Ġwanni Pawlu II f’Belice

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI F’BELICE U F’PALERMO
QUDDIESA F’VALLE DI BELICE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Valle del Belice, 20 ta’ Novembru 1982

Ħuti tal-Wied tal-Belice!

1. “Grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu” (1 Kor 1, 3). Dalgħodu qed titwettaq xewqa li ili ħafna nxettel f’qalbi: dik li niġi f’artkom, milquta mit-terremot tal-1968, biex inwasslilkom x-xhieda ta’ mħabbti u biex ninkuraġġikom fl-impenn ġeneruż li bih qegħdin bil-mod il-mod tqumu mill-konsegwenzi ta’ dik il-ġrajja doloruża. Ikun imfaħħar Alla li ppermettieli l-ferħ ta’ din il-laqgħa magħkom hekk ta’ merħba u kordjali!

Insellem lill-Isqof ta’ Mazara del Vallo, li nterpreta b’mod effikaċi s-sentimenti ta’ ħutu tad-dijoċesijiet ta’ Agrigento, Monreale u Trapani, kif ukoll tal-popolazzjoni kollha tal-Wied u, b’mod partikolari tagħkom, għeżież, li wasaltu biex iltqajtu fix-xenarju stupend ta’ din ir-rokna pittureska ta’ Sqallija. Irrid ukoll inwassal tislima ta’ rispett lill-Awtoritajiet preżenti u niżżi ħajr lis-Sindku ta’ Calatafimi li, wkoll f’isem il-kollegi tal-Komuni milquta mit-terremot, tani merħba b’espressjonijiet nobbli, li apprezzajt ħafna.

Insellem lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, li kuljum jaqsmu t-tribulazzjonijiet, il-ferħ u t-tamiet tal-merħla afdata f’idejhom. Insellem lilkom, irġiel u nisa ta’ din l-art li għextu l-esperjenza qarsa ta’ dak il-lejl bejn l-14 u l-15 ta’ Jannar tal-1968 u li ffaċċjajtu mingħajr ma ħallejtu li jkissrukom l-inkonvenjenzi iebsa li ġew wara f’dawn is-snin. Insellem b’mod partikolari lilkom żgħażagħ, li dak iż-żmien kontu qegħdin tagħmlu l-ewwel passi tal-eżistenza jew li kien għadkom linqas twelidtu: il-futur tal-Wied tal-Belice jinsab f’idejkom!

2. Ridt li l-ewwel waqfa tiegħi fost il-ġnus ta’ Sqallija tkun hawn, fl-art tal-Belice. Mhux biss għaliex huwa ġust li l-missier iżur lil uliedu l-iktar imġarrba, imma wkoll għaliex kelli magħkom id-dejn ta’ wegħda. Monsinjur Trapani b’mod l-iktar ġust ftakar dan: meta s-sena l-oħra delegazzjoni tal-Komuni ta’ din iż-żona ġew iżuruni fil-Vatikan, jiena wegħdthom li kien se jkolli l-ġentilezza li niġi personalment f’artkom biex inħares f’għajnejkom u sabiex intom tkunu tistgħu taqraw f’wiċċi l-qawwa tas-sentimenti li għandi għalikom, għall-anzjani tagħkom, għall-morda u għal uliedkom.

Iva, uliedkom. Ġrupp minnhom ġew xi snin ilu Ruma u ntlaqà mill-predeċessur tiegħi, il-Papa Pawlu VI, li meta laqagħhom kellu dan x’jgħidilhom: “Kunu afu li aħna se nkunu l-avukati tagħkom”. Iż-żjara tiegħi tallum tqiegħed ruħha f’kontinwità idejali bl-impenn meħud fil-konfront tagħkom minn dak il-Papa kbir. Jien ninsab hawn biex nixhdilkom li l-attenzjoni tal-Knisja, muriha b’mod differenti fis-snin li għaddew, ma ġietx nieqsa, imma għadha dejjem ħajja u operanti. Jiena hawn, ukoll, biex inmiss b’idejja li, minkejja l-erbatax-il sena li għaddew minn dak il-lejl terribbli, il-konsegwenzi tat-terremot għadhom ma tħassrux għal kollox.

Għadha teżisti b’mod partikolari gravi l-problema tad-dar: ħafna familji għadhom jgħixu fil-barrakki, isofru l-piż ta’ stat prekarju ta’ affarijiet li ma jixirqux lil persuni ċivili. Kif nistgħu ma ngħollux leħinna biex nikkundannaw d-dewmien xejn naturali ta’ sitwazzjoni hekk iebsa? Id-dar hija esiġenza ewlenija u fundamentali għall-bniedem: fiha jiffjorixxu l-imħabbiet familjari, jedukaw ruħhom l-ulied u jgawdu l-frott ta’ xogħlhom.

Fi Sqallija għanja bi storja, b’ċiviltà ta’ tradizzjonijiet familjari umani u nsara, il-barrakka hija degradizzjoni u sinjal ta’ prekarjetà, li joffendi u jumilja. Tkun mela offruta lil kulħadd il-possibiltà ta’ dar dekoruża; tkun offruta b’mod speċjali lit-tfal, li jinħtieġu l-bejta tagħhom, post seren u sħun, fejn jitrabbew u jiżviluppaw, mingħajr ir-riskju ta’ trawmi u ta’ mard.

Il-preżenza tiegħi fostkom, għeżież, għandha tkun sejħa lir-responsabbli u lill-persuni kollha ta’ rieda tajba sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat, biex iħeffu ż-żmien tal-irkuprar, billi jiffavorixxu t-twettiq tal-bini u r-rilanċ ekonomiku u soċjali ta’ din l-art tal-Belice, li fil-moħħ u l-qalb tal-abitanti tagħha dak kollu meħtieġ biex isiru progressi sinifikattivi għall-vantaġġ propju u tal-komunità kollha nazzjonali.

3. Imma, ċittadini tal-Belice, waqt li nħeġġeġ l-għajnuna xierqa tal-organiżmi amministrattivi, ngħid lilkom: ikollkom fiduċja fikom infuskom!  Dawn is-snin ta’ avventura ma ġabulkomx biss privazzjoni u tbatija; huma wkoll irrivelaw fikom riservi ta’ ċaħda u ta’ kuraġġ insospettibbli, riżorsi meraviljużi ta’ inventiva u ta’ ġenerożità, impuls kommoventi ta’ altruwiżmu u ta’ solidarjetà. Intom mela għandkom raġun li tistrieħu fuq l-enerġiji tagħkom għall-impenn tar-rikostruzzjoni, li minnu jiddependi l-futur tagħkom.

Bla dubju, huwa ġust li tistgħu torbtu wkoll fuq il-kontribut tal-komunità nazzjonali u fuq l-onestà ta’ dawk li huma responsabbli mill-flus pubbliċi jew għat-traduzzjoni tagħhom f’opri ta’ użu komuni. Sfortunatament mhux kollox, f’dan il-qasam, sar biċ-ċarezza meħtieġa, u huwa magħruf li f’tali nuqqasijiet inħassu d-dewmien u ll-vjolazzjonijiet fl-opri tar-rikostruzzjoni.

Huwa doveruż, għalhekk, li nagħmlu appell għas-sens ta’ responsabiltà tal-politiċi, tal-amministraturi, tal-kuntratturi.

Iżda huwa meħtieġ ukoll li niġbdu l-attenzjoni ta’ kull ċittadin privat għall-għarfien tad-dmirijiet li jiggravaw fuqu fil-konfront tal-ġid komuni. Huwa biss bil-kontribut solidali ta’ kulħadd li wieħed jistà jiffaċċja diżastru naturali ta’ dan id-daqs u javanza fit-triq tal-progress ċivili, billi joħloq spazji konvenjenti għall-ġenerazzjonijiet l-ġodda, li jitfaċċaw fl-eżistenza u jitolbu li jkunu jistgħu joffru l-kontribut tal-enerġiji friski tagħhom għall-benesseri komuni.

4. Ħuti tal-Wied tal-Belice! Dak li fi żminijiet ta’ diffikultà u ta’ kriżi jħeġġeġ biex fuq kollox jippromwovi huwa l-formazzjoni ta’ kuxjenzi maturi, sensibbli għall-appell tal-valuri morali. Ir-rikustruzzjoni materjali ta’ artkom titwettaq b’mod sodisfaċenti u jagħti frott dejjiemi fiż-żmien. Jekk tibnu fuq il-blata soda tal-valuri umani li ffurmaw il-patrimonju tal-antenati tagħkom, billi ppermettewlhom li jgħixu f’diffikultajiet xejn inqas minn dawk iffaċċjati minnkom illum.

Intom tafu x’kienu l-valuri li spiraw l-għażliet ta’ ħajja ta’ missirijietkom minkejja d-dgħufijiet u d-devjazzjonijiet li mmarkaw ukoll l-epoki preċedenti, huwa bla ebda dubju li l-fidi  dawlet u żammet lix-xjuħ tagħkom, billi ppurifikat progressivament is-sentimenti u billi orjentat l-għażliet f’sens dejjem iktar konformi mal-esiġenzi tad-dinjità ta’ bnedmin u ta’ wlied Alla.

Hija din in-nixxiegħa li għandha wkoll tisqi lill-ġenerazzjoni preżenti, jekk triq tilħaq dawk l-għanijiet ta’ libertà, ta’ ġustizzja u ta’ paċi li taspira b’mod appassjonat. Il-fidi nfatti tiftaħ il-qalb ta’ Kristu. U kristu jaf “dak li hemm f’kull bniedem” (Ġw 2, 25). Huwa mela jistà jindikalna t-triq it-tajba għall-attwazzjoni sħiħa tat-tamiet u tal-ideali li jbaqbqu f’ruħna. La tibżgħux mela minn Kristu, imma iftħulu l-bibien ta’ qalbkom!

5. Ninsabu issa miġburin madwar l-altar, li fuqu se jġedded il-misteru tal-passjoni tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Huwa mela jinsab f’nofsna. Kif ma naħsbux fix-xena deskritta fil-paġna evanġelika, li għadna kemm smajna? Dakinhar ukoll kien hemm folla kbira madwar Ġesù, u kien f’dik iċ-ċirkustanza li l-Imgħallem divin, li lilu kienet  tħabbret il-wasla ta’ Ommu u qrabatu wieġeb”waqt li tefà ħarstu fuq dawk li kienu bilqiegħda madwaru”: “Hawn hi ommi u ħuti! Min iwettaq ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, oħti u ommi” (cf. Mk 3, 31-35).

“Min iwettaq ir-rieda ta’ Alla”. Kull wieħed u waħda minnkom iħossu fuqhom il-ħarsa ndikattiva ta’ Kristu, waqt li hu jirripeti għalina dan il-kliem. Il-kriterju mħabbar dakinhar jibqà validu tul is-sekli. Dak li jiddeċiedi dwar l-appartenenza lil Kristu, billi jistabilixxi bejnu u r-ruħ rabta spiritwali hekk profonda li tistà titqabbel ma’ dak li jorbot bejniethom lill-membri tal-istess familja, huwa t-“twettiq tar-rieda ta’ Alla”. Mhemmx titlu ieħor li, f’għajnejn Kristu, jistà jissostitwixxi dan l-uniku, ukoll li kien dak tal-maternità purament fiżika. Jekk Marija hija l-ewwel krejatura fil-pjani ta’ Alla, dan huwa dovut għall-fatt li barra milli hi omm Kristu skont il-ġisem, ukoll laqgħet il-Kelma ta’ Alla b’disponibiltà totali, billi saret f’kull siegħa tal-jum sustanza ħajja bl-eżistenza tagħha.

Minħabba dan hija “magħrufa bħala membru tal-Knisja eċċellenti u għal kollox singulari u l-figura tagħha mudell eċcellentissmu fil-fidi u fil-karità” (Lumen Gentium, 35). Lejha, għalhekk, kull fidil għandu jħares biex jifhem kif iva “iwettaq ir-rieda ta’ Alla” u kif jidħol f’komunjoni ta’ Hajja ma’ Kristu, Verb ta’ Alla li niżel mis-sema għall-imħabba tal-bniedem.

6. Nies tal-Belice, jien nafda lil artkom lill-protezzjoni materna tal-Verġni Santissma: Ix-xbiha tagħha berikta ftit ilu, waqt li sejjaħt l-interċessjoni tagħha għall-vittmi numerużi tat-terremot, li isimhom huwa miktub fit-twavel tal-irħam f’riġlejha.

Tilqà Marja lil kull wieħed u waħda minnkom taħt il-mant tagħha, il-komunitajiet tagħkom, il-familji waħda waħda, u tgħasses ħajja u mħeġġa il-fjamma tal-fidi fi qlubkom. Tissalvagwarda fit-tfal il-bjuda tal-innoċenza; tqanqal fiż-żgħażagħ il-passjoni għall-idejali l-kbar; tispira lill-għarajjes is-sens ħaj tas-saġralità tal-imħabba; tiddefendi l-età matura mit-tentazzjonijiet tal-opportuniżmu u tal-kompromess; issabbar ix-xjuħija, varjament maħsusa fil-ġisem u fl-ispirtu, bil-balzmu ntern tat-tama.

Bil-għajnuna tagħha jalla din l-art tagħkom, għeżież ħuti, flimkien mal-gżira kollha ta’ Sqallija tibqà soda fil-professjoni tal-fidi billi tkompli timmerita li tkun innumerata fost dawk in-“nazzjonijiet numerużi” li għalihom il-profeta Zakkarija jipprevedi li jibqgħu “magħquda mal-Mulej” u se jsiru l-“poplu tiegħu”. Jalla jingħad dejjem dwar din il-Gżira, li fuqha popli differenti ħallew traċċi glorjużi tal-imgħoddi tagħha, il-kelma sollenni li smajna fl-ewwel qari llum: “Huwa, il-Mulej, se jgħammar f’nofsok” (Zk 2, 15).

Jekk il-Mulej “se jgħammar f’nofsok”, art ta’ Sqallija jalla toħroġ mill-baħar iktar għanja bl-istorja, u kif tul is-sekli kont salib it-toroq ta’ popli, tkun tistà tiżvolġi wkoll fil-futur irwol providenzjali ta’ ftehim bejn il-Lvant u l-Punent, u waqt li tiffavorixxi l-laqgħa bejn ċiviltajiet differenti, fuq kulħadd ikun jistà jidwi d-dawl miġjub lill-bnedmin minn Kristu, Bin Alla u Bin Marija.

Iva, il-Mulej “se jgħammar f’nofsok”. La tinsiehx! Hawn jinsab is-sigriet tad-destini futuri tiegħek.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading