VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SIDTNA TA’ LOURDES
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
IL-Ħadd, 13 ta’ Frar 1983
Għeżież ħuti!
1. Kuntent li ninsab f’nofskom f’dan il-Ħadd li fih tiċċelebraw il-festa tal-Patruna ċelesti tal-parroċċa tagħkom: Sidtna ta’ Lourdes. Hija li ma waqfitx timmedita f’qalbha l-kelma divina (cf. Lq 2, 51), tistedinna biex nagħtu widen b’attenzjoni għall-Qari tal-Liturġija tallum, li fiha nilmħu kontrapposizzjoni sorprendenti u sinifikattiva. Diġa fl-ewwel qari, il-profeta Ġeremija jqiegħed quddiemna x-xbiha ta’ bniedem imsejjaħ “misħut”, u mbagħad ta’ ieħor, imsejjaħ “imbierek”.
Hekk, fil-Vanġelu ta’ Luqa nisimgħu l-ewwel l-espressjoni “beati”, imbagħad: “gwaj”. Hawn ukoll hemm kontrappożjzzjoni evidenti.
2. Ma nistgħux ngħaddu ‘l hemm mngħajr ma nwaqqfu l-attenzjoni tagħna. Ma nistgħux ninsew li l-Vanġelu jinqeda b’dak l-iebes “gwaj” waqt li jirreferi għat-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim. Aħna wkoll imissna nilqgħu din il-kelma severa tal-Bxara t-Tajba u nimmeditaw dwarha.
San Luqa jikteb: “Gwaj għalikom l-għonja . . . gwaj għalikom li issa intom imxebbà . . . gwaj għalikom li issa tidħku . . . gwaj meta l-bnedmin kollha jitkellmu tajjeb dwarkom . . .” (Lq 6, 24-26).
Dan ifisser jewwilla li li tkunu mfaħħrin, li tidħku, jissodisfa l-aptit tagħkom jew li taslu għall-għana huwa xi ħaġa ħażina u t kundanabbli?
Jidher li t-tweġiba għal tali domanda tiġina mill-profeta Ġeremija. Huwa jsejjaħ “misħut” lill-bniedem li jafda ruħu u li fil-ġisem jara l-qawwa tiegħu, “u mill-Mulej ibiegħed qalbu” (Ġer 17, 5). Mela l-ħażin li dwaru jitkellmu l-profeta u l-evanġelista mhuwiex fil-għana fiha nfisha, fis-sodisfazzhon tal-aptit, jew fit-tifħir uman, Il-ħażin li miegħu jikkorrispondi dak il-“gwaj” ta’ San Luqa jinsab fl-attakkament esklussiv għal dawn jew għall-ġid ieħor temporali, u, fl-istess ħin, fit-tbigħid tal-qalb minn Alla.
Dak li għidt jirreferi għall-parti negattiva ta’ din il-kontrappożizzjoni rilevabbli fil-Qari tal-Liturġija tallum.
3. Il-parti pożittiva hija l-iktar għanja u l-iktar żviluppata. Il-pofeta Ġeremija jsejjaħ “imbierek” l-bniedem li”jafda fil-Mulej u l-Mulej huwa l-fiduċja tiegħu” (Ġer 17, 7). Il-profeta jqabblu ma’ siġra mħawla tul ix-xtut tan-nixxigħat tal-ilma, hekk li jkunu jistgħu isaqqu l-għeruq u dan jippermettilhom li jżommu ħodor il-weraq ukoll fil-perijodu tal-istaġun sħun. Din ma tiqafx tipproduċi l-frott l-inqas fi żmien in-nixfa (cf. Ġer 17, 8).
Kważi l-istess xbiha tal-“bniedem beatu” hija mpinġiha fl-ewwel Salm: hu “bħal siġra mħawla tul in-nixxigħat tal-ilma, / li se tagħti l-frott fi żmienha / u l-weraq tagħha ma jaqgħux; / l-opri tagħha kollha jirnexxu” (Sal 1, 3). Tali bniedem “ma jsegwix il-parir tal-ħżiena” linqas “tal-midimbin” u “jimmeditaha lejl u nhar” (cf. Sal 1, 2).
4. Wara li aċċennajna għall-metafora sabiħa li tinsab fil-ktieb tal-profeta Ġeremija u fl-ewwel Salm, ngħaddu issa biex infittxu tweġiba għad-domanda: x’inhi dik in-nixxiegħa, dak l-ilma ħaj li fih il-bniedem ġust u “mbierek” iqiegħed għeruqu? Kif jirriżulta mis-Salm, Din hija, appuntu, il-“liġi tal-Mulej”.
Waqt li nkomplu, iżda, bil-Vanġelu tallum ta’ Luqa, nistgħu nippreċiżaw li n-nixxiegħa ħajja hija l-Kelma ta’ Alla, il-Bxara t-Tajba.
5. Propju hi tiġbor fiha l-kodiċi tal-bejatitudni li naqraw f’Luqa.
Ma jaħrabx lill-attenzjoni tagħna l-fatt li l-istqarrija ta’ kull waħda minn dawn il-beatitudni hija mibnija b’mod sinifikattiv, “Imberkin intom il-foqra, għaliex tagħkom hija s-saltna ta’ Alla” (Lq 6, 20).
L-ewwel parti titkellem dwar il-ħajja temporali, it-tieni titkellem speċjalment dwar il-futur etern. Il-ħajja temporali hija mimlija b’bosta tiċħid, inkonvenjenzi, tbatijiet, insomma b’dak li l-bniedem soltu jsejjaħ “il-ħażin”: il-ħażin tal-faqar, il-ħażin tal-ġuħ, il-ħażin li juri ruħu fid-dmugħ tat-tbatija, il-ħażin tal-persekuzzjonijiet “minħabba Bin il-bniedem”.
Iżda kif osservajna qabel, il-Mulej Ġesù javżana li “ġid” bħall-għana, ix-xebgħa, l-eloġji, kull ġid terren jistà jsir “ħażin”, il-ħażin kollu elenkat fil-Vanġelu tallum jistà jkollu sinifikat feddej, ta’ bejatitudni: jistà jsir “ġid”, jekk imexxi qalbna lejn Alla. Infatti, b’dan il-mod, il-faqar, it-tiċħid, it-tbatijiet, il-persekuzzjonijiet iħejjuna għall-intimità eterna miegħu u għas-sehem fis-Saltna tiegħu.
6. Hawn huwa l-kodiċi tal-beatitudni, kważi nukleju stess tal-Bxara t-Tajba. Propju hi hija dik in-“nixxiegħa” ta’ ilma ħaj li fiha jitfà għeruqu l-bniedem ġust, li l-profeta Ġeremija jsejjaħ “l-bniedem imbierek”.
Għalhekk San Pawl, fit-tieni Qari tallum, ifakkar li “Kristu qam mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li mietu” (1 Kor 15, 20). U fl-istess ħin jistedinna biex ikollna tama fi Kristu mhux biss għal din il-ħajja temporali, imma għall-eternità kollha (cf. 1 Kor 15, 19).
Fir-realtà, il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa l-garanzija tal-Bxara t-Tajba kollha, u assikurazzjoni tal-beatitudni evanġeliċi. Il-bniedem li jibni ħajtu fuq tali sies tassew “jafda fil-Mulej u l-Mulej huwa l-fiduċja tiegħu” (Ġer 17, 7). Il-Liturġija tallum tiddikjara “beatu” tali bniedem.
7. Hawn għandna meditazzjoni qasira dwar il-ħsibijiet tant fertili, miġbura fil-Qari tal-Quddiesa tallum. Nieħu pjaċir li stajt nagħmilha flimkien magħkom, għeżież parruċċani tal-Komunità ta’ Sidtna ta’ Lourdes.
Insellmilkom ilkoll u nberikkom ilkoll f’isem il-Mulej u l-Omm Qaddisa tiegħu. Insellem b’mod speċjali lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Riva, lill-kappillan żelanti, Dun Kamillu Paliani, il-kollaboraturi tiegħu u lis-saċerdoti residenti.
Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll lill-omunitajiet Reliġjżi numerużi tad-diversi Istituti, li jaħdmu b’tant dedikazzjoni: Il-Figlie di San Paolo, Is-Sorijiet Franġiskani tal-Immakulata, Is-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida, Is-Sorijiet Franġiskani Ospidalieri tal-Immakulata Konċezzjoni, Le Figlie di Nostra Signora del Monte Calvario.
Insellem kordjalment imbagħad lid-diversi gruppi tal-lajkat: il-grupp tal-Vanġelu, il-Voluntarjat Vinċenzjan, il-“Piccolo gregge”, il-Grupp liturġiku, l-AGESCI, Il-Komunità neokatekumenali, l-Oratorju, il-Ministranti, it-Terzjarji Franġiskani.
Insellem fl-aħħarnett liż-żgħażagħ kollha, l-emarġinati, l-anzjani, il-morda, dawk kollha li jgħixu fis-solitudni.
Nirrakkomanda lilkom ilkoll impenn ġeneruż fil-pastorali parrokkjali u fil-pastorali għall-familji. B’mod partikolari nirrakkomanda l-frekwenza għall-quddiesa festiva: huwa dmir important biex nikkonservaw u niżviluppaw l-ħajja tagħna ta’ fidi.
Ftit xhur ilu kellkom il-Missjoni popolari li għaddiet fostkom bħal riħ benefiku ta’ qawmien intern. Issa hemm bżonn li timxu ‘l quddiem u tikbru, bl-għajnuna tal-Mulej u tal-Verġni ta’ Lourdes, li lejha llum tħarsu b’qalb devota u mħeġġa. U jiena ċert li tagħmlu propju l-messaġġ varat minnha f’riġlejn il-Pirinej sabiex il-bnedmin kollha jerġgħu lura għand Ġesù bit-talb u l-penitenza. Din hija wkoll l-istedina li tiġina mir-Randan issa viċin u mis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni.
8. “Ifirħu . . . u thennew, għaliex, hekk hu, kbir il-ħlas tagħkom fis-smewwiet” (Lq 6, 23). Huwa dan il-kliem li jidwi fil-Liturġija tallum, u li jirrifletti l-ideat ewlenin.
Il-Patruna tal-parroċċa tagħkom, “Sidtna ta’ Lourdes”, tfakkarkom bla taqtà, għeżież parruċċani, dan il-kliem evanġeliku, din l-istqarrija ta’ Kristu. “Ifirħu u thennew għaliex l-ħlas tagħkom huwa kbir fis-smewwiet”.
Tali tifkira sostnuta mill-qalb maternal l-mmakulata tgħinna nimxu b’konsistenza lejn il-Ġid definittiv li Alla stess iħejji għalina fl-eternità.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb