Twieled Alla tal-istorja tiegħi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Diċembru 2022: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa tas-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-jum-il-milied-san-gorg-victoria-il-hadd-25-ta-dicembru-2022?si=0d4f78b534194267b7af6a67c3a97ee1&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Kif qiegħed isibna dan il-Milied? Hawn xi ħadd minna hawnhekk li qed jgħid li ma għandux moħħ ta’ festi? Qiegħdin hawn biex sempliċiment, almenu, inkunu smajna quddiesa! Hawn xi ħadd minna li forsi għaddej minn diffikultà ta’ saħħa, ta’ mard? Xi ħadd minna li għadu kemm mietlu xi ħadd, għadu kemm tilef lil xi ħadd għażiż għalih? Hawn xi ħadd minna li għandu xi problema tkisser bħal martell ġo rasu l-ħin kollu, li ma tħallihx jiekol, ma tħallihx jorqod? … U ngħidu li lanqas nafu li ġie Milied? U ngħidu li l-Milied mhux għalina imma għat-tfal? Jalla m’hawn ħadd, imma ma naħsibx li m’hawn ħadd. Għax naħseb li lkoll kemm aħna nġorru xi ftit it-toqol tal-umanità tagħna, ta’ din il-ħajja.

Imma kemm hi idea żbaljata jekk naħsbu li l-Milied mhux għalina. Il-Milied hu proprju għalija li għaddej minn ansjetà, li għaddej minn diffikultà, li dal-lejl ma rqadtx, mhux għax mort niddeverti – forsi mort ukoll niddeverti u nixrob xi ħaġa biex ninsa ftit, għax meta nieqaf u niġi konxju minn dak li qiegħed inħoss f’qalbi u f’moħħi, nibda nippanikkja, nibda nibża’. Il-Milied għalik, il-Milied għalija! Għaliex? Għalfejn taħsbu li aħna niċċelebraw il-festa tad-dawl f’nofs ta’ lejl? Għalfejn il-Ktieb tal-Għerf (18:14) jgħidilna li fil-mixja tal-lejl tinżel il-Kelma ta’ Alla, li tfarraġ, li ddewwi, li ssabbar? Għax il-bniedem għandu bżonn, għax aħna nies fil-bżonn, li ngħixu d-diffikultajiet, it-tlugħ u l-inżul, u l-iktar l-inżul tal-ħajja: għandna bżonnu l-Milied.

Interessanti ħafna din il-ġrajja, għax tista’ ddawlilna dawk il-ġrajjiet mudlama ta’ ħajjitna, li aħna ma nsibux tifsira għalihom. Għalhekk il-Milied huwa aħbar ta’ ferħ, mhux għax nifirħu fil-parties, bil-ħwejjeġ li nilbsu, bil-ħbieb. Mhux għal daqshekk biss. Le! Bil-maqlub. L-ewwel irrid nifraħ għaliex inħalli lill-Mulej idawwal id-dlam ta’ qalbi. Imma kif jiġri dan? B’mod sempliċi ħafna. Innutaw il-ġrajja li għadna kemm smajna. Għandna lill-koppja li tiled tarbija, sempliċi, bħal kull koppja oħra. Anzi, b’inqas possibbiltajiet minn koppja oħra, għax qiegħda fi vjaġġ. Mhux qiegħda fil-post tad-domiċilju tagħha, fejn toqgħod, imma qiegħda ’l bogħod, ’il barra. Minħabba diffikultajiet u problemi ta’ burokrazija mal-Istat, kellhom imorru biex jinkitbu f’ċensiment. Għandhom problema ta’ housing, ma jafux fejn se jgħaddu l-lejl, fejn se jwelldu lil din it-tarbija. Għandhom diffikultà biex jippruvaw jissodisfaw il-bżonnijiet, il-ħtiġijiet l-iktar elementari, l-iktar essenzjali, ta’ dak il-ħin, ta’ mara li qed tiled. Dan huwa Alla li jista’ kollox, Alla li jżommna ħajjin, Alla li ħalaq id-dinja, Alla li bil-Kelma tiegħu, fil-Ktieb tal-Ġenesi, sar kulma jeżisti. Dan Alla jidħol fl-istorja tagħna b’mod sempliċi, b’mod li ma tħossux, b’mod delikat, tant illi trid ħafna fidi biex temmen li din it-tarbija hija l-istess Iben ta’ Alla.

Tgħiduli: ‘Din se ssolvilna l-problemi?’. Il-moviment li għamel Alla hu li jidħol fl-istorja tagħna. Alla jidħol, u jieħu fuqu l-mard tagħna. Alla jieħu fuqu l-problemi tagħna; fis-sempliċità ta’ ħajja ta’ familja, fis-sempliċità ta’ storja ta’ persuna – Ġesù. Alla jieħu fuqu l-problemi ta’ inġustizzja, fil-persuna ta’ Ġesù. Alla jieħu fuqu d-diffikultajiet ta’ mard, fil-persuna ta’ Ġesù, u fil-persuna ta’ dawk li jiltaqa’ magħhom. Alla jieħu fuqu l-esperjenza tal-mewt, fl-istess esperjenza li Ġesù ġarrab, ta’ ommu Marija li mietet, ta’ missieru, u tiegħu nnifsu li jgħaddi minn tbatija hekk iebsa, sakemm ġarrab hu wkoll l-esperjenza li tant tbeżżagħna: il-mewt. Ħafna drabi l-attitudni tagħna hi bil-maqlub. Alla jsir bniedem, imma aħna rridu jekk jista’ jkun noħorġu mill-umanità tagħna, niddejqu bl-esperjenzi limitati u fraġli tal-umanità tagħna, u rridu b’mod utopistiku, b’mod fantastiku, b’sensazzjoni kbira ta’ omnipotenza żbaljata ġewwa fina, noħorġu minn din ir-realtà umana u ngħixu xi idea ta’ alla li mhux Alla tal-Evanġelju. U ngħixu ’l bogħod mill-istorja tagħna, fi gwerra ma’ dak li qed jiġrilna, f’kunflitt kontinwu mas-saħħa tagħna; u ngħixu bi tbatija kbira r-relazzjonijiet kunflittwali tagħna. Ninsew li Alla daħal ġo nofshom, Alla daħal ġo fihom, Alla huwa preżenti fid-dgħufija, fil-limiti umani.

Jiena nittama li dan il-Misteru tal-Inkarnazzjoni nifhmuh fil-profondità tiegħu: Alla li ma jiddejjaqx jgħix l-esperjenza limitata tiegħek u tiegħi, dik li ħsibna fuqha fil-bidu ta’ din ir-riflessjoni. Alla ma jiddejjaqx ikun hemmhekk, anzi Alla qiegħed hemm, preżenti f’dik il-ġrajja li bħalissa qiegħda ttaqqlek, li bħalissa qiegħda ddejqek. Ħafna drabi aħna jiġrilna li nimmaġinaw li Alla mhux qiegħed hemm, li Alla ħalliena u li qiegħed ’il bogħod, li aħna qegħdin weħidna. Imma mhix il-verità. Din il-ġrajja tal-Milied, li Alla jsir bniedem, li jidħol fl-istorja saħansitra ta’ tarbija, fraġli, limitata, hija lezzjoni kbira għal kull wieħed u kull waħda minna.

Fejn nistgħu nsibuh il-ferħ? Fejn nistgħu nsibuha l-paċi? Fejn nistgħu nirrealizzaw ruħna bħala bnedmin? Mhux għada, mhux pitgħada, mhux fid-dinja li ġejja; mhux imbagħad xħin tgħaddili din il-problema; mhux imbagħad xħin neħles minn din id-diffikultà. Le! Issa. Fis-sitwazzjoni li qiegħed fiha, Alla qiegħed hemm. Tgħiduli: ‘Fejn hu? Kif se nsibu?’. Hawn hi l-biċċa xogħol tagħna. Alla huwa l-Kelma Inkarnata, huwa Ġesù. Huwa Ġesù li naqrawh, nisimgħuh, inħossuh, ngħixuh, b’mod partikolari meta nqallbu l-Iskrittura.

Iż-żewġ lezzjonijiet li smajna, l-Ewwel Qari (Iż 52:7-10) u t-Tieni Qari (Lhud 1:1-6), ikellmuna dwar l-Aħbar it-Tajba li toħroġ mill-qalb ta’ Alla għal kull wieħed u kull waħda minna. Din l-aħbar ta’ Alla hi, iva, għall-persuna ta’ Ġesù. Imma aħna, bħalma jiġrilna bejnietna, biex nidħlu f’din l-esperjenza ta’ relazzjoni miegħu, biex nindunaw fejn hu, fid-diffikultà, fil-problema, fil-marda, fil-kunflitt li għaddej minnu bħalissa, hemm bżonn li jien u int nagħmlu xi ħaġa. X’inhu d-dmir tagħna? X’inhi l-parti tagħna f’din l-istorja? Hija parti sempliċi, imma fundamentali. Hemm bżonn li jien u int nidħlu fil-profondità tal-esperjenza ta’ Ġesù. Tafu kif? Billi naqraw l-Iskrittura. Aħna u naqraw l-Iskrittura, Ġesù jispjega lilu nnifsu.

X’jiġifieri jispjega lilu nnifsu? Jiena ma nafx jekk tiftakruhomx dawk l-ispellizzi jew l-albi li aħna konna nilbsu qabel. Kienu jkunu kollha pjiegi ma’ xulxin. Il-kelma tispjega tfisser li tiftaħ dawk il-pjiegi; tara x’hemm bejniethom, tiftaħ u tinduna, u tagħraf u tifhem x’inhu jiġri. Il-Kelma ta’ Alla tispjega l-persuna ta’ Ġesù. Meta aħna naqrawha dik il-Kelma, nidħlu fl-esperjenza tal-persuna ta’ Ġesù; jew aħjar bil-maqlub, Ġesù nnifsu jidħol fil-moħħ tiegħi, jidħol fil-qalb tiegħi; u ninduna fejn hu, u nagħraf fejn hu.

Dan mhux dmir tagħna l-Insara, li niftħu l-Kelma ta’ Alla, u nħallu lil Ġesù jkellimna, u nħallu lil Ġesù jidħol f’relazzjoni intima magħna. Dan mhux dmir, imma huwa dritt, huwa unur. Hija xi ħaġa li mingħajrha aħna bħala Kristjani ma nistgħux ngħixu. Il-bqija, nibqgħu bl-idea ta’ Alla li twelidna biha. Kull wieħed u kull waħda minna nitwieldu b’idea ta’ Alla. Ħafna drabi ma tkunx għajr projezzjoni tal-figuri parentali tagħna, tal-missier tagħna jew l-omm tagħna, jew in-nanniet tagħna, dawk li għalina kienu superjuri meta konna żgħar. Jekk aħna ma naqrawx l-Iskrittura, li tispjegalna, li tiftħilna l-misteru ta’ Ġesù, nibqgħu bl-idea ta’ Alla sempliċiment projezzjoni. Nipprojetta l-karatteristiċi ta’ ommi jew missieri fuq il-figura ta’ Alla, u ma nkunx qed nirrelata mal-figura ta’ Alla tal-Evanġelju, imma nkun qed nirrelata ma’ Alla ta’ moħħi.

Alla tal-Evanġelju huwa Alla tal-istorja tiegħi, Alla li qiegħed hemm preżenti fil-ġrajja li jien għaddej minnha. Saħansitra, Alla tagħna hu preżenti fid-dnub tiegħi, hu preżenti fl-għemil egoistiku tiegħi. Alla tagħna qiegħed hemm biex jaħfirli, biex imejjel idu lejja, ħalli jiena nkun nista’ naqbad magħha biex isalvani, biex itellagħni.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex l-esperjenza profonda tal-ġrajja tal-Milied ma tintilifx fl-affarijiet, dawn l-esperjenzi li nagħmlu f’dawn il-ġranet: ikliet, parties, rigali. Ma tkunx aljenazzjoni, biex nistrieħu mill-problemi li għandna, imma mbagħad meta jiġi nhar it-Tnejn, bħal għada tmint ijiem, nerġgħu nsibu ruħna naffaċċjaw id-diffikultajiet ta’ qabel, b’iktar intensità, b’iktar diffikultà, u b’iktar rifjut, b’iktar ribelljoni minn qatt qabel. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-għajnuna ħalli nħalluh jidħol fl-esperjenzi diffiċli tagħna. Ejjew nitolbuh f’din l-Ewkaristija biex jagħtina xewqa kbira li nħalluh ikellimna permezz tal-Kelma tiegħu.

Nixtieq nispiċċa bit-talba li kien jagħmel San Franġisk ta’ Assisi. Tafu li San Franġisk marbut ħafna mal-presepju. San Franġisk kien marbut ħafna mal-Kelma ta’ Alla li ssir bniedem. Tafu x’kienet it-talba ta’ San Franġisk? ‘Mulej, ħudli kollox, tħallili xejn, lanqas li nħoss l-imħabba tiegħek; anki dik ħudli. Ħallini fqir. Imma ħallili ħaġa waħda biss… Tneħħilix ix-xewqa li nibqa’ nisma’ l-Kelma tiegħek’. Kien jaf x’inhu jgħid San Franġisk, għax dik kienet tagħtih it-tifsira, is-sinifikat, is-sens, il-qawwa, l-enerġija għal kull nifs u għal kull parti tal-istorja ta’ ħajtu.

Jalla dan il-Milied iservi biex kull wieħed u waħda minna nitħeġġu, nitqanqlu fina, ħalli nippruvaw nindunaw Alla fejn hu, fl-istorja tiegħi, fid-diffikultà tiegħi, permezz tal-qari tal-Kelma, permezz tad-dħul ta’ parteċipazzjoni iktar fl-Iskrittura Mqaddsa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading