Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa S. Maria Regina Pacis

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SANTA MARIJA REGINA PACIS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 23 ta’ Jannar 1983 

1. Għeżież ħuti tal-parroċċa ta’ Santa Marija Regina Pacis!

Il-Qari tal-liturġija ta’ dan il-Ħadd tistedinna niddedikaw il-meditazzjoni tagħna b’mod speċjali għat-tema tal-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu.

Dwar din it-tema jippronunzja ruħu bil-kbir San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, Biex jispjega r-rabta li hemm bejn Kristu u l-Knisja, huwa jinqeda bl-analoġija tal-ġisem.

“Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed . . . u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed” (1 Kor 12, 12-13).

Il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu. Hija l-Ġisem Mistiku tiegħu, għaliex fih jopera l-Ispirtu Santu. Huwa jagħmel iva li l-bnedmin – minkejja li huma differenti minħabba età, lingwa, nazzjon u razza – għandna f’Ġesù Krtistu Ħajja waħda biss.

Bħalma fil-bniedem ruħ waħda biss tagħmel iva li ħafna membri u ċelluli tal-organiżmu jkunu animati minn ħajja unika, hekk b’mod analogu jseħħ fil-Knisja: bnedmin differenti, imma animati minn Spirtu wieħed ta’ Alla, jikkostitwixxu, fi Kristu, Ġisem wieħed biss.

2. Il-kliem tal- ewwel Ittra lill-Korintin jistedinna biex inħarsu lejn il-Knisja bl-għajnejn tal-fidi. Hekk għandna lkoll inħarsu lejn il-Knisja fil-firxa tagħha universali, u hekk għandna wkoll inħarsu lejn dik il-parti tal-Knisja li lilha aħna nappartienu direttament.

Intom, għeżież ħuti, tappartienu lill-parroċċa ta’ Santa Marija Reġina Pacis, li hija waħda mit-tliet mija u ħames parroċċi tal-Knisja ta’ Ruma.

Permezz tal-parroċċa, u mbagħad permezz tad-dijoċesi, intom tappartienu lill-Knisja universali. Tikkostitwixxu, bħala Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu. Mhux biss intom il-membri ta’ organiżmu determinat li jissejjaħ “Knisja Kattolika”, imma, mill-waqt tal-Magħmudija Mqaddsa, intom b’mod organiku marbutin ma’ Kristu.

Ladarba kontu “mgħammda fi Spirtu wieħed” u li xrobtu minn Spirtu wieħed” intom membru ta’ Ġisem wieħed. Dan il-Ġisem huwa l-Knisja: Ġisem Mistiku ta’ Kristu.

3. F’din il-Knisja kulħadd iwettaq il-funzoni tiegħu, l-istess kif iwettqu l-funzjoni tagħhom il-membri – u ċ-ċelluli – fil-ġisem uman. Il-funzjoni ta’ kull membru u ta’ kull ċellula – kif jesprimi b’mod allegoriku San Pawli – hija b’mod armonjuż inserita fl-organiżmu tal-bniedem. F’dan l-organiżmu hija hi meħtieġa u irrepetibbli.

Waqt li jsegwi din l-analoġija, l-Appostlu jikkwota diversi funzjonijiet, li diġa fil-Knisja primittiva kienu jiddistingwu ruħhom b’mod sinifikattiv, waqt li fl-istess ħin kienu jikkontribwixxu għall-ħajja flimkien. Dawn il-funzjonijiet huma marbutin ma diversi doni, jiġifieri mal-kariżmi.

San Pawl jikkwota: “appostli, profeti, għalliema”, imbagħad “jiġu l-mirakli, imbagħad id-doni tal-fejqan, id-doni tal-assistenza, tat-tmexxija, tal-lingwi” (1 Kor 12, 28).

Fil-parroċċa tagħkom niltaqgħu mar-rgħajja tal-erwieħ, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-lajċi, u fosthom, persuni li jiddedikaw ruħhom għall-apostolat l-iktar differenti.

Hemm numru ta’ katekisti, membri ta’ assoċjazzjonijiet differenti, dawk li jappartienu lill-kunsill pastorali, persuni li jiddedikaw ruħhom għas-servizz karitattiv, parteċipanti fil-movimenti apostoliċi differenti fost l-anzjani u fost iż-żgħażagħ, membri tas-servizz liturġiku, letturi, kanturi, eċċ.  

U, fl-istess ħin kull parruċċan u kull parruċċana jgħixu f’ċertu stat ċivili u jeżerċitaw ċerta professjoni. Intom irġiel u nisa miżżewġa, romol, għarajjes: imma intom ukoll għalliema jew student, tobba, ġuristi, ħaddiema fil-kummerċ jew inkella fl-uffiċċji. Dan kollu mhuwiex mingħajr rabta mal-vokazzjoni ekkleżjali tagħkom, li bis-saħħa tagħha twettqu il-parti tagħkom tal-ġid fil-Ġisem ta’ Kristu.

4. Din il-meditazzjoni rigward il-Ġisem mistiku ta’ Kristu hija estremament konsolanti u korroboranti. Jiena nesperimenta l-effetti benefiċi kull darba li niltaqà ma’ grupp ta’ fidili jew ma’ komunità sħiħa parrokkjali. Kif qiegħed iseħħ illum hawn f’Monteverde Vecchio. Kif diġa fil-visti f’parroċċi oħra, illum ukoll inħoss ferħ kbir li ninsab f’nofskom u li qiegħed inġedded b’mod iktar sod dak l-irbit ekkleżjali li jagħmel minna gisem wieħed u spirtu wieħed. B’dan il-ħsieb insellmilkom ilkoll, u nberikkom ilkoll f’isem il-Mulej. Insellem b’mod partikolari lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqof awżiljarju tas-Settur tal-Punent, lill-Kappillan żelanti, Patri Luigi Emiliani, lill-kollaboraturi tiegħu u lill-Kanonċi kollha regolari tal-Immakulata Konċezzjoni, li lilhom ġiet afdata r-rresponsabiltà tal-attenzjoni pastorali ta’ din il-pasrroċċa, li b’din iż-żjara tiegħi qiegħda tikkonkludi ċ-ċelebrazzjonijiet għall-ħamsin sena tat-twaqqif tagħha li seħħet preċiżament nhar il-25 ta’ Marzu 1932.

Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll għall-komunitajiet reliġjużi numerużi maskili u femminili u għad-diversi Istituti sekolari li jgħixu fiż-żona u mpenjati, b’modi differenti, fl-animazzjoni nisranija. Insellem b’mod kordjali lill-qawwiet vitali kollha li joperaw fl-isfera tal-istrutturi parrokkjali: l-Azzjoni Kattolika, il-Kunsill pastorali, L-Apostolat tat-talb, L-Opra ta’ Santa Monika, il-Lampade Viventi, il-Grupp taż-żgħażagħ, is-Servizz soċjali, iċ-ċentru tal-adulti, il-Grupp tal-ispiritwalità għar-romol, il-Grupp tal-iscouts u l-Grupp tal-ACLI. Waqt li nenfasizza l-importanza tal-katekeżi fid-diversi livelli u fid-diversi waaqtiet tal-ħajja sagramentali tal-komunità, nixtieq  nesprimi kelma ta’ tifħir u ta’ inkuraġġiment lil dawk li jiddedikaw ruħhom għaliha b’ġenerożità u kompetenza.

Imma, intom ilkoll, għeżież parruċċani ta’ Santa Marija Regina Pacis, għandkom post f’qalbi u lilkom ilkoll, fil-qrib u fil-bogħod, nassikura it-tifkira fit-talb sabiex il-Mulej jassistikom f’ħajjitkom familjari u professjonali, u jagħmel dejjem ikbar mill-parroċċa tagħkom Komunità nisranija awtentika, li tgħix profondament il-Vanġelu u li tesprimi l-esiġenzi ta’ għaqda, u ta’ mħabba, b’mod speċjali f’dawn il-jiem tal-ottavarju ta’ talb għall-għaqda tal-insara.

5. U issa xi ħaġ’oħra.

L-ewwel qatri meħud mill-ktieb ta’ Nehemia, ifakkarna b’liema qima l-Poplu ta’ Alla tsat-Testment il-Qadim kien jismà l-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa, moqri mis-saċerdot Esdra fil-jum “kkonsagrat lil Alla”: “Esdra fetaħ il-ktieb fil-preżenza tal-poplu kollu . . ., kif fetaħ il-ktieb, il-poplu kollu qam bilwieqfa, Esdra bierek il-Mulej Alla kbir u l-popliu kollu wieġeb: Amen, amen!” (Esd 9, 5-6).

Il-Vanġelu ta’ San Luqa jwasslilna l-episodju ta’ Ġesù, li fil-nidu tal-attività messjanika tiegħu jaqra, fis-sinagoga ta’ Nażżaret, mill-ktieb tal-profeta Iżaija silta, li kienet tirriferi propju għalih!

Jalla dan ikun għalina ndikazzjoni ta’ kif għandna naqraw il-Kelma Divina, b’liema predispożizzjoni għandna nisimgħuha u kif għandna napplikawha għalina nfusna.

“Kliemek, Mulej, huwa spirtu u ħajja” (cf. Ġw 6, 63). Jekk nilqgħuh b’qalb disposta sabiex dan isir l-ħajja ta’ ruħna, mela se jwettaq fina dak li b’tant entużjażmu jesprimi s-Salm tal-Liturġija tallum: “Il-liġi tal-Mulej perfetta, / tqawwi r-ruħ; / ix-xhieda tal-Mulej hija ġenwina, / tirrendi għaqli lis-sempliċi.  / L-ordnijiet tal-Mulej huma ġusti, / iferrħu l-qalb; / l-għamar tal-Mulej huma ċari, / jagħtu d-dawl lill-għajnejn” (Sal 19, 8-9).

Jalla jkun hekk, għeżież ħuti, f’kull wieħed u waħda minna. Jalla s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla jferraħ lil qlubna u jiggwida l-imġieba tagħna fis-Sena tal-Mulej 1983 u tul-ħajjitna kollha Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading