Il-Quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju 2023: Messaġġ pastorali mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex dwar il-Quddiesa tal-Ħadd.

Messaġġ pastorali mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex dwar il-Quddiesa tal-Ħadd

Għeżież,

Qegħdin niccelebraw il-jum qaddis u solenni li fih aħna l-Insara nirringrazzjaw lil Alla għad-don sabiħ tal-Ewkaristija: tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù li jingħata lilna għas-salvazzjoni tagħna.  F’dan il-jum għażiż xtaqna naqsmu magħkom katekeżi sabiħa, prattika u profonda li tana l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, fit-13 ta’ Diċembru 2017.  Il-Papa jirrispondi għall-mistoqsija importanti “Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?”, u jgħid hekk:

“Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2177). Aħna l-Insara mmorru l-quddiesa l-Ħadd biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’ magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill-mejda tiegħu, u hekk insiru Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ħaj tiegħu fid-dinja.

“Dan sa mill-bidu fehmuh id-dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il-laqgħa Ewkaristika mal-Mulej fil-jum tal-ġimgħa li l-Lhud kienu jsejħulu ‘l-ewwel tal-ġimgħa’ u r-Rumani ‘jum ix-xemx’, għax f’dak il-jum Ġesù qam minn bejn l-imwiet u deher lid-dixxipli, tkellem magħhom, kiel magħhom, tahom l-Ispirtu s- Santu (ara Mt 28:1; Mk 16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19). Anki meta l-Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste, dan seħħ il-Ħadd, ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ħadd hu jum qaddis għalina, imqaddes miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja tal-Mulej fostna u għalina. Mela hi l-quddiesa li tagħmel il-Ħadd Nisrani! Il-Ħadd Nisrani jdur madwar il-quddiesa. X’Ħadd ikun, għan-Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa l-laqgħa mal-Mulej?

“Hemm komunitajiet Insara li, b’xorti ħażina, ma jistgħux igawdu mill-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd; imma anki dawn, f’dan il-jum qaddis, huma msejħa jinġabru jitolbu f’isem il-Mulej, jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jżommu ħajja x-xewqa tal-Ewkaristija.

“Xi soċjetajiet sekularizzati warrbu għall-ġenb is-sens Nisrani tal-Ħadd imdawwal mill-Ewkaristija. Xi dnub dan! F’dawn il-kuntesti hu meħtieġ inqajmu mill-ġdid dan l-għarfien, biex nirkupraw it-tifsira ta’ din il-festa, it-tifsira tal-ferħ, tal-komunità parrokkjali, tas-solidarjetà, tal-mistrieħ li jġedded il-ġisem u r-ruħ (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nn. 2177-2188). Dwar dawn il-valuri kollha tgħallimna l-Ewkaristija, Ħadd wara Ħadd. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II ried jikkonferma li l-‘Ħadd, wieħed għandu jipproponih lit-tjieba tal-fidili u jisħaq fuqu magħhom biex ikun ukoll għalihom jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ mix-xogħol’ (Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 106).

“Fl-ewwel sekli ma kinitx teżisti d-drawwa li wieħed ma jaħdimx il-Ħadd: hi ħaġa speċifika li ġab miegħu l-Kristjaneżmu. Fit-tradizzjoni biblika l-Lhud kienu jistrieħu s-Sibt, waqt li fis-soċjetà Rumana ma kienx hemm xi ġurnata tal-ġimgħa li fiha l-ilsiera kienu jistrieħu mix-xogħol. Kien is-sens Nisrani tal-ħajja bħala wlied u mhux bħala lsiera, animat mill-Ewkaristija, li għamel mill-jum tal-Ħadd – kważi universalment – jum il-mistrieħ.

“Mingħajr Kristu aħna kkundannati li nibqgħu maħkuma mill-għeja tal-ħajja ta’ kuljum, mit-tħassib tagħha, u mill-biża’ tal-għada. Il-laqgħa mal-Mulej f’jum il-Ħadd tagħtina l-qawwa li ngħixu l-ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex nibqgħu mexjin bit-tama f’qalbna. Għalhekk aħna l-Insara mmorru niltaqgħu mal-Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

“Il-Komunjoni Ewkaristika ma’ Ġesù, Rxoxt u Ħaj għal dejjem, tantiċipa dak il-Ħadd li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, meta mhux sa jkun hemm iżjed taħbit, lanqas tbatija, lanqas luttu, u lanqas dmugħ, imma biss il-ferħ li ngħixu b’mod sħiħ u għal dejjem mal-Mulej. Anki dwar dan il-mistrieħ ta’ hena tkellimna l-Quddiesa tal-Ħadd, u tgħallimna kif, mal-mixja tal-ġimgħa, nafdaw ruħna f’idejn il-Missier tas-Smewwiet.

“X’nistgħu nwieġbu lil min jgħidilna li m’hemmx bżonn tmur il-quddiesa, lanqas il-Ħadd, għax l-importanti hu li tgħix tajjeb, tħobb lill-proxxmu? Hu minnu li l-kwalità tal-ħajja Nisranija titkejjel skont il-ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’ (Ġw 13:35); imma kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu mingħajr ma nixorbu l-enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l-ieħor, mill-għajn ma taqta’ qatt tal-Ewkaristija? Aħna ma mmorrux il-quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li għandna bżonn tabilħaqq. Dan tfakkarhulna t-talba tal-Knisja, li hekk tgħidlu lil Alla: ‘Għad li xejn ma teħtieġ it-tifħir tagħna, inti jogħġbok tagħtina l-grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk il-ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna jiswielna għas-salvazzjoni’ (Missal Ruman, Prefazju IV tal-Komun).

“Biex nagħlaq, għaliex għandna mmorru l-quddiesa l-Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal-Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il-valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l-Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja ta’ Ġesù, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu.”

Fid-dawl tat-tagħlim sabiħ tal-Knisja kif spjegat tant tajjeb mill-Papa u l-Missier tagħna fi Kristu, Franġisku, l-Arċisqof, bis-setgħa ordinarja tiegħu, qed iġedded l-obbligu li għandna l-Insara li niltaqgħu għall-quddiesa tal-Ħadd b’seħħ mit-18 ta’ Ġunju 2023, ħdax-il Ħadd taż-żmien ta’ matul is-sena, meta tintemm id-dispensa introdotta minħabba l-Covid-19. Nafu li hemm persuni li għalihom mhux possibbli, għal raġuni valida, li jattendu għall-quddies. Nistiednu lil dawn il-persuni biex nhar ta’ Ħadd jagħmlu ħilithom biex jinġabru fit-talb lil Alla.  Il-quddiesa trasmessa fuq il-mezzi tax-xandir u mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni soċjali hi ta’ għajnuna kbira għal min ma jistax imur il-Knisja. Dawk li jistgħu jmorru l-Knisja għandhom jagħmlu hekk huma u jilqgħu l-istedina tal-Mulej: ‘Hienja dawk li huma mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-ħaruf (Apok 19:9)’.  Jalla ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd fil-parroċċi u l-knejjes tagħna tkun laqgħa sabiħa ma’ Alla u bejnietna li tagħtina r-ruħ u ġġeddidna għall-ħajja tal-imħabba Nisranija.  Niftakru dejjem fit-talb għażiż li għallimna San Ġorġ Preca: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”, “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

Bil-qalb nagħtukom il-Barka Pastorali tagħna.

Illum, 4 ta’ Ġunju 2023, Solennità tat-Trinità Qaddisa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Dun Jimmy Bonnici
Segretarju Ġenerali għall-Konferenza Episkopali Maltija

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading