VIŻTA PASTORALI FIL-BELICE U F’PALERMO
QUDDIESA FL-IPPODROMU TAL-FAVORITA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Palermo, 21 ta’ Novembru 1982
1. “I-Mulej isaltan, bil-glorja jitlibbes” (Sal 92 [93], 1).
Din l-għajta hija tipika tas-sollennità tallum ta’ Kristu Sultan.
U jiena kuntent li l-vista tiegħi f’Palermo qiegħda taħbat magħha, u li fl-isem ta’ Kristu Sultan jien nistà nindirizza lilkom l-kelma tul din il-Liturġija sollenni.
Is-saltna ta’ Kristu hija saltna ta’ verità, ta’ grazzja, ta’ ġustizzja, ta’ ħniena. Hija saltna li fiha wieħed jinserixxi ruħu b’adeżjoni libera u personali, u aħna għandna nħallu li Kristu jsaltan dejjem f’ħajjitna; hemm bżonn niftħulu bil-ferħ il-bieb tal-ispirtu tagħna, u nħalluh jidħol f’ħajjitna, waqt li nilqgħu kelmtu u nwieġnu għaliha bil-fedeltà ta’ kuljum għall-impenji tagħna, b’impostazzjoni ta’ ħajja, li tistrieħ fuq għażliet operattivi koerenti mal-fidi.
F’din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika jiena kuntent li qiegħed niltaqà magħkom ilkoll li tippreżentaw il-Poplu kollu ta’ Alla li jgħix fi Sqallija u huwa mpenjat li jaqdi lil Alla billi jgħix bi spirtu ta’ servizz il-ħajja tal-komunità. Inseriti b’mod ħaj fi Kristu permezz tal-Magħmudija, intom il-Knisja ta’ Alla pellegrina fi Sqallija.
Salib it-toroq u punt ta’ laqgħa bejn il-Lvant u l-Punent, Sqallija kienet fost l-ewwel reġġjuni tal-Italja li laqgħet lill-Appostli, biex tirċievi l-aħbar tal-Kelma ta’ Alla, u taderixxi għall-fidi b’mod hekk ġeneruż li, wkoll f’nofs id-diffikultajiet u l-persekuzzjonijiet, dejjem nibbtet fiha l-fjur tal-qdusija. Il-Gżira tagħkom kienet u hi art il-qaddisin, li jappartienu lil kull kondizzjoni tal-ħajja, li għallmu l-Vanġelu b’sempliċità u ntegralità.
Insellmilkom bil-qalb, għeżież Palermitani u għeżież Sqallin. Bi ħsieb speċjali għall-meqjum Kardinal Pappalardo, għall-Isqfijiet kollha kif ukoll għall-Awtoritajiet kollha ċivili tar-Reġġjun u tal-Belt.
Ħsiebi, imħaabbti jestendu ruħhom ukoll għall-ulied kollha tal-Art Sqallija li jkollhom imorru f’reġġjuni oħra jew ukoll f’Pajjiżi oħra ifittxu xogħol li jkun sors onest ta’ sosten kemm għalihom kif ukoll għall-familja tagħhom. Lilhom imur l-awgurju tiegħi li jkunu jistgħu jsibu dejjem u kullimkien l-kondizzjonijiet l-iktar dinjitużi għal ħajja ta’ bnedmin u ta’ nsara; imma fl-istess ħin nittama li l-iżvilupp ekonomiku-soċjali tal-Gżira jirrendi li ma jkunx hemm iktar bżonn li ż-żgħażagħ jemigraw biex ikunu jistgħu jsibu post tax-xogħol.
2. “Il-Mulej isaltan, bil-glorja jitlibbes”.
Din hija l-verità mxandra mis-Salm tal-liturġija tallum. Din tidwi fuq xuftejna, waqt li ntennu r-ritornell tas-Salm. Illum, fl-aħħar Ħadd taċ-ċiklu annwali tal-liturġija (jiġifieri: tas-servizz Divin), il-Knisja tixtieq tippronunzja b’mod sollenni din il-verità: Alla jsaltan fuq l-univers, li ħalaq, li hu opra tiegħu. Jistà jkun mod ieħor? Jistà forsi xiħadd ieħor isaltan fuq id-dinja għajr Dak, li ta – u li kontinwament jagħti – l-eżistenza lil kollox?
Huwa hu s-Sultan, għaliex hu l-Ħallieq!
“Jirrendi soda d-dinja, / qatt ma tkun imċaqlaqa. / Sod it-tronn tiegħek sa mill-bidu, / int minn dejjem int” (Sal 92 [93], 1).
Hekk, mela, illum il-Knisja xxandar l-opra tal-ħolqien – u permezz tal-opra tal-ħolqien ixxandar is-saltna ta’ Alla fid-dinja: Hemm hi s-Saltna ta’ Alla!
Tibqà irrimovibbli sa mill-fundazzjoni tad-dinja. U se tibqà sat-tmiem tagħha. Id-dinja hija s-Saltna ta’ Alla, għaliex minnu nħolqot.
“Jiena l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, Dak li hu, li kien u li jiġi, l-Omnipotenti!” (Ap 1, 8).
3. U, fl-istess ħin, il-Knisja titlob hekk kif għallimna Kristu: “Tiġi saltnatek”.
U l-Liturġija tallum tippreżentalna s-Saltna ta’ Alla bħala realtà, li titlà fid-dinja bl-opra ta’ Kristu. Hija diġa tappartieni lill-kontemporanjetà tagħna, imma ferm iktar lill-futur.
F’Ġesù Kristu, Alla – l-Alfa u l-Omega – huwa dak li hu, li kien, imma fl-istess ħin dak li jiġi.
Is-Saltna ta’ Alla, li permezz tal-opra tal-ħolqien tibqà irrimovibbli fl-univers kollu – fl-istess ħin għandha fl-umanità, permezz tal-opra tal-fidwa, il-passat, il-preżent u l-fitur tagħha.
Għandha l-istorja tagħha, li tiżviluppa ruħha flimkien mal-istorja tal-umanità.
Fiċ-ċentru ta’ din l-istorja hemm Ġesù Kristu. Il-Knisja marbuta mal-istorja tal-umanità, mal-istorja tas-salvazzjoni, ixxandar f’dan il-Ħadd is-Saltna ta’ Alla f’Ġesù Kristu: Saltna, dan is-saltnar ta’ Alla, li flimkien miegħu daħal fl-istorja ta’ ġenerazzjoni f’ġenerazzjoni.
Dan il-Ħadd huwa l-Festa ta’ Kristu-Sultan.
Bil-kant tal-“Alleluia” insellmulu sollennement b’dan il-kliem: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna tiegħu li ġejja” (cf. Mk 11, 9-10).
4. Min hu Kristu-Sultan?
Għal din id-domanda twieġeb il-Liturġija tallum, b’mod speċjali bil-kliem ta’ Ġwanni Appostlu u Evanġelista.
Fl-Apokalissi ta’ Ġwanni naqraw:
“Ġesù Kristu, Dak li ħabbna u li ħelisna minn dnubietna b’demmu, li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru” (Ap 1, 5-6).
Ġesù Kristu huwa Sultan li jħobb.
Huwa hu Sultan għaliex iħobb.
Għaliex ħabb lilna l-bnedmin sat-tixrid tad-demm.
Għaliex iħobb ħelisna mid-dnubiet, għaliex l-imħabba biss hija kapaċi teħlisna mid-dnub.
Bil-ħelsien tagħna l-bnedmin mid-dnub għamel minna s-Saltna ta’ Alla.
Għaliex ħabbna sas-sagrifiċċju tal-ħajja, Kristu għamel minna s-Saltna ta’ Alla.
Kristu huwa Sultan, għaliex għamel minna s-Saltna ta’ Alla.
Hu mhux biss xandar is-Saltna ta’ Alla bit-tagħlim tiegħu, imma għamel minna “saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru” (Ap 1, 6).
Il-Poplu kollu ta’ Alla jieħu sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu u fis-sagrifiċċju tiegħu – fis-salib tiegħu – u waqt li jikkonferma s-saltna ta’ Alla fil-ħolqien, jieħu sehem ukoll fis-saltna tiegħu.
Dan jitwettaq permezz ta’ Kristu. B’dan il-mod, is-saltna ta’ Alla teżisti fl-istorja tal-bniedem bħala s-Saltna ta’ Kristu. B’dan il-mod Kristu huwa Sultan.
5. “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Gw 18, 36), iwieġeb Kristu għad-domanda ta’ Pilatu fil-Ġimgħa l-Kbira.
Pilatu jistaqsi: “Inti s-sultan tal-Lhud?” (Ġw 18, 33). Għamel din id-domanda, għaliex propju dwar dan ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Lhud kienu akkużaw lil Kristu: għaliex huwa kien iddikjara ruħu sultan tal-Lhud.
Il-Messija kien imħabbar bil-quddiem mill-profeti bħala sultan tal-Lhud – bħala dixxendent ta’ David, werriet tax-xettru u tat-tronn tiegħu. U bdanakollu Kristu jwieġeb b’mod deċiż: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”.
“Li kieku s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu sabiex ma nkunx mogħti f’idejn il-Lhud” (Ġw 18, 36).
Mela: is-saltna tiegħi mhijiex ta’ hawn isfel.
Mhijiex ta’ din id-dinja. Ukoll jekk huwa Messija dixxendent ta’ David, ma ħariġx idejh għax-xettru u t-tronn tewmporali tas-saltna tal-Lhud. F’dan is-sens mhuwiex sultan – u dan jispjegah quddiem Pilatu.
U bdanakollu, fl-istess ħin, huwa Sultan.
Infatti huwa jiddikjara lill-gvernatur u mħallef Ruman: “Int tgħid: jiena sultan. Għal dan jien twelidt, għal dan jien ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda lill-verità. Kull min hu tal-verità, jismà leħni” (Ġw 18, 37).
Kull min jaċċetta x-xhieda li Ġesù Kristu jagħti lis-saltna ta’ Alla fil-ħolqien, jappartieni lis-saltna ta’ Kristu.
Kull min jilqà x-xhieda li Kristu jagħti lis-saltna ta’ Alla permezz tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, jappartieni lis-Saltna ta’ Kristu.
Kristu jgħid lil Pilatu: “Għal dan jien twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nixhed għall-verità”, jiġifieri għall-verità feddejja. Kull min jilqà l-verità feddejja u jgħixha, jibni s-saltna ta’ Kristu.
6. Fil-Liturġija ta’ dan il-Ħadd jitkellem ukoll il-Profeta Danjel. Hawn hu kliemu:
“Tah setgħa, glorja u saltna: / il-popli kollha, in-nazzjonijiet u l-lingwi kienu jaqduh; / is-setgħa tiegħu hija setgħa eterna, / li ma tgħib qatt, u s-saltna tiegħu hija tali, / li qatt ma tinqered” (Dn 7, 14).
Bin il-bniedem huwa Kristu Sultan.
Is-saltna tiegħu ma tgħib qatt. Ma tgħibx is-saltna ta’ Dak, “li jħobbna u li ħelisna minn dnubietna b’demmu, li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru”. Ma tgħib qatt is-Saltna tal-verità, tal-imħabba, tal-grazzja u tal-maħfra.
Ma tgħib qatt is-saltna tiegħu. U ma tgħib qatt fih is-saltna tal-bniedem. Fih biss!
Fi Kristu, li ġie fid-dinja biex jixheb għall-verità.
Fih, li huwa “ix-xhud fidil, il-kbir fost il-mejtin, il-prinċep tas-slaten tal-art” (Ap 1, 5).
Fih, li għażel is-Salib, bħala sinjal tas-saltnar tiegħu.
Fih, uniku!
“Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Ap 1, 6).
7. Waqt li ngħixu fid-dinja, fejn il-verità u l-imħabba jiġu mhedda bmodi differenti,
– fejn id-dnub jirbaħ dejjem iktar id-dritt ta’ ċittadinanza u jiddefendi b’mod l-iktar akkanit dan id-dritt,
– fejn il-bniedem isir oġġett ta’ manipulazzjoni multipla u jistà jsir vittma tal-enerġiji orribbli li hu ħeles – illum inħarsu bl-għajnejn tal-fidi lejn is-saltna ta’ Kristu u ntennu l-kliem, li bih Kristu nnifsu għallimna biex nindirizzaw lill-Missier: “Tiġi Saltnatek”!
Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.