Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa Rumana ta’ S. Ġwann Vianney

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN GIOVANNI VIANNEY
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 27 ta’ Frar 1983

1. “Dan huwa Ibni, il-maħtur, isimgħu lilu” (Lq 9, 35).

Il-Ħadd li għadda, l-ewwel Ħadd tar-Randan, Kristu deher quddiemna fuq il-muntanja tat-tentazzjoni. Illum, it-tieni Ħadd tar-Randan, jinsab fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni. Bħal ġimgħa ilu, illum ukoll jakkumpanjah l-applaws tagħna: “Tfħir u unur lilek, Mulej Ġesù!”.

Fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni Kristu juri lilu nnifsu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni fil-glorja tassew. Din il-glorja tixtered mal-figura umana kollha tiegħu: “U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex” (Lq 9, 29). Din il-glorja tagħtina ħjiel tal-ambjent tiegħu: “U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu: kienu Mosè u Elija li dehru fil-glorja tagħhom” (Lq 9, 30-31).

2. Dan seħħ quddiem għajnejn l-Appostli magħżula għal dan. Pietru, Ġakbu u Ġwanni jinħatfu minn din il-viżjoni u fl-istess ħin inħatfu mill-biżà. It-trasfigurazzjoni tiżvelalhom kif ma kinux jafuh fil-ħajja ta’ kuljum. Kristu jinsab quddiemhom bħala Dak li fih jitwettaq il-Patt il-Qadim. Imma, fuq kollox, Kristu jinsab quddiemhom bħal l-Iben maħtur tal-Missier Etern,, li lilu hemm bżonn li nagħtuh fidi assoluta u nuruh ubbidjenza totali.

Huwa mhuwiex biss Dak li fih jitwettaq l-Patt il-Qadim irrapreżentat fuq il- muntanja tat-trasfigurazzjoni minn Mosè u Elija; huwa fuq kollox il-werriet tal-wegħda l-kbira magħmula minn Alla lil Abraham, missier dawk kollha li jemmnu (Abraham jiġi mfakkar minn l-ewwel qari tal-liturġija tallum).

Għall-Appostli, preżenti fuq il- muntanja tat-trasfigurazzjoni, Kristu huwa fl-aħħar ir-rifuġju u t-tabernaklu taż-żelu spiritwali u tal-feliċità. Dan jiġi espress fil-kliem ta’ Pietru: “Mgħallem, kemm hu sew għalina li qegħdin hawn” (Mt 9, 33).

3. Fl-ewwel Ħadd tar-Randan il-Knisjs qegħdet quddiem għajnejna tal-fidi lil Kristu tal-muntanja tat-tentazzjoni. Illum, fit-tieni Ħadd, hija tqiegħed lil Kristu tal-muntanja tat-trasfigurazzjoni. Il-wieħed u l-ieħor jagħmlu parti tal-programm tal-katekeżi tar-Randan, tal-programm tal-mistogoġija tar-Randan. Iż-żewġ grajjiet jikkostrinġuna għal riflessjoni profonda fil-fidi. It-tnejn li huma ma jippermettux li jinħlew għal-kollox. Għal kull waħda minnhom nerġgħu lura dejjem mill-ġdid biex niksbu dak id-dawl partikolari li joħroġ minnhom u li jillumina l-għajnejn ta’ ruħna.

Min hu Ġesù Kristu? Dak li jidher fuq il-muntanja tat-tentazzjoni, u llum jinsab fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni? Min hu Ġesù Kristu? Dak li jinsab quddiemna fil-liturġija tallum biex imexxina fit-toroq tat-tiġdid tar-Randan?

4. Is-salm responsorjali donnu jagħtina tweġiba: Ġesù Kristu huwa Dak li jikkostrinġina dejjem mill-ġdid, biex nfittxu lil Alla. It-tiftix ta’ Alla jimla ħajjitna terrena kollha: “. . . wiċċek, Mulej, jien infittex. / La taħbilix wiċċek. / La twarrabx bir-rabja lill-qaddej tiegħek. / Int l-għajnuna tiegħi, la titlaqnix . . . / Dwarek qaltli qalbi: / Fittex lil wiċċu” (Sal 27, 8-9).

Il-qalb tgħid lill-bniedem li ħajtu kollha jkollha sens jekk hija tiftix ta’ Alla. Kristu jidħol f’dan il-leħen ta’ qalbna, iqawwiha, jitkellem dwar Alla bħalma ħadd qatt ma tkellem. Jirrivela lil Alla. Fit-tiftix uman tagħna iġib id-dawl tal-Vanġelu. Billi nfittxu lil Alla, ejjew ma nibqgħux fid-dlam tal-ħwejjeġ maħluqa, imma tiġina l-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla ħajja. U għalhekk nistgħu intennu mas-salmista: “Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi / minn xiex għandi nibzà? / Il-Mulej huwa d-difiża ta’ ħajti, / minn min għandi nitwerwer?” (Sal 27, 1).

Ir-Randan huwa l-perijodu li fih it-tiftix tagħna ta’ Alla għandu jsir intens b’mod partikolari. F’dan il-perijodu hemm bżonn ukoll li nkunu b’mod speċjali fl-intimità mad-dawl, li Kristu jġib biex iressaq lil Alla qribna. Dan id-dawl jiġi mill-Kelma ta’ Alla Ħajja.

Tifħir lilek, Kelma ta’ Alla!

5. Min hu Ġesù Kristu? Dak li jinsab quddiemna fiż-żmien tar-Randan bil-Vanġelu ta’ Kelmtu u ta’ Salibu?

Waqt li nimmeditaw dwar il-qari tal-liturġija tallum, b’mod partikolari dwar l-Ittra lill-Filippin, ejjew inkunu lesti li nwieġbu: Kristu huwa Dak li jġegħlna naraw f’dawl ġdid l-umanità tagħna; Dak li jibdilha b’mod profond.

San Pawl jenfasizza, f’kuntrast akut, kif din l-umanità tirrifletti ruħha fil-bnedmin li “jġibu ruħhhom ta’ għedewwa tas-salib ta’ Kristu” (Fil 3, 18); fil-bnedmin “moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja” (Fil 3, 19); u mill-banda l-oħra, huwa juri kif tirrifletti ruħha f’dawk li jistennew lil Ġesù Kristu (cf. Fil 3, 20). Biddlilna dan il-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu” (cf. Fil 3, 21).

L-Appostlu jitkellem dwar il-“ġisem”. Kristu jibdel l-umanità tagħna minn ġewwa u għal din il-metamorfosi (bidla) spiritwali jipparteċipa wkoll il-ġisem uman.

6. Hekk mela Ġesù Kristu huwa Dak li jillibera fil-bniedem it-tiftix ta’ Alla u, fl-istess ħin, huwa Dak li jgħin lill-bniedem biex jibdel l-umanità tiegħu biex mill-ġdid isib id-dinjità kollha tiegħu.

Fuq dawn iż-żewġ veritajiet, meħuda mil-Liturġija tal-Ħadd tar-Randan, ejjew illum nimmeditaw flimkien, għeżież parruċċani tal-parroċċa Rumana ddedikata lil San Ġwann Marija Vianney. Tafu li l-patrun tal-parroċċa tagħkom, magħruf komunament bħala “il-Kurat ta’ Ars”, segwa huwa stess, f’ħajtu kollha, lil Kristu, u ġibed warajh multitudnijiet ta’ persuni, li mid-dinja kollha grew biex isibu fih il-konfessur u d-direttur spiritwali. Skont il-mudell ta’ Kristu, kien jgħallimhom ifittxu lil Alla u biex isibu mill-ġdid il-qdusija tal-umanità tagħhom.

7. Illum, fl-okkażjoni tal-vista pastorali tiegħi lill-parroċċa ta’ San Ġwann Marija Vianney – li tagħlaq din is-sena 20 sena mill-fundazzjoni kanonika tagħha – nixtieq insellem kordjalment lill-Kardinal Vigarju Ugo Poletti, L-Isqof taż-żona, Monsinjur Giulio Salimei, l-Isqof ta’ Treviso, Mons. Antonio Mistrorigo, li huwa hawn preżenti minħabba li – kif inhu magħruf – mill 1974 din il-parroċċa kienet afdata lis-saċerdoti ta’ dik id-dijoċesi, appartenenti lis-“Società di Vita Apostolica del Prado”, li s-Superjur ġenerali tagħha huwa wkoll f’nofsna llum. Lid-dijoċesi ta’ Treviso u lis-Società del Prado nixtieq nesprimi f’din iċ-ċirkortanza sinifikattiva, il-gratitudni tiegħi personali u dik tad-dijoċesi għar-responsabiltà pastorali, li huma assumew għall-iskop li jiffaċċjaw il-problemi pastorali ta’ din iż-żona ta’ Ruma.

Nindirizza tislima ta’ mħabba lill-Kappillan,Dun Giovanni Pesce, u lill-kollaburatur tiegħu, Dun Antonio Viale; lis-Sorijiet Franċiżi tal-Istitut ta’ ħajja komuni tal-Prado. Irrid infakkar u nsellem lill-komponenti kollha tal-Komunità parrokkjali, li b’impenn partikolari u b’ġenerożità feħsiebhom jagħtu xhieda nisranija fl-ambjent tagħhom: il-membri tal-Kunsill Pastorali parrokkjali; il-gruppi differenti tal-Azzjoni Kattolika; il-gruppi tal-Vanġelu; il-katekisti rġiel u nisa; il-gruppi ta’ wara l-Griżma; il-grupp ta’ “San Ġużep”; dak tal-Opra tal-irtiri ta’ perseveranza; il-grupp tal-GIOC (Gioventù operaia cristiana). U nsellem bi mħabba mhux inqas lill-għoxrin elf abitant kollha, li jgħixu fl-isfera tal-parroċċa: il-missirijiet, l-ommijiet, iż-żgħażagħ, li numru mhux żgħir minnhom għadhom qegħdin ifittxu xogħol; iż-żgħażagħ, it-tfal, it-trabi, u tifkira speċjali nindirizzaha lill-morda u lill-anzjani.

Il-vista tiegħi lill-Komunità Parrokkjali tagħkom irridha tkun inkoraġġiment biex tkomplu toperaw b’entużjazmu u dedikazzjoni sabiex tikbru u timmaturaw flimkien fil-fidi ta’ Ġesù Kristu.

8. “Pajjiżna . . . huwa fis-smewwiet u minn hemm nistennew jiġi bil-ħerqa, is-Salvatur tagħna Sidna” (Fil 3, 20), Kristu li l-liturġija ta’ dan il-Ħadd turina fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni. Nistennew lil dan Kristu u nimxu warajh, Huwa hu it-Triq, il-Verita u l-Ħajja tagħna.

“Għalhekk, intom ħuti, li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej!” (Fil 4, 1). Amen!  

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading