Inħallu l-Kelma tiġġudikana

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 29 ta’ Awwissu 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista. Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista, Xewkija.

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-persunaġġi prinċipali tal-ġrajja li smajna (Mk 6:17-29) huma tlieta: Ġwanni l-Battista, Erodi u Erodja (il-mara ta’ ħuh Filippu), li kienet ma’ Erodi. Imbagħad hemm oħrajn: it-tfajla li ħarġet tiżfen, in-nies, il-mistednin.

Nistaqsikom u nistaqsi lili nnifsi llejla: Imma jien lil min nixbah l-iktar minnhom? Ġwanni l-Battista, Erodi, jew Erodja? Kulħadd iwieġeb għalih. Jiena naħseb li t-tlieta li huma qegħdin f’kull wieħed u f’kull waħda minna. Dan il-Vanġelu huwa ritratt ta’ dak li jiġri spiss ġo qalbna. Minn naħa għandna l-istinti, l-impulsi, ir-rabja, il-ġibdiet sesswali tagħna, dik il-parti li tfittex kontinwament li tkun sew, li lanqas toqgħod biss tara biex tkun sew jekk hux se tweġġa’ lil xi ħadd ieħor, jekk hux se tagħmel inġustizzja ma’ xi ħadd ieħor. Din il-parti ma’ min inxebbhuha? Ma’ Erodja, illi telqet ir-raġel tagħha Filippu biex titħabbeb u toqgħod ma’ Erodi. Lil Erodja Ġwanni tant qabbiżhielha li spiċċat trid toqtlu, u fil-fatt waslet biex għaddiet tagħha u qatlitu. Din il-parti qiegħda fina b’xi mod. Inħossuhom dawn l-impulsi u l-istinti, il-bżonnijiet tagħna, għax aħna bnedmin.

Imbagħad hemm parti oħra fina, dik li toqgħod tikkalkula u tgħid: ‘Imma jien jekk se nagħmel hekk, imbagħad x’se jgħidu n-nies? Jekk jien nitkellem hekk, imbagħad lili kif se jiġġudikawni, kif se jqisuni? U jekk nagħmel hekk, jien jaqbilli? Jista’ jkun li nitlef il-ħbiberija ta’ xi ħadd jew ta’ xi wħud? Imma min-naħa l-oħra l-verità hija din u ma nistax niċħadha’. Ħa nġibu eżempju prattiku u konkret. Jien raġel miżżewweġ, jew jien mara miżżewġa, inġbidt lejn xi ħadd ieħor. Il-parti tal-ġibda hija l-parti ta’ Erodja. Imma nibda nirraġuna, nikkalkula u ngħid: ‘Imma jekk jien sempliċiment nibgħat messaġġ, jew jekk jien sempliċiment nikteb email, jew jekk jien sempliċiment niltaqa’ miegħu jew magħha għal kafѐ, inkun qiegħed minn naħa nsalva ż-żwieġ tiegħi u min-naħa l-oħra ma nonqosx milli jrid Alla minni, ma nħallix lill-oħrajn ipaċpċu fuqi. Nidher sewwa quddiem in-nies, nibqa’ għaddej jew għaddejja kif kont qabel, u nipprova minn naħa naqdi l-bżonnijiet u l-istinti tiegħi, u min-naħa l-oħra ma nidhirx ikrah jew kerha quddiem in-nies’. Din il-parti fl-istorja li għadna kif smajna hi l-parti preċiża ta’ Erodi.

Imbagħad hemm parti oħra fil-fond tal-qalb tagħna: il-vuċi ta’ Alla, li qiegħda fina, f’kull wieħed u waħda minna. Din tagħtina direzzjoni u turina x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, turina lejn fejn għandna nimxu, turina liema ġlidiet irridu niġġieldu: dak li hu t-tajjeb, mhux għalija, mhux għall-ieħor jew għall-oħra, dak li hu tajjeb fih innifsu. Dak li hu tajjeb fl-aħħar mill-aħħar għal kulħadd, anki għalija stess. Il-vuċi ta’ Alla, il-Kelma ta’ Alla illi hija d-dawl, il-gwida li tagħmel il-ġid mhux lilu – għax hu m’għandux bżonn illi aħna nagħmlu t-tajjeb, m’għandux bżonn illi aħna b’xi mod ma noffenduhx – imma l-ewwel u qabel kollox lilna u lin-nies ta’ madwarna.

Il-Kelma ta’ Alla tgħidlek: ‘Isma’, jekk qed tħoss ġibda lejn mara oħra li mhix tiegħek, jekk qed tħoss ġibda lejn raġel ieħor li mhux tiegħek, minflok tkompli tilgħab u tagħmel il-kompromessi miegħek innifsek u mas-sitwazzjoni tiegħek, raġel miżżewweġ jew mara miżżewġa, ipprova ikber fl-imħabba tiegħek lejn martek, ipprova dak li qed tħoss lejn dik il-persuna ħossu, ħaddmu, kabbru mal-persuna illi inti msejjaħ tħobb bis-sagrament taż-żwieġ. Ipprova dawk l-emozzjonijiet ġodda li qed tipprova, is-sabiħ tagħhom, indirizzahom u dawwarhom fuq il-persuni tal-familja tiegħek’. Din hi l-vuċi ta’ Alla ġewwa fina.

U aħna nistgħu nieħdu jew il-parti ta’ Erodja, jew il-parti ta’ Erodi, jew il-parti ta’ Ġwanni l-Battista. Jekk nieħdu l-parti ta’ Erodja, x’nagħmlu? Nobdu l-istinti u l-bżonnijiet tagħna u niġu naqgħu u nqumu jekk aħniex se nweġġgħu lil dak jew lil dik, jekk aħniex fl-aħħar mill-aħħar se nweġġgħu lilna nfusna. Għax jiena rrid nara Erodja kif ħassitha wara, meta qatlet raġel ta’ Alla, u mhux biss… meta kienet taf li Erodi kien jipprova jżomm sieq fuq naħa u sieq fuq l-oħra.

Erodi kien iħobbu lil Ġwanni l-Battista, tant li fil-Vanġelu għandna kelma gustuża ħafna. Il-Vanġelu jgħidilna li Erodi kien iżomm lil Ġwanni fil-ħabs, imma l-kelma illi hemm użata tfisser aktar ‘jipproteġih’, kważi jipproteġih minn Erodja billi jżommu fil-ħabs. Sab dak il-kompromess Erodi: minn naħa jżommlu ħalqu magħluq għax fil-ħabs, imma min-naħa l-oħra jżommu ħaj, għax kien iħobbu; minn naħa jsalva l-imħabba li kellu hu għal Ġwanni, isalva xi ftit jew wisq il-verità illi Erodi kien jaf li Ġwanni qed jgħid, u min-naħa l-oħra jsodd ħalq Erodja billi lil Ġwanni ma jħallihx jitkellem, għax poġġieh fil-ħabs.

U kemm nagħmlu minn dawn il-manuvri fil-ħajja tagħna! Imma jekk aħna nagħmlu bħal Erodi, nippruvaw inżommu sieq fuq naħa u sieq fuq l-oħra, jiġrilna bħalu fl-aħħar tafux! Ġie mument illi ma setax jikkontrolla iktar is-sitwazzjoni, ma setax ma jiddeċidix, u kellu bilfors jieħu pożizzjoni jew kontra Erodja u jgħidilha le – ‘Jiena nemmen u naf li Ġwanni qiegħed jgħid il-verità’ – jew inkella, kif b’xorti ħażina għamel, qata’ ras Ġwanni l-Battista, qata’ r-ras tal-verità, għalaq ħalq il-verità biex ma jismagħhiex aktar.

U aħna din tiġrilna spiss f’ħajjitna: kemm naqtgħu ras u nagħlqu ħalq il-verità! Xi ħadd jiġi jgħidli xi ħaġa vera, li tmissli qalbi, imma jien billi ma niflaħx nilqagħha dik il-verità, lil dik il-persuna li ġiet tgħidhieli niskreditaha u ngħid: ‘U dak għax ma jarax tiegħu!’. U dak li qalli biex ikun għamilli servizz, għax qalli l-verità, itir mar-riħ, inħallih għaddej, qtajtlu rasu! Kemm-il darba tiġrili fil-ħajja illi nisma’ xi ħaġa u lili tolqotni u tmissni minn ġewwa, u ngħid: ‘Imma s-saċerdoti mhux kollha kemm huma imbroljuni, mhux kollha kemm huma jiżbaljaw! Mela dak li jgħidulna ma jgħoddx!’. Iva, veru, il-qassisin kollha imbroljuni, u kollha niżbaljaw, aħna kollha midinbin… jiena naċċettaha bil-qalb. Imma l-verità, jgħidha min jgħidha, anki jekk jgħidha tifel żgħir, tibqa’ verità. U jien inkun niżbalja jekk ma nħallix il-verità ddawwalli ħajti, inkun niżbalja jekk ma nħallix il-Kelma ta’ Alla tiggwidali ħajti.

Ieqfu rriflettu ftit. Min għadu ħaj minnhom it-tlieta? Erodi, Ġwanni l-Battista, jew Erodja? Dakinhar minn barra kulħadd ħaseb li rebħu Erodja u xi ftit Erodi, għax jien nimmaġina illi Erodi ma ħassux sew wara l-biċċa xogħol li għamel. Imma llum, kieku mhux għax kien Ġwanni l-Battista li qatgħulu rasu, kieku ħadd minnhom it-tnejn m’għadu jissemma, ħadd minnhom it-tnejn m’għadu jitkellem u jgħid xejn lili, lilek, lilna lkoll. Min għadu jgħidilna xi ħaġa llum lilna? Dak li qatgħulu rasu. Min għadu jitkellem u jgħajjat b’saħħa kbira? Dak illi l-verità kienet ħajtu, dak li għall-verità ta ħajtu.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex ma nsikktux il-verità fina. Jiena nibża’ li qed ngħixu fi żmien fejn din il-verità – Ġwanni l-Battista li hemm fija, li hemm fik, li hemm fina – qegħdin naqtgħulha rasha malajr, m’aħniex inħalluha titkellem. Mhux se noqgħod insemmi l-elenki twal… Fejn tidħol il-verità, ngħidu aħna l-gideb, nigdbu lil xulxin qisu ma jiġri xejn. Fejn tidħol il-fedeltà fiż-żwieġ, qisu mhu jiġri xejn. Fejn jidħol il-kummerċ, x’nagħmel bil-flus, qisu mhu jiġri xejn. Fejn jidħol ir-rispett lejn il-persuni l-oħra, b’mod speċjali lejn il-barranin li hawn f’nofsna, lejn dawk li għandhom ġilda differenti minn tagħna, qisu mhu jiġri xejn. Lil Ġwanni l-Battista qtajnielu waħda sew rasu, mhux l-istatwa jew il-kwadru, imma ġo qalbna.

Ejjew nitolbu lill-Mulej fil-Festa tal-lum biex kif Ġwanni l-Battista, l-uniku wieħed li qatgħulu rasu fl-istorja li smajna, hu waħdu għadu ħaj, hekk ukoll fil-ħajja tagħna l-vuċi tiegħu, tal-messaġġier ta’ Alla, tal-Kelma ta’ Alla tibqa’ ħajja fina. Inkunu almenu bħal Erodi, inkunu kapaċi ngħixu l-kunflitt. Erodi kien kapaċi jgħix il-kunflitt kontinwu, kien jaf li qed jagħmel ħażin, imma l-Kelma ta’ Alla li turih li qed jagħmel ħażin ried iżommha, ma riedx jeqridha, ma riedx jaqtgħalha rasha. Almenu dik inħalluha tiġġudikana, tikkundannana, turina l-verità tagħna, għax imbagħad jekk inħalluha preżenti f’ħajjitna, din il-Kelma ssalvana.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading