“Ejja”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 22 ta’ Ġunju 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni tal-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-madonna-ta-pinu-il-hamis-22-ta-gunju-2023?si=6ef4579dbf4f4ef9a23535181cf5c7ea&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Ħafna snin ilu l-Madonna minn dan l-inkwadru sejħet lil Karmni Grima u qaltilha: “Ejja”. Hija kelma li ħafna minna nużaw. Hija kelma li jużaw il-ġenituri tat-tfal żgħar: ‘ejja għax se taqa’; ejja għamel il-homework; ejja ħa tinħasel; ejja ħa tiekol’. Hija kelma li jużaw it-tfal huma u jikbru, meta jibdew imorru l-iskola: ‘ejja ħa nilagħbu; ejja ħa noħorġu flimkien; ejja ħa niddevertu’. Hija kelma li jużaw iż-żgħażagħ, il-maħbubin: ‘ejja ħa niltaqgħu’. Hija kelma li jużaw l-adulti: ‘ejja ħa norganizzaw xi ħaġa flimkien; ejja ħalli nagħmlu pjan flimkien, ħa nipproġettaw flimkien’. Hija kelma li jużaw l-anzjani, b’mod speċjali man-neputijiet: ‘ejja oqgħod’.

Hija kelma li timplika interess fil-persuna li tiġi msejħa mill-persuna li ssejjaħ. Jekk jien ngħidlek ‘ejja’ jfisser li jien għandi interess fik. Ħafna drabi, kieku jkollna nirriflettu ftit, kull darba li ngħidu l-kelma ‘ejja’, ħafna drabi ngħiduha għax inkunu rridu l-ġid lill-persuna li nsejħu. Hemm mumenti fejn insejħu l-persuna għalina; imma meta wliedna jkunu żgħar, u mal-anzjani b’mod speċjali, il-kelma ‘ejja’ hija kelma li timplika li taħtha hemm xewqa ta’ ġid, li taħtha hemm imħabba lejn il-persuna.

Kieku jkollna nirriflettu, nindunaw li din il-kelma ‘ejja’ l-iktar li ngħiduha mal-persuni l-iktar li huma vulnerabbli u fraġli. ‘Ejja’ liż-żgħar u l-anzjani ngħiduha b’interess, bi mħabba, b’sapport, b’sostenn, b’għajnuna, għax irridu l-ġid lill-persuna.

Wara l-kelma ta’ Marija ‘Ejja’ lil Karmni Grima, wara l-preżenza tagħna hawnhekk dalgħodu – għax aħna wkoll b’xi mod smajna, forsi mhux b’widnejna imma f’qalbna, il-kelma ‘Ejja’ – hemm l-imħabba tal-Omm, hemm l-imħabba ta’ min sejħilna. Lil Karmni Grima, Marija qaltilha: ‘Ejja’, u waqfet. ‘Ejja’ mhux biex tagħmel xi ħaġa, imma l-ewwel u qabel kollox ‘Ejja’… u waqfet. ‘Ejja biex nilqgħek f’dari; ejja għax għandi wisa’ għalik; ejja għax f’qalbi għandi post għalik’. Dan kollu tgħidu lilna Marija; dan kollu qed iseħħ waqt li qegħdin hawn dalgħodu. ‘Ejja għax għandi post għalik; ejja għax qalbi ħerqana li tiltaqa’ miegħek; ejja ħallini nħobbok’.

Imma mbagħad Marija tkompli. Meta Karmni tidħol fil-kappella, Marija mill-kwadru titlobha: “Itlob tliet Sliema u Qaddisa, f’ġieħ it-tlitt ijiem li jien għamilt fil-qabar”. Mela wara li laqgħetha, wara li lil Karmni qaltilha li għandha wisa’ fid-dar tagħha, fil-qalb tagħha, Marija ssejħilha biex titlob. Din hija s-sejħa li jien nixtieq nagħmel eku tagħha dalgħodu. Ħaġa sabiħa li niġu hawn fid-dar, fil-qalb ta’ Marija; imma hemm is-sejħa li Marija tagħmel lil Karmni, u li Marija tagħmel lilna, li tkompli maċ-ċelebrazzjoni li qegħdin infakkru llum: ‘Ejja u itlob’!

Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku kull wieħed u kull waħda minna hawn preżenti dalgħodu, mhux biss ġejna hawn għax smajna l-‘Ejja’ ta’ Marija, imma mmorru minn hawn bis-sejħa li tagħmlilna biex nitolbu t-tliet Sliema u Qaddisa! Kemm ma tkunx ġrajja ta’ darba, imma ssir ġrajja ta’ kuljum, ta’ kull filgħodu, ta’ kull filgħaxija, din il-Festa kbira Ta’ Pinu, kieku aħna jkollna flimkien mal-familja tagħna nitolbu t-tliet Sliema u Qaddisa fid-dar! Aħna nafu kemm naqas it-talb fil-familji tagħna, nafu li ma għadniex nitolbu ġewwa l-ħitan ta’ djarna.

Inħossha ħafna din is-sejħa li qed tagħmlilna Marija dalgħodu, u nemmen li anki aħna li qegħdin hawn, qegħdin inħossuha lil Marija kif semgħetha Karmni ħafna snin ilu, tgħidilna: ‘Itolbu… almenu tliet Sliema u Qaddisa’.

Għalfejn nitolbu? Biex ma jiġrilniex diżgrazzji? Biex dak li aħna nixtiequ jseħħ? Le, mhux għalhekk nitolbu. Għalhekk ukoll, imma prinċipalment mhux għalhekk. Aħna nitolbu għax nafu li aħna mdendlin; mhux għax fil-periklu, imma għax niddependu kontinwament, anki bħalissa, mill-imħabba ta’ Alla għalina. U li nitolbu jfisser li nagħrfu din id-dipendenza, li nagħrfu li aħna weħidna m’aħniex biżżejjed għalina nfusna. Nagħrfu li l-ħajja tagħna hi don, hi rigal kontinwu li ġej minn Alla. Għalhekk nitolbu prinċipalment. U meta nitolbu, aħna ngħixu r-realtà tagħna, dak li aħna tassew: aħna wlied tal-Missier, aħna wlied Marija. L-ulied jitkellmu mal-ġenituri tagħhom, u ħafna mill-kliem tagħhom ikun talb, rikjesti, mistoqsijiet. Imma mhux biss, ikun iktar minn hekk.

Allura din il-Festa tal-lum, minbarra li tfakkarna li Marija għandha s-setgħa ta’ Omm li bil-qawwa ta’ Alla tagħtina dak li għandna bżonn, tfakkarna li dak li għandna diġà – dak li aħna diġà, l-eżistenza tagħna, il-familja tagħna, tajba jew ħażina, is-saħħa tagħna, tajba jew ħażina, il-ħbieb tagħna, ftit jew ħafna – huma kollha ġejjin kontinwament b’rigal minn Alla. Dan ifisser nisimgħu lil Ommna Marija titlobna u ssejħilna biex nitolbu. Dan ifisser li nagħrfu l-bżonn tat-talb fil-ħajja tagħna.

Marija u Karmni Grima jkomplu jgħajtu mhux biss issa, imma b’mod speċjali anki wara li nitilqu minn hawn, is-sejħa biex nitolbu. Jalla dak li qed nagħmlu hawn dalgħodu, nagħmluh kuljum, fiċ-ċokon, bejn il-ħitan tal-familja tagħna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading