Ċelebrazzjoni f’għeluq il-kawża ta’ Henry u Inez Casolani

GĦELUQ TAL-INKJESTA DJOĊESANA GĦALL-KAWŻA TAL-BEATIFIKAZZJONI U KANONIZZAZZJONI TAL-QADDEJJA TA’ ALLA HENRY U INEZ CASOLANI

L-Arċidjoċesi ta’ Malta, f’Ċirkulari Numru 106 mibgħuta lill-Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Superjuri Reliġjużi ħabbret li waslet fi tmiemha l-Inkjesta Djoċesana dwar il-ħajja tal-virtù, il-fama tal-qdusija tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani.

Din ta’ hawn taħt hija l-istqarrija ppublikta mill-Arċidjocesi ta’ Malta

GĦELUQ TAL-INKJESTA DJOĊESANA
GĦALL-KAWŻA TAL-BEATIFIKAZZJONI U KANONIZZAZZJONI
TAL-QADDEJJA TA’ ALLA HENRY U INEZ CASOLANI

“Faħħru lill-Mulej għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (Salm 118, 2). B’dawn is-sentimenti f’qalbna ta’ ferħ spiritwali u radd ta’ ħajr lil Alla, inħabbru li, bl-għajnuna ta’ Alla, waslet fi tmiemha l-Inkjesta Djoċesana dwar il-ħajja tal-virtù, il-fama tal-qdusija fil-ħajja u wara l-mewt tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani, kif ukoll dwar il-fama ta’ grazzji maqlugħa minn Alla bl-interċessjoni ta’ dawn il-Qaddejja ta’ Alla.

Għaldaqstant, wara li t-Tribunal imwaqqaf minn Mons. Arċisqof nhar is-Sibt 29 ta’ Awwissu 2015, għarbel lil dawk miġjuba b’xhieda quddiemu u lil bosta oħrajn li resqu minn rajhom, wara li l-membri tal-Kummissjoni Storika għal din l-Inkjesta ġabru d-dokumentazzjoni dwar dan il-każ, u wara l-parir pożittiv mogħti mit-teoloġi magħżula biex jgħarblu l-kitbiet tal-Qaddejja ta’ Alla, l-għeluq tal-Inkjesta Djoċesana dwar il-ħajja qaddisa, il-fama tal-qdusija tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani se jiġi ċċelebrat nhar il-5 ta’ Lulju 2024.

Iċ-ċelebrazzjoni se ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, Il-Belt, Valletta, bir-Rit Kanoniku tal-Għeluq tal-Inkjesta Djoċesana jibda fis-6.15 pm u wara ssir il-Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla għall-għeluq ta’ din l-Inkjesta fil-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani.

Għaldaqstant inħeġġu lill-Poplu ta’ Alla biex iħejji ruħu spiritwalment għal din il-ġrajja ta’ grazzja fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, u li dakinhar tal-5 ta’ Lulju ningħaqdu lkoll flimkien fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, Il-Belt, Valletta, għaċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq tal-Inkjesta Djoċesana biex infaħħru lil Alla u nroddulu ħajr talli huwa dejjem iqajjem fost il-poplu tiegħu eżempji u mudelli jiddu ta’ ħajja Nisranija u evanġelika, filwaqt li nkomplu nitolbu sabiex ma ndumux ma naraw lil dawn Maltin ħutna magħdudin mal-qaddisin tal-Knisja universali.

Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, illum, 10 ta’ Ġunju 2024.

Charles Bugeja                                                               + Joseph Galea Curmi

Kanċillier                                                                                  Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading