“U beda jfissrilhom l-Iskrittura” – il-Kelma ta’ Alla ‘għalija’

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 7 ta’ Jannar 2023: Riflessjoni mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fil-Laqgħa tal-Awguri tas-Sena l-ġdida lill-Kleru. Villa Fiorita, Marsalforn.

Riflessjoni mill-E.T. Mons. Anton Teuma

Nixtieq nirringrazzjakom tal-preżenza numeruża tagħkom. Naf li mhux faċli għalina li nieqfu u nisimgħu.

Ilkoll nafu li din is-Sena Pastorali hija ddedikata lill-Kelma ta’ Alla. Għamilna diversi inizjattivi għall-oħrajn: l-intronizzazzjoni tal-Kelma fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru; qed nagħtu importanza lill-Kelma fil-laqgħat mal-għaqdiet u mal-gruppi; iffukajna fuq il-Kelma fi Kristu Re; ippruvajna ngħinu lin-nies jirriflettu dwar il-Kelma li saret bniedem fin-Novena u fil-ġranet tal-Milied; bdejna nagħmlu riflessjoni qasira ta’ xi tliet minuti fuq il-Qari fil-quddies ta’ kuljum, u dan mhux biss fi żmien l-Avvent imma matul is-sena kollha (mhux se titwal il-quddiesa, imma n-nies ikunu jistgħu jgħixuha ftit iżjed).

“Għamilna… nagħmlu… organizzajna… ippjanajna”! Dan kollu kultant jegħjina; bħallikieku dejjem iriduna nagħmlu u jibagħtulna x’nagħmlu! Jista’ jiġri li nagħtu u nagħtu, imma nispiċċaw vojta. Imbagħad nipprovaw nimlew l-enerġija affettiva li jkollna bżonn, għax dejjem nagħtu.

Allura l-mistoqsija tiegħi dalgħodu, li nagħmel ukoll lili nnifsi sikwit, hija din: Xi tfisser il-Kelma ta’ Alla għalija? Nistaqsi jekk, f’termini ta’ ħin fl-aħħar mill-aħħar, hux qed nagħti ċans lili nnifsi biex nisma’ l-Kelma ta’ Alla u nħalliha tkellimni. Din hi mistoqsija importanti ħafna li nagħmluha, għax inkella faċli naqgħu fir-riskju ta’ funzjonarji jew impjegati, nagħmlu xi ħaġa bit-tqanżiħ, jew inkella nipprovaw nitħallsu tagħha b’mod ieħor. Għax jekk iddedikajna Sena tal-Kelma ta’ Alla għad-Djoċesi, l-ewwel li rridu niddedikawha hu lilna nfusna!

Niftakar xi snin ilu, meta kien marid ħafna, Patri Arthur Vella sj kien bagħat jgħidli ma’ xi ħadd li ried ikellimni. Ma kontx bqajt immur ħdejh għax it-tobba kienu pprojbewlu li jara nies, għax kien jegħja ħafna. Kienet ħaġa sabiħa għalija li persuna, li naf li kienet tridli l-ġid, riedet tkellimni. Eżempji bħalu għandna mijiet – imma meta xi ħadd importanti għalik irid ikellmek, dak il-fatt biss li jrid ikellmek iqanqal xi ħaġa ġo fik.

Alla jrid ikellimni, kuljum, kull ħin, għax iħobbni u għalih jien importanti. Jekk ma nidħlux fiha din, l-imħabba se nfittxuha b’modi oħra, se nippruvaw nitħallsu b’mod diversi. Ma ninsewx li s-sejħa tagħna minn proġett ta’ ħajja bil-mod il-mod saret risposta għal sejħa. Nagħmlu żmien nikkumbattu fis-Seminarju jekk din hix ħaġa li ridnieha aħna jew iridhiex Alla, imma xħin nibdew nissudaw bħala qassisin, nibdew nippruvaw ngħixuha iktar bħala tweġiba għal Alla. Imma nibża’ li wara li noħorġu mis-Seminarju jista’ jiġri li nerġgħu nibdew ngħixuha bħala pjan personali, ma tibqax aktar risposta kontinwa għal sejħa li qed jagħmel Alla. U nispiċċaw ngħixu l-protagoniżmu personali – ma nibqax infittex ħin għal Alla li jrid ikellimni, ma nibqax infittex id-dawl tad-direttur spiritwali… għax issa niddeċiedi jien għalija nnifsi. L-illużjoni tkun li dan hu l-mod ta’ kif inkunu sew u nirrealizzaw lilna nfusna, imma meta nagħmlu hekk nispiċċaw ngħixu ħafna frustrazzjoni. Meta noħorġu mid-dinamika tar-relazzjoni, ta’ sejħa u tweġiba, nispiċċaw ngħixu l-vokazzjoni tagħna bħala proġett personali tal-ħajja: ħajti ngħixha kif nixtieq jien u neħodha fejn irrid jien. U ma ndumux ma nibdew infittxu l-kompensazzjonijiet kollha li għandna bżonn u nimlew lil qalbna b’affarijiet li nimmaġinaw jistgħu jimlewhielna. Nafu x’inhuma! U bħalissa s-soċjetà mhix tgħinna f’din il-ħaġa, anzi tfixkilna, għax hi wisq egoċentrika – kulħadd self-made – tant li lanqas il-frott tal-ġuf tagħna ma rridu! F’soċjetà fejn kulħadd jagħmel dak li jrid u jogħġbu issa, faċli li tidħol ċerta loġika mingħajr kumbattimenti.

Nirriflettu fuq l-importanza li nisimgħu, mhux biss li nagħmlu. Spiss nipprovaw nirrealizzaw ruħna b’dak li nagħmlu, imma nispiċċaw nagħtu ħafna, u lura nieħdu ftit jew xejn. Alla jrid ikellemna kuljum u kull ħin, għax iħobbna. Il-fatt li jien niltaqa’ mal-Kelma ta’ Alla, nitgħallem nieħu l-enerġija affettiva lejn xi mkien ieħor. Bħall-ikel, din hi ħaġa li rrid nippruvaha u nduqha. Aktar ma nagħmilha mal-Kelma, aktar ninduna kemm nista’ nieħu enerġija anki affettiva għall-persuna tiegħi minn din il-Kelma. Tgħinni nagħraf li s-sejħa għandha l-fundament tagħha fuq il-Kelma ta’ Ġesù, li għażel lilna li ried, wara li ħares lejna u ħabbna bi mħabba mimlija ħniena. L-għajn tal-enerġija affettiva tagħna hi din il-Kelma li taħbi taħtha x-xewqa kbira ta’ Ġesù li jkun magħna. Il-Kelma tlaqqagħna mal-qalb ta’ Alla. Tgħinna nagħrfu li hu ħsiebu fina, jinkwieta għalina u ma jiħux gost meta nħossuna waħedna, meta nħossu li n-nies qed jeħduha kontrina. Aħna qegħdin f’qalbu meta nħossu li l-Kelma tagħna mhix ikkalkulata. Japprezzana meta naħdmu għalih u jieħu gost bina meta noffrulu ħajjitna.

Ġesù jfaħħar lil Marija oħt Lazzru li qagħdet f’riġlejh tisimgħu, tagħmel il-ħaġa waħda meħtieġa (ara Lq 10:38-42). Meta kienu jmorru d-dar kien jispjega lilhom biss il-parabboli u tagħlim ieħor tiegħu. Rajna l-funeral tal-Papa Benedittu XVI: l-aspett kontemplattiv tiegħu, fir-relazzjoni tiegħu mal-persuna ta’ Ġesù, jista’ jkun verament għalina ta’ stimolu. Niftakru jgħid espressjoni li jien qatt ma neħħejt minn ġo rasi: “L-ikbar, l-aqwa azzjoni pastorali hi li s-saċerdot jitlob!”. Iktar minn qatt qabel għandna bżonn ta’ mumenti ta’ kwiet mal-Mulej, f’dinja li tant qed tiġri, li qed tiġri bina wkoll.

Il-Vanġelu ta’ San Mark – il-fundament tal-vanġeli l-oħra – mhux għajr il-mixja ta’ relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli. Kollu kemm hu jiddeskrivi din ir-relazzjoni kontinwa ta’ Ġesù li jifforma lid-dixxipli tiegħu li kellhom qalbhom iebsa, rashom iebsa, tqal biex jemmnu. Il-Vanġelu ta’ San Ġwann – il-vanġelu tal-presbiteri – fid-Diskors tal-Aħħar Ċena (14:15,21,24) jitlob lill-presbiteru biex jibqa’ f’Ġesù kif il-fergħa tkun magħquda mad-dielja. It-talba saċerdotali ta’ Ġesù mhix għajr din ix-xewqa kbira ta’ intimità ta’ Ġesù mad-dixxipli permezz tal-Kelma. “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”… “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”… “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni”.

Meta dħalna s-Seminarju u għidna iva għas-sejħa, aħna dħalna fil-misteru tal-Kelma li tagħtina l-ħajja bħala saċerdoti. Ikun hemm ir-riskju li minn risposta għal sejħa, il-vokazzjoni tagħna maż-żmien terġa’ ssir sempliċement għażla personali. U għalhekk inkunu biss aħna li nitkellmu – protagonisti, u mhux li nisimgħu. Hemm bżonn nerġgħu nidħlu f’dan il-misteru, u din hi raġuni ta’ sussistenza għalina, jekk aħniex ħa ngħixu jew le bħala qassisin. Mingħajr il-Kelma ma ngħixux – ftakru fl-allegorija tad-Dielja u l-friegħi. Karatteristika tal-idolatrija hi meta titlaq wara xi ħadd jew xi ħaġa li tagħmlek skjav, ma tħallikx liberu. Iktar tinbela’ u ma tibqax tara. Dan jista’ jiġrilna jekk noħorġu minn din it-triq li hi fundamentali u kostituttiva għall-ħajja tal-qassis. Jew hekk, jew ħa niżbalja.

Jekk ma nkunux aħna qabelxejn l-oġġett tal-pastorali tagħna, faċli ħafna li nsiru funzjonarji, u ma nibqgħux imsejħin. Insiru nies li għandhom kapaċitajiet li jippruvaw jużawhom għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, imma biex jieħdu lura u jiggwadanjaw huma, għax hemm il-vojt li suppost imlejna minn xi mkien ieħor. Jekk ma jimteliex minn xi mkien ieħor, nispiċċaw nimtlew bl-attività pastorali li tkaxkarna. Inkun qed infittex biex nieħu xi ħaġa mill-pastorali ħalli nimtela jien, flok nuża l-pastorali biex nagħti dak li hemm ġo fija. Il-pastorali ma għandhiex tkun kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, għax fil-verità jien għandi Sors ieħor. Il-pastorali għandha tkun ix-xhieda, l-aspett esterjuri, tar-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù. Inkella l-laqgħat tagħna, l-omeliji tagħna jkunu biċċa xogħol li rrid nagħmel, xi ħaġa li rrid nipprepara għall-oħrajn. Insiru funzjonarji u mhux xhieda. Inkunu professjonisti u mhux imsejħin. Jekk ma nħossux l-identità saċerdotali tagħna mimlija b’dak li hu essenzjali, nispiċċaw nimlewha b’affarijiet li ma jimlewx, u nkunu qed nagħtu xhieda bil-kontra. Araw x’jiġri meta nagħfsu ħafna fuq il-poter, l-apparenza…

Meta nisimgħu l-Kelma, inkunu f’relazzjoni. Hekk il-laqgħat u l-omeliji tagħna jkunu kontinwazzjoni ta’ dak li aħna. Infakkarkom fis-Seminar ta’ tlitt ijiem fuq l-omeliji li ħa nagħmlu mit-23 sal-25 ta’ Frar. L-omelija hi l-uniku ‘reklam’ u kuntatt mad-dinja esterna li baqgħalna mal-parti l-kbira tan-nies. Għalxejn nitkellmu fuq kif tipprepara l-omelija, jekk qabelxejn il-Kelma ma nħalluhiex tkellimna, jekk ma noqogħdux nisimgħu l-Kelma aħna l-ewwel. Imbagħad bil-limiti tiegħi nista’ naqsam dak li tkun qaltli l-Kelma mal-oħrajn. Is-smigħ tal-Kelma, ir-relazzjoni, titlob il-ħin. Ħafna drabi jrid ikun ħin fil-kwiet, fis-skiet, biex inħallu lil Alla jaġixxi, jitkellem.

Spiss ninsew din l-għajn ta’ enerġija safja li tiġi mill-Kelma u mill-Ewkaristija, u nfittxu l-enerġija affettiva fil-ħidma, fl-inizjattivi, fil-pjanijiet, fl-opri. Minħabba f’hekk jiġri li l-enerġiji tagħna nħaddmuhom l-aktar fl-organizzazzjoni tal-festi u tal-inizjattivi l-oħra li “nagħmlu” u fil-proġetti ta’ opri ġodda ta’ kull tip. Dawn iġegħluna nħallsu prezz qares, u l-ħlas ikun ftit approvazzjoni tan-nies li tgħaddi wara żmien qasir. U nindunaw li qatt ma jkun biżżejjed. Imma meta nagħmilha bil-paċenzja mal-Kelma ta’ Alla, ninduna li l-enerġija li dik tagħtini hi awtentika u ħafna iktar vera minn dak li jagħtuni affarijiet oħra. L-enerġija affettiva tagħna nġibuha mir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, fl-Ewkaristija u fil-Kelma.

Id-Djoċesi tagħna mimlija bi problemi, mhux il-Kurja biss, imma anki fil-parroċċi. Aħna spiss nipprovaw nittrattaw dawn is-sintomi li huma l-qoxra ta’ barra, u ma mmorrux għall-qalba. Il-problema tal-vokazzjonijiet mhix għax m’aħniex naħdmu sew, jew in-numru, imma li x-xhieda tagħna mhix awtentika. L-istess kif qed jiġri fiż-żwieġ – ma jiżżewġux għax fl-istess ġenituri tagħhom ma jarawx persuni miżżewġa realizzati. Jekk iż-żgħażagħ jaraw persuni li huma mimlija b’dak li hu essenzjal, jiena nemmen li ma jkunx hemm dawn il-problemi, kif ma kienx hemm qabel. Il-problema mhix tal-vokazzjoni, imma ta’ xhieda, tal-għajxien personali tagħna. Għal dan għandna responsabbiltà quddiem Alla li sejħilna.

Qed ngħixu f’soċjetà fejn il-prijoritajiet qegħdin kulma jmur jitbiegħdu minn dak li jħobb u jixtieq Alla. In-nies li nagħmluha magħhom jixtiequ ħaġa waħda – il-kumdità jew li jkunu sew, issa! Mhux importanti kif, jew b’liema mod, jew permezz ta’ min, l-importanti li jien inkun sew issa! L-illużjoni l-kbira hi li jekk ikolli l-flus jien ser inkun sew, u li nista’ nkun sew waħdi – anki meta l-oħrajn ma jkunux!

Waħda mit-toroq żbaljati hi li nfittxu s-sitwazzjoni ideali jew min-naħa l-oħra li nkunu sew aħna. U aħna wkoll qed nittieħdu ħafna minn din il-mentalità. L-għażliet li nagħmlu jkunu influwenzati ħafna minn dan ir-relattiviżmu jew egoċentriżmu fin, li jaqtagħna minn din l-intimità vera ma’ Dak li sejħilna. Meta, ngħidu aħna, nibnu l-proposta tagħna fuq kemm jiġu nies, u ma ħaġa nibqgħux nagħmluha għal persuna jew tnejn, lil dawn qed ngħidulhom li l-proposta tagħna hi valida jekk jiġu ħafna nies, u mhux għax hi valida fiha nfisha. Noqogħdu attenti x’messaġġ qed inwasslu. Jekk il-proposta hi valida, jiġux mija jew tnejn, tibqa’ valida. Dan jerġa’ jġagħalna naħsbu kemm il-ministeru tagħna hu tassew tweġiba għal sejħa, inkella hux strateġija għal pjan personali. Inkella nkunu nagħmlu disservizz enormi lill-persuna ta’ Ġesù. U saħansitra meta nisimgħu din il-Kelma, jista’ jkun hem it-tentazzjoni li tkun ħaġa tiegħi waħdi.

L-istedina tiegħi hi din: Ma niddejqux nagħtu ħin għall-Kelma ta’ Alla. Ma niddejqux inħallu l-Kelma tgħaddi l-ħin magħna. Inħoss li għandna qabelxejn nipprovaw niskopru matul din is-sena l-importanza ta’ din il-Kelma, li warajha hemm relazzjoni ta’ ħafna mħabba. F’midrash hemm rakkont dwar rabbini li bdew jiddiskutu bejniethom b’liema mod Alla ddetta t-Torah. Wieħed minnhom qal li ddettah kelma b’kelma; rabbi ieħor qal li biżżejjed kieku ddettalhom l-Għaxar Kelmiet; qam ieħor qal li kien ikun biżżejjed li Alla lil Mosè qallu l-ewwel Kmandament, u l-bqija kien ikun kapaċi jiddeduċih. Qam ieħor fl-aħħar u qal li kien ikun biżżejjed li Mosè nduna li Alla bexxaq ħalqu biex jgħid l-ewwel kelma: kif Mosè nduna li Alla ried jidħol f’relazzjoni miegħu, kien ikun biżżejjed biex jifhem dak kollu li ried jgħidlu. Tant hi ħaġa kbira li Alla daqshekk kbir jikkalkulani bħaliu. Int tkellem lil dak li tippretendi risposta mingħandu, lil dak li tħoss li hu tal-istess livell tiegħek. L-ewwel kelma ta’ Alla kienet tkun biżżejjed biex Mosè jkompli jikteb it-Torah kollu.

Aħna naħsbu li iktar ma nagħmluha man-nies u nistinkaw għalihom, aktar nistgħu nagħmlulhom ġid. Imma aħna nistgħu nagħmlu ġid lin-nies iktar ma nisimgħuhom, mhux iktar ma ngħidulhom. Nagħmlu ġid mhux kemm ngħidu, imma kemm nisimgħu lill-oħrajn. Nippreferi fl-inizjattivi pastorali tagħna inizjattivi ta’ dan it-tip – smigħ tal-Kelma, smigħ tan-nies – milli inizjattivi sensazzjonali u kulħadd mar id-dar b’dak li ġie. L-ikbar esiġenza pastorali ta’ żmienna hi li minn naħa m’hawnx min jisma’, u minn naħa hawn ħafna min jitkellem – dan jgħidu wkoll spiss il-Papa Franġisku. Hawn ħafna nies li jridu jgħidu tagħhom, li jridu jidħlu f’relazzjoni magħna.

Jien nixtieq li din is-Sena tal-Kelma tgħinna niftħu widnejna, l-ewwel u qabel kollox għall-Kelma ta’ Alla, u mbagħad għal xulxin u għall-oħrajn. Iktar ma nisimgħu lil Alla u lill-oħrajn, iktar hemm ċans li l-pastorali tagħna tkun effikaċi. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk nirriduċu l-Misteru tal-Inkarnazzjoni għal żewġ kelmiet, mhumiex għajr li Alla sab mod kif ikun jista’ jisma’ tassew lill-bniedem.

L-iskop tiegħi kien li nirriflettu kif nistgħu mmorru lkoll flimkien għal dak l-essenzjal biex nifhmu liema metodoloġiji rridu nużaw biex il-pastorali tagħna tkun effikaċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading