Ma ninqdewx bil-fidi biex Alla jagħmel li rridu aħna

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Knisja ta’ San Franġisk, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-vgili-kuncizzjoni-victorial-erbgha-7-ta-dicembru-2022?si=47b94e558dcc4d5899ba60c675495066&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Nixtieq nibda b’mistoqsija li nħossha fundamentali għalina: aħna niġu l-Knisja, nemmnu, niġu l-quddiesa, nitolbu, biex Alla jagħmel dak li rridu aħna, jew biex nagħmlu dak li jrid hu? Aħna nitolbu, immorru l-quddies, immorru niċċelebraw l-Ewkaristija, niċċelebraw u nagħmlu sagrifiċċji fil-festi, biex Alla jagħmel dak li rridu aħna… allura biex it-talb tagħna jinqala’, biex il-pjanijiet tagħna jseħħu, biex f’dak li rridu aħna jkollna alleati mis-sular ta’ hemm fuq, li fejn ma naslux aħna jaslu huma? Jew inkella biex aħna nippruvaw nagħmlu kif nistgħu dak li jixtieq hu?

Għalfejn hi kbira Marija? Hi kbira għax tant kienet umli, tant kienet ċkejkna, li  kienet kapaċi tgħid lil Alla: “Ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Imma kif se nagħmlu dak li jrid Alla, jekk ma nafux xi jrid? Tgħidli: ‘Ma nafux xi jrid!’. Kif se nagħmlu dak li jrid Alla, jekk aħna iktar ħsiebna biex inħabbtulu l-bieb biex jagħmel dak li rridu aħna? Hija mistoqsija li jiena nħossha li taqleb għalkollox il-mod ta’ kif aħna nkunu Nsara. Id-dixxiplu ta’ Ġesù huwa dak li, jgħaddi minn xiex jgħaddi, jiġrilu x’jiġrilu, jipprova jwettaq dak li jixtieq Alla minnu. Imma ħafna drabi aħna, b’xorti ħażina, drajna nkunu dixxipli biex Alla jagħmel dak li nixtiequ aħna; mingħajr ma nindunaw, inkunu qed nirrepettu dak li ġara fl-istorja li smajna fl-Ewwel Qari (Ġen 3:9-15,20). Din mhix l-istorja ta’ Adam u Eva – komdi li ngħidu ta’ Adam u Eva! – imma hija l-istorja tiegħi, l-istorja ta’ kull wieħed u kull waħda minna.

Alla tagħna mliena bil-ġid. Imma x’jiġrilna? Niffukaw fuq dak li jonqosna – ‘għax ġrali hekk, għax għamilli hekk, għax irrid hekk’ – bħalma ġralhom Adam u Eva. ‘Siġra waħda’, qalilhom, ‘min din is-siġra tiklux’. U huma ffukaw fuq dak li jonqos, u għamluha bħala l-iktar ħaġa importanti ta’ ħajjithom. Flok ma għamlu dak li jixtieq Alla, ippruvaw iġibu u jdawru lil Alla biex jagħmel dak li jridu huma. L-istorja mhix ta’ Adam u Eva, imma hija tiegħi u tiegħek. Id-dnub oriġinali, dak li ngħidulu ‘d-dnub tan-nisel’, għax aħna writnieh – xi writna? – huwa d-dnub tiegħi, id-dnub li twelidt bih jien, li twelidt bih int: id-dnub tas-suppervja; li fl-aħħar mill-aħħar jien nipprova mhux nilqa’ u naċċetta l-istorja tiegħi, mhux naċċetta l-persuna li għandi maġenbi, mhux naċċetta l-familja tiegħi, mhux nilqa’ l-ġenituri tiegħi, imma rrid li nibdilhom kif jidhirli jien u kif naħseb li hu l-aħjar, mhux għalihom, imma għalija. Marija timxi t-triq ta’ Alla.

Aħna faċli ħafna niċċelebraw il-festi, imma kemm hi iebsa u kemm hi ta’ veru, u kemm qed inkunu Kristjani li nieqfu fis-silenzju, nisimgħu lil Alla jkellimna! Ħafna drabi jkellimna bl-istorja tagħna stess, u nippruvaw nilqgħu, naċċettaw il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna. Nixtieq inkompli nirrifletti ftit bl-esperjenza tal-ħajja tagħna. Aħna li mmorru l-knisja, għaliex nagħtu iktar importanza lill-quddies, lis-sagramenti, lill-purċissjonijiet, forsi lill-pellegrinaġġi, lil dak li jidher; u nagħtu inqas importanza lis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, li kienet l-iktar ħaġa importanti għal Marija? San Pawl: “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Minn hemm tibda, m’hemmx mod ieħor. Faċli ħafna li dawn ir-riti u dawn il-liturġiji ninqdew bihom, jipprestaw iktar ruħhom biex ikollna sens iktar ta’ poter ħalli nbiddlu s-sitwazzjonijiet ta’ madwarna. Mhux hekk aħna nagħmlu? Nitlob, nagħmel wegħda biex infiq, nagħmel wegħda biex dik is-sitwazzjoni tiġi favur tiegħi, immur il-quddiesa nitlob ħalli tintrebaħli dik il-kawża fil-qorti. Nippruvaw ninqdew bir-reliġjon, bir-riti, bil-quddies, u nagħmel il-quddiesa biex id-dinja ddur miegħi, biex l-affarijiet jiġu f’posthom għalija. Għalhekk dan hu iktar faċli milli tisma’ l-Kelma ta’ Alla, għax din timxi bil-maqlub: Alla, bil-Kelma tiegħu, isejjaħli biex ninbidel jien, biex nikkonverti jien. Dan hu li ġara f’Marija, u għalhekk hija kbira Marija. Il-kobor ta’ Marija hawn qiegħed: għax kienet dik il-mara li semgħet lil Alla jkellimha, laqgħet il-Kelma tiegħu, anki jekk kienet iebsa għaliha: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” (Lq 1:34). Imma laqgħetha, aċċettatha din il-Kelma. Dan hu l-kobor ta’ Marija.

Imma ejja nerġgħu nduru fuq Eva, fuqna nfusna meta nippruvaw inbiddlu d-dinja ta’ madwarna, meta ninqdew bir-riti u bil-liturġiji biex l-istorja tiġi kollha kemm hi favurina. Dak li għamlet Eva. Ara taħsbu li Eva tat xi xebgħa lil xi ħadd, jew qatlet lil xi ħadd! Le, ma għamlet xejn minn dan. Xi ġralha Eva? X’jiġrilna meta nwaħħlu f’rasna li rridu nbiddlu s-sitwazzjonijiet ta’ madwarna, li rridu jiġi kollox favurina? Il-fidi tagħna sservi biex Alla jaqdi lilna, flok li aħna ninbidlu biex insiru dixxipli veri tiegħu. Ninfixlu, bejnietna l-ewwel u qabel kollox, nibdew nitlewmu. Imbagħad nistaqsu kif l-Insara jiġġieldu bejniethom! U żgur li jiġġieledu bejniethom l-Insara. Bl-egoiżmu! Kif trid li tgħaddi tiegħu bilfors, jew li tgħaddi tagħha bilfors? Għaliex il-Kelma ta’ Alla ma nkunux smajnieha. Aħna ma nkunux ħsiebna biex il-Kelma ta’ Alla nwettquha u nħalluha tedukana. Le! Ħsiebna biex ninqdew xi drabi bil-Kelma ta’ Alla stess ħalli ħaddieħor jinbidel, biex aħna noqogħdu sewwa!

Din hija t-tagħlima l-kbira tal-Festa li qegħdin niċċelebraw. Aħna ngħidu li Marija tnisslet mingħajr id-dnub tan-nisel. Hekk hu! Dik hija l-verità. Fi kliem ieħor, biex nużaw kliem iktar sempliċi, biex aktar niftiehmu, inkunu qed ngħidu li Alla lil Marija ħabbha qabel ma twieldet, qabel ma tnisslet. B’din l-imħabba saħansitra taha l-kapaċità, ħelisha minn kull tip ta’ egoiżmu, minn kull kwalità ta’ għemil li kienet għamlet Eva, minn kull ħsieb u minn kull sentiment ta’ egoiżmu  li għandi jien u li għandek int. Dan hu l-kobor ta’ Marija. Imma għal Marija ma kienx biżżejjed li ġiet imnissla mingħajr ħtija, li kieku fl-esperjenza tagħha u tagħna – ma ninsewx li kienet bniedma bħali u bħalek – il-konvinzjoni li Alla jħobbha ma nisslithiex mhux biss fil-moħħ imma fil-qalb u fl-għemil, fid-deċiżjonijiet u s-sentimenti tagħha. Kellha bżonn Marija li tieqaf tisma’ lil Alla jkellimha, għax meta Marija kienet tassew konvinta li Alla jħobbha, li kienet ipprivileġġjata, dakinhar setgħet tafda għalkollox fil-Kelma ta’ Min ħalaqha. Aħna nafdaw lil xi ħadd meta nkun għamilna esperjenza ta’ mħabba mingħandu.

Mhux se nidħol fuq id-diskors tal-konċepiment u d-diskors dwar l-abort li għaddej bħalissa f’pajjiżna. Naħseb li lkoll kemm aħna konvinti dwar din il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Anki hawn jien nistaqsi: kif jista’ jkun li jiena Kristjan, li jien Nisrani, li jien dixxiplu ta’ Kristu, forsi mmur il-knisja wkoll… u mbagħad naqbel mal-abort? Kif jista’ jkun? Allura veru li kollox irid indawwar skont kif jaqbel lili! Dak li konna qed ngħidu ftit ilu: li realtà ndawwarha skont kif jidhirli jien, mhux bil-maqlub, li nħalli lil Alla bil-Kelma tiegħu jedukali qalbi u nagħmel dak li jixtieq hu. Le! Indawwar lil Alla skont kif irridu u nixtieq skont il-kapriċċi tal-mument tiegħi.

Il-konklużjoni x’se tkun minn din ir-riflessjoni li għamilna? Irridu nagħtu importanza lill-Kelma ta’ Alla. Għax imbagħad ngħidu: kif daqshekk quddies, daqshekk magħmudijiet, daqshekk tqarbin, daqshekk griżmi, daqshekk laqgħat, imbagħad pajjiżna f’temp ta’ ftit żmien inbidel daqshekk? U żgur li jinbidel pajjiżna! Ftit smajnieha l-Kelma ta’ Alla, ftit smajnieh lil Alla jkellimna. Flok li aħna tgħallimna matul is-snin li għaddew u drajna nħallu lil Alla jedukalna qalbna, inqdejna bil-ħwejjeġ ta’ Alla biex nieħdu gost, biex inkunu sewwa aħna, biex indawwru l-qalgħa skont kif jaqbel lilna. Dan huwa żball kbir li għamel Adam u li għamlet Eva, u li aħna ma nistgħux inkomplu nirrepetuh. Għax li tiżbalja darba, jew li tiżbalja kultant, hija xi ħaġa umana; imma li nibqgħu niżbaljaw u nafu li qed niżbaljaw, ikun verament daħal l-Għadu, ix-Xitan!

Il-Mulej jagħtina li bl-għajnuna ta’ Marija nagħtu iktar attenzjoni għas-smigħ tal-Kelma, nagħtu iktar importanza lil-laqgħa madwar il-Kelma ta’ Alla, għax huma dawn li lilna jridu jgħinuna nikbru fil-fidi awtentika, li fi ftit kliem mhux għajr li nħallu lil Alla jbiddel il-qalb tagħna skont kif ħasibna hu, skont kif ħaseb lil Marija: uliedu tassew. Dan nistgħu nagħmluh meta bħal Marija nisimgħu l-Kelma u nħalluha tinżel fil-qalb tagħna, u bis-serjetà ngħidulu: “Ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading