Ġwanni Pawlu II fil-Bażilika ta’ Santa Sabina all’Avventino

Print Friendly, PDF & Email

L-EWWEL STAZZJON TAR-RANDAN
FIL-BAŻILIKA TA’ SANTA SABINA ALL’AVENTINO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa ta’ Rmied, 16 ta’ Frar 1983

1. Illum il-Knisja tipproklama r-Randan, iż-żmien il-kbir ta’ penitenza ta’ erbgħin jum. Fil-Liturġija nisimgħu l-kliem tal-Profeta Ġoel: “ipproklamaw sawma” (Ġl 2, 15). Il-Knisja tirreferi għal dan il-kliem u ġġib ruħha skont il-kwalità tiegħu. Tipproklama s-sawm sagru li tul l-erbgħin jum għandu jħejjina għall-Għid.

Nixtiequ b’dan il-mod nimitaw l-Mudell tal-istess Kristu Mulej, li fil-bidu tal-missjoni messjanika f’Iżrael isum għal erbgħin jum. Nixtiequ wkoll nagħmlu riferenza għall-mixja tal-poplu ta’ Alla fit-Testment il-Qadim, mixja li tul erbgħin sena wasslet lil dan il-poplu taħt it-tmexxija ta’ Mosè mill-iskjavitù tal-Eġittu għall-Art Imwegħda.

Il-Knisja tibda mela r-Randan tas-Sena tal-Mulej 1983 u tipproklamaha llum permezz tar-rit liturġiku li fih qegħdin nieħdu sehem. Irjusna jiġu mroxxa bi rimed u ċ-ċelebrant, waqt li jagħmel dan, ilissen il-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi: “Ftakar li int trab, u trab trid issir” (cf. Ġen 3, 19), jew inkella l-kliem tal-Vanġelu: “Ikkonverti u emmen fl-Evanġelju” (Mk 1, 15).

2. Aħna msejħin biex nagħmlu “opri ta’ ħniena”, paltikolarment l-għotjiet ta’ karità, it-talb u s-sawm. Dawn l-opri jixhdu dejjem, fid-diversi epoki u wkoll fid-diversi reliġjonijiet, ta’ sottomissjoni ta’ dak li hemm fil-bniedem karnali u estern għal dak li huwa spiritwali u intern.

Il-Mulej Ġesù fil-Vanġelu tallum isejħilna wkoll għal tali opri. U l-Knisja taqra dan il-Vanġelu fil-bidu tar-Randan. Għadna kemm smajnieh ftit ilu.

Huwa sinifikattiv li Kristu mhux tant isejjaħ għall-għoti tal-Karità, għat-talb u għas-sawm, daqskemm jindika kif għandna nwettqu dawn l-opri ta’ ħniena: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal għajn in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas minn għand Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 6, 1).

Mela – iva – hemm f’dan il-kliem inkuraġġiment għall-għoti tal-karità, għat-talb u għas-sawm. Imma qabel kollox hemm appell għat-twettiq ta’ tali opri “fis-sigriet”: quddiem il-Missier. “U Missierek, li ra dak li hu moħbi, iroddlok hu (Mt 6, 4).

3. Ir-Randan huwa mela ż-żmien li fih nidħlu fina nfusna. Huwa l-perijodu ta’ intimità ma’ Alla partikolari fis-sigriet tal-kuxjenza propja. F’tali ntimità nterna ma’ Alla tattwa ruħha l-opra essenzjali tar-Randan: l-opra tal-konverżjoni.

F’tali sigriet intern ma’ Alla nnifsu fil-verità kollha tal-qalb propja u tal-kuxjenza propja, jerġà jidwi l-kliem bħal dak tas-Salm tal-Liturġija tallum: waħda mill-istqarrijiet l-iktar profondi li l-bniedem qatt għamel quddiem Alla: “Ħniena minni, o Alla, skont il-ħniena tiegħek; / fit-tieba kbira tiegħek ħassar dnubi. / Aħsilni minn ħtijieti kollha, / naddafni minn dnubi, / Jien nagħraf ħtijieti, / dnubi jinsab dejjem quddiemi. / Kontrik, kontrik biss dnibt, / dak li hu ħażin f’għajnejk, jiena għamiltu” (Sal 51, 1-6).

4. Dan huwa kliem purifikanti. Kliem li jbiddel, Dan jibdel lill-bniedem minn ġewwa, u huwa xhieda tal-bidla. Ejjew intennuh spiss matul ir-Randan. U fuq kollox ejjew infittxu li nġeddu dan l-ispirtu li jtih il-ħajja: dak in-nifs intern li propju ma’ dan il-kliem rabat il-qawwa tal-konverżjoni.

Ir-Randan infatti huwa essenzjalment stedina għall-konverżjoni. L-“opri tal-ħniena” li dwarhom jitkellem il-Vanġelu jiftħu it-triq għal dan. Ejjew inwettquhom sa fejn hu possibbli. Imma, qabel kollox ejjew naħdmu għal-laqgħa nterna ma’ Alla f’ħajjitna kollha, f’dak kollu li hija magħmula minnu – u qabel din il-profondità ta’ konverżjoni lejh, li toħroġ mis-Salm penitenzjali tal-Liturġija tallum.

5. “Nitolbukom f’isem Kristu: agħmlu ħbieb ma’ Alla”. Hekk jikteb l-Appostlu lill-Korintin (2 Kor 5, 20). U hekk tkellem il-Knisja, ommna lil uliedha kollha. Jalla jkun hekk illum, l-ewwel jum tar-Randan, kif ukoll tul il-korsa ta’ dan il-perijodu kollu.

“Agħmlu ħbieb ma’ Alla”, għaliex huwa tant għamel għal din ir-rikonċiljazzjoni min-naħa tagħna. Huwa ttrattaha bħallikieku kien id-dnub huwa nnifsu favur tagħna lil Dak li qatt ma għaraf id-dnub, sabiex aħna nkunu nistgħu insiru permezz tiegħu ġustizzja ta’ Alla (cf. 2 Kor 5, 21). Mela,“agħmlu ħbieb”, tfisser: idħlu f’din il-ġustizzja ta’ Alla li tiġi offruta lilna fi Kristu!  

Ir-Randan huwa propju ż-żmien li fih għandna nirrendu preżenti partikolarment din il-ġustizzja ta’ Alla f’Ġesù Kristu. Il-Knisja kollha għandha tirrendiha preżenti għaliha nfisha. U kull nisrani għandu jagħmel dan fil-komunità tal-Knisja. Nirrenduha preżenti. Nikkollaboraw ma’ din il-ġustizzja ta’ Alla f’Ġesù Kristu.

“U ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla aħna nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għalxejn” (2Kor 6, 1).

6. Illum, l-Erbgħa tal-Irmied, fil-bidu tar-Randan 1983, li matulu se jinfetaħ il-bieb tal-Ġublew tar-Redenzjoni, wara li raxxejna rjusna bl-irmied, ejjew nitolbu b’umiltà, sabiex il-Grazzja ta’ dan iż-Żmien Sagru, ma tkunx għalxejn fina.  Jalla aħna ma nilqgħuhiex għalxejn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading