. Immaġinaw kif kienet tħossha: ħarġet tqila b’differenza mill-oħrajn. Kienet mara differenti. U ma beżgħetx u ma ddejqitx tkun differenti. Jiena naħseb li aħna l-Kristjani llum għandna sejħa partikulari biex ma nibżgħux inkunu differenti mill-bqija. Ma nibżax jien inħalli l-part-time biex ngħaddi ftit ħin iktar mat-tfal, jekk jien m’iniex imdendel minn għonqi, jekk m’iniex mejjet fil-bżonn għal dik il-lira, għal dak l-ewro jew tnejn oħra. M’għandix nibża’ nieħu deċiżjonijiet u għażliet illi d-dar tiegħi ma jħalluhiex sabiħa jew perfetta, jew il-karozza tiegħi ma tkunx tal-aħħar mudell bħal tal-oħrajn… għax infittex l-essenzjal, u dan kollu jitpattieli iktar ’il quddiem. Inkun qiegħed inħares wisq sa mnieħri jekk inkun ħsiebni biss kif se jarani ħaddieħor, jekk niġġudika lili nnifsi biss skont il-familja tiegħi kif tista’ tarani, kif jistgħu jarawha l-oħrajn. Dan hu li tgħallimna Marija dalgħodu b’din il-laqgħa hekk partikulari ma’ Eliżabetta.

Għadek tarahom tnejn min-nies jitkellmu flimkien? Jew ‘bonġu’, ‘saħħa’, ‘ħa mmur ta’, għax għandi x’nagħmel’? Għadna nitkellmu flimkien? U l-ħin li jkollna, dak li ngħidulu liberu, mhux kulħadd għal rasu? Mhux qegħdin ngħixu f’dinja kulħadd kollox tiegħu? It-televixin tiegħi, il-mowbajl tiegħi, il-karozza tiegħi, kollox tiegħi! Dan kollu huwa sintomatiku: ifisser li d-dinja, l-istorja ta’ madwarna, dak li jiġrilna, inħarsu lejh biss bl-għajnejn individwali tagħna. Lanqas għadna nħarsu bl-għajnejn tal-partner, tal-mara jew tar-raġel, imma b’għajnejja biss. B’xorti ħażina huwa ftit iż-żmien, anki fiż-żwieġ illum, li fih inħarsu lejn l-influss ta’ din id-dinja b’erba’ għajnejn u mhux bi tnejn. Huwa ftit iż-żmien, għax wara li jgħaddi ż-żmien tal-furja, illi l-psikologi jgħidulna li hu bejn tliet xhur u tmintax-il xahar, il-friefet kollha jmorru, kollox jitlaq. Dawk is-sentimenti ta’ trasport li int kellek lejh jew lejha jisparixxu. Wara dawk it-tmintax-il xahar, allura, x’nagħmlu issa? Nerġgħu nibdew relazzjoni oħra. Imbagħad x’se jiġri? Jgħaddu tmintax-il xahar u nerġgħu kif konna. Hekk jiġri sakemm jien ma nindunax li qed ngħix fl-ingann tal-egoċentriżmu, tal-fatt li d-dinja qed inħares lejha biss b’għajnejja, mhux b’erba’ għajnejn, u jekk għandi t-tfal, b’sitta jew bi tmienja. Dak iż-żmien li fih qiegħed inħares lejn id-dinja b’erba’ għajnejn qiegħed kulma jmur jiqsar, iż-żmien ta’ meta nkun innamrat, mifxul fuqha jew fuqu. Dakinhar id-dinja ssir ġdida, kollox ikun differenti minn kif kien qabel.

Ilkoll kemm aħna kellna, ikollna jew għad ikollna esperjenza ta’ dan it-tip. Tibda tara kollox ġdid. Imma kemm idum dan? Idum sakemm kull wieħed u kull waħda minna ma jikbirx ftit u jibda jagħraf u jinduna li ma jistax jibqa’ jħobb dak li l-persuna l-oħra qed tqanqal fih, imma jibda jħobb tassew lill-persuna l-oħra. Ħa nipprova nispjega dan li qed ngħid, għax hu wisq importanti. Kif tibda l-imħabba? Żgur li ħadd minna ma jmur fil-pjazza taż-Żebbuġ jew fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat u jgħid: ‘Isma’, għandi ħafna mħabba jien. Lil min se nagħtiha, min se jiġi? L-ewwel wieħed jew l-ewwel waħda’. Żgur li ma nagħmlux hekk. X’nagħmlu biex inħobbu? Jien inħobb il-persuna illi naħseb li lili se taqdini sewwa fil-bżonnijiet tiegħi. Allura jien x’qed inħobb: lill-persuna jew lili nnifsi? Jien inħobb fil-bidu tal-għerusija dik il-persuna, imma nħobb dak li jien nimmaġina u niddealizza li dik il-persuna se tissodisfani fil-bżonnijiet tiegħi. Imma jekk jien nibqa’ mwaħħal hemmhekk, iż-żwieġ tiegħi, ir-relazzjoni tiegħi qatt ma tikber, tibqa’ tat-tfal. Nibqa’ xi ħadd li qed nistenna mingħand ħaddieħor li jħobbni: it-tifel ma’ ommu, it-tifla ma’ missierha. Ir-relazzjoni meta tikber? Meta jien nibda nħobb mhux dak li tagħtini l-persuna l-oħra, imma nibda nħobb il-persuna l-oħra kif inhi, bit-tajjeb u bil-ħażin tagħha. U hekk il-persuna tiegħi tinfetaħ, tikber, għax għandha l-kapaċità li tilqa’ fiha anki dak li ma jogħġobhiex, li nilqa’ fija minn dak tal-persuna l-oħra li lili jdejjaqni. Din hi l-imħabba tal-Vanġelu, din hi l-isfida li Alla jixtieq li aħna wliedu ngħixu f’ħajjitna, ma naħarbuhiex għax nibqgħu tfal infittxu lil min iħobbna.

U hawn niġi għat-tagħlima l-oħra u tal-aħħar ta’ dan il-Vanġelu. Aħna qed ngħidu li fir-relazzjonijiet tagħna nfittxu lil min iħobbna, sakemm ma nikbrux u nibdew nindunaw aħna wkoll li rridu nħobbu. Marija differenti. Kieku jkollna nirriflettu u nifhmu sew, Marija kienet diġà mimlija bl-imħabba. Marija ma marritx fejn Eliżabetta biex tixtri l-imħabba mingħandha, biex tgħidilha: ‘Jien ta’ min iħobbni jew le?’. Ħafna drabi aħna fir-relazzjonijiet tagħna nagħmlu din il-mistoqsija kontinwament, bħat-tfal… Jien ta’ min iħobbni jew le? Allura jekk ta’ min iħobbni, nafdak. Jekk inti tħobbni, jien nafdak. Jekk int ma tħobbnix, noqgħod lura. Din hi l-mistoqsija li nagħmlu fir-relazzjonijiet tagħna kollha: Jien aċċettat jew le? Marija ma kellhiex din il-problema. U aħna jista’ ma jkollniex din il-problema. Din il-problema ġejja ħafna mill-ħajja tagħna. Araw għalfejn jitkissru ż-żwiġijiet, għalfejn jitkissru l-ħbiberiji, għalfejn ikollna problemi fuq ix-xogħol. Jien ta’ min iħobbni jew le?

Għalfejn ma kellhiex din il-problema Marija? “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej… għax għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Marija kienet konxja, u hawn hi s-salvazzjoni ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Hawn hu li titla’ s-Sema, li nitilgħu s-Sema ma’ Marija. Marija kienet grata, kienet mimlija u rrealizzata, għax kienet taf, kellha esperjenza fuq id-demm u l-laħam tagħha, is-sentimenti tagħha, esperjenza tal-imħabba b’xejn ta’ Alla għaliha. U kemm għandna bżonnha din l-imħabba! Kemm għandna bżonn niltaqgħu ma’ Alla! Tkellimna fuq ir-relazzjonijiet. M’għandniex ċans għal xulxin, immaġinaw ftit jekk għandniex ċans għal Alla! Imbagħad nitbiegħdu minna nfusna. U hekk, aktar ma nitbiegħdu minna nfusna, aktar nidħlu f’tensjoni, aktar nidħlu fi tbatija li m’għandniex bżonnha. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tikkonvinċina – u jiena ċert li hawn minnkom li għamlu din l-esperjenza – li aħna ta’ min iħobbna. U dik il-problema li ħafna drabi nimxu biha, ngħixu biha, u ħafna drabi fil-familja tal-oriġni ma jemmnuniex, għax jekk ommi ħallietni, jekk missieri telaq, jien nibqa’ fid-dubju jekk iniex ta’ min iħobbni jew le. Jekk jien għandi relazzjoni ma’ Alla, din il-konvinzjoni jekk iniex ta’ min iħobbni jew le, dan id-dubju, jitlaq. Issir konvinzjoni radikata mill-persuna tiegħi u ma nibqax immur fejn l-oħrajn nitkarrab għall-imħabba bilfors, nixtri l-imħabba, u nipprova naħdem, nistinka u nagħmel biex naqla’ lura l-imħabba. Ma nibqax nagħmilha din, għax jien għandi ħafna mħabba li diġà qed nirċievi mingħand Dak li għamilni b’xejn, iżommni ħaj b’xejn u se jeħodni miegħu b’xejn, flimkien ma’ Marija u l-qaddisin… b’xejn għax iħobbni. U allura jekk jien għandi minn din l-imħabba, jien nista’ nħobbok, jien niltaqa’ miegħek biex nagħtik, biex ngħinek, biex insostnik; mhux biex nieħu mingħandek, mhux biex niċċekkja jekk jien iniex ta’ min iħobbni jew le, għax jien diġà konvint mill-imħabba li għandu għalija.

Il-Magnificat isemmi tliet kategoriji ta’ nies illi se jkollhom problema kbira biex inisslu l-imħabba ta’ Alla. Min huma? L-ewwel, dawk li huma mkabbra f’qalbhom: min ħsiebu fih innifsu, dak li jaħseb li hu xi ħaġa, dak li mhux umli. “Għamel miegħi ħwejjeġ kbar”, għax ra l-umiltà, ra ċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. X’inhi l-umiltà? Il-verità, li ma nibżax minn dak li jien, mil-limiti tiegħi. Alla ma jibżax mil-limiti tiegħek, mid-dnubiet tiegħek; anzi, Alla jħaddanhom, jaħfirhom id-dnubiet tiegħek, iħollhom bl-imħabba tiegħu. It-tieni kategorija, min hu sinjur: mhux biss min għandu l-flus, imma min għandu l-flus u jaf li għandu l-flus u jagħmilha li għandu l-flus. “Lill-għonja bagħathom ’il barra b’xejn”, se jsibuha bi tqila, qalha kemm-il darba Ġesù fil-Vanġelu. Għax ħafna drabi s-sinjur ħsiebu biex irekken, iġamma’, jinsa lill-oħrajn biex jaqla’. Qiegħed jitbiegħed minn dak li aħna tassew, persuni lkoll kemm aħna f’baħar wieħed, fl-istess sitwazzjoni, ngħinu lil xulxin. U t-tielet, min għandu l-poter: “Niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom”. Min il-poter jużah biex jikkmanda, biex jiddomina u mhux biex jaqdi. Jekk hemm poter, ta’ missier fil-familja, ta’ saċerdot, ta’ isqof, ta’ prim ministru, ta’ ministru, hu min hu, dan hu l-poter tal-qadi. Dak hu l-uniku poter illi l-Kristjan jista’ jaċċetta u jħaddem. M’hemmx poter ieħor. U xi drabi biex taqdi trid tgħid le, biex tħobb trid tgħid le. Ma tkunx tħobb jekk il-preokkupazzjoni tiegħek tkun li tikkuntenta dejjem u lil kulħadd. Ma nkunx nagħmel servizz lill-bniedem jekk jien ma ngħidlux il-verità.

Ejjew nitolbu lill-Mulej dalgħodu biex il-Festa ta’ Santa Marija, dik li telgħet is-Sema, imma dik li meta kienet fuq l-art kienet tgħix bħallikieku fis-Sema, issir il-festa tagħna. Aħna wkoll imsejħin, għalkemm għadna fuq l-art, biex ngħixu bħallikieku diġà fis-Sema, biex ngħixu l-hena. Ma ninsewx li fil-Vanġelu ta’ San Luqa llum l-ewwel kelma ta’ Alla, l-ewwel direct speech, lil Marija, kien “Ifraħ”. Alla jrid li aħna ngħixu kuntenti. Dan kollu li għidna mhux għajr mod ta’ kif inkunu aħna, allura ta’ kif inkunu kuntenti. Ejjew nitolbu lil Marija dalgħodu biex il-Festa li qegħdin niċċelebraw ma tkunx tagħha, imma tkun tagħna sakemm il-mod ta’ kif jirraġuna l-Vanġelu jsir il-mod ta’ kif nirraġunaw aħna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading