Ġesù ġie biex ma nkunux waħidna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2023: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu – Quddiesa ta’ Nofsillejl. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għalfejn taħsbu li dan iż-żmien hu wieħed mill-isbaħ żminijiet tas-sena? Qatt irriflettejna ftit fuqha? Għal raġuni sempliċi ħafna: għax huwa żmien li jlaqqagħna iktar flimkien, li jlaqqa’ n-nies ma’ xulxin. Aħna ma għadniex niltaqgħu ma’ xulxin. Issa jkunux ir-rigali, tkunx l-ikla forsi li kiltu llejla u għada għaddejja d-diġestjoni bħalissa… huwa żmien li jlaqqagħna ma’ xulxin. Ilaqqa’ bniedem ma’ bniedem, persuna ma’ persuna.

Intom bħali smajtu bl-istudju li sar mill-Fakultà tal-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta dan l-aħħar. Tafu bħali kemm minna l-Għawdxin u l-Maltin f’dan l-istħarriġ li sar għidna li nħossuna weħidna: 55% ta’ dawk intervistati! U min jagħmel l-istħarriġ jagħmlu bi pretensjoni li qiegħed juri ftit is-sitwazzjoni tal-pajjiż kollu, mhux biss ta’ dawk l-eluf li jkunu wieġbu. Jekk qegħdin mija hawnhekk – u qegħdin iktar minn mija – 55 minna nħossuna weħidna. Bil-progress kollu, il-midja soċjali, kulħadd bil-mowbajl, forsi għal wieħed tnejn, il-ħin kollu f’kuntatt ma’ xulxin… u ngħidu li nħossuna weħidna. U ħaġa tal-għaġeb, tafu min qal li jħossu waħdu? Żgħażagħ bejn il-11 u d-19-il sena, u rġiel u nisa – iktar irġiel milli nisa – ’il fuq minn 55 sena.

Il-bniedem li jħossu waħdu, imdejjaq, iħoss li mhux qiegħed jgħix is-sejħa tiegħu ta’ bniedem fil-milja tagħha… ma jħossux uman, realizzat, kuntent biżżejjed. Minħabba f’hekk, dan l-aħħar ilmentajna mis-suwiċidji li qegħdin isiru f’pajjiżna – kalkolu ta’ wieħed fil-ġimgħa – minħabba solitudni, minħabba li wieħed iħossu totalment waħdu u abbandunat.

Għaliex Ġesù huwa s-Salvatur anki ta’ din is-sitwazzjoni? Min ikkummenta dan l-istħarriġ qal li għandna bżonn li noħolqu sensibbiltà qalb iż-żgħażagħ u qalb in-nies, biex ifittxu iktar counsellors, u jfittxu iktar nies biex jitkellmu magħhom, speċjalisti… jiġifieri biex il-magna tal-flus iddur u ddur iktar. Imma fost l-affarijiet bis-sens li ntqalu kien hemm kumment interessanti, dejjem mill-Fakultà tal-Benessri Soċjali: qalu li għandna bżonn li l-Knisja, il-Gvern, kull entità li għandha xi responsabbiltà fil-pajjiż, tistinka u taħdem biex tneħħi l-prijorità tal-istatus, ta’ kif nidher u kif jien meqjus u miżmum mill-oħrajn, kemm għandi flus u proprjetà, u kemm għandi bini u art. Inneħħu dawn mill-prijoritajiet – għax bħalissa huma l-prijoritajiet tal-poplu Malti u Għawdxi – u npoġġu n-nies, il-bniedem.

Illum għandna ġrajja tal-ġenn li lilna – li 55% minna nħossuna weħidna – terfagħna u tagħmlilna kuraġġ… ġrajja li lilna trid issalvana! Ejjew nirriflettu ftit fil-qosor fuq dak li ġara f’Betlehem, f’din il-belt ċkejkna, elfejn sena ilu. Hi ġrajja li tista’ sseħħ issa; anzi, jien ngħidilkom li iktar qiegħda sseħħ issa: fl-Ewkaristija. Alla hu preżenti fiċ-ċkunija. Il-prijorità ta’ dan Alla tagħna mhix l-istatus. Kieku l-prijorità tiegħu kienet l-istatus, kif kien jinżel u jitfaċċa f’nofsna? Forsi kien jilbes almenu bħali ħa jagħti fil-għajn! Imma lanqas bħali, lanqas bħalna. Tliet kili laħam ġo maxtura – hekk jippreżenta ruħu Alla tagħna. Fraġli, dgħufija assoluta, bżonn infinit. Jekk ma tagħtix kasu, jekk ma tiħux ħsiebu, imut. Hekk jippreżenta ruħu Alla tagħna, fl-istatus tiegħu ta’ Alla.

Kif jippreżenta ruħu Alla tagħna? Bil-flus? Jippreżenta lilu nnifsu fqir. Hu li hu s-Sinjur, il-Ħallieq, dak lil lilna jżommna fil-ħajja, dak li lilna jagħtina dak kollu li aħna u dak kollu li għandna… dak jiġi f’nofsna fqir, għeri. San Pawl jgħidilna: “Hu, li għad li kellu n-natura ta’ Alla” (Fil 2:6), ma qagħadx jieħu għalih li kien Alla – u mbagħad forsi jien nieħu għalija jekk xi ħadd jgħajjarni – “imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem” (v. 7); tneżża’ minn kollox, sar bniedem, anzi sar ilsir.

U l-estate… il-bini? Jitwieled f’għar, jitpoġġa f’maxtura. Għalfejn dan kollu? Għax kien mod ieħor kif tgħix, kienet moda oħra, kien stil ieħor? Le, mhux hekk. Illum għandna stil differenti? Le, mhux għalhekk. Għax għalih l-importanti n-nies, il-bniedem, int, jien. U min hu l-iktar importanti għalih? Dawk li huma fraġli, dgħajfa, midinbin, imwarrbin, li jħossuhom weħidhom, ir-ragħajja; l-anġlu jidher lir-ragħajja. U ma jitwelidx f’palazz, ma ssibux sultan affaxxinanti, sultan li kif tħares lejh titwerwer. Le! Imma jitfaċċa sultan infaxxat, minflok affaxxinanti; sultan jitriegħed, minflok sultan li jwerwer; sultan mogħti fl-idejn, minflok sultan li jżomm kollox f’idejh.

Hemm hi l-verità: fl-imħabba, f’relazzjonijiet ġenerużi wieħed mal-ieħor. Ġesù jiġi f’nofsna biex jagħtina stil ġdid u differenti ta’ kif aħna nistgħu nkunu fid-dinja, ta’ kif aħna nistgħu ngħixu ma’ xulxin, flimkien: billi nkunu attenti għal xulxin, billi nħobbu tassew lil xulxin. Kemm niltaqgħu ma’ xulxin? Uħud minna lanqas nemmnu: waħidna llum? Qabel kont trid timxi ftit biex tmur issib telefon xi mkien: l-ewwel it-telephone boxes, min jiftakar bħali ma kellniex telefon id-dar, imbagħad kellna t-telefon fid-dar; issa titfa’ jdejk fil-but u toħroġ il-mowbajl u ssib in-nies kollha li trid hemm ġew. Din solitudni? Jista’ jkun li hi solitudni! Għaliex? Għax aħna m’aħniex verament nisimgħu lil xulxin u naqsmu ma’ xulxin dak li għandna f’qalbna u f’moħħna, imma sempliċiment nuru qoxra lil xulxin, il-qoxra tal-istatus lil xulxin, il-qoxra sabiħa lil xulxin. Dik il-qoxra biss aħna naqsmu ma’ xulxin.

Anzi, xi ġralna? Il-midja soċjali llimitatna milli nkunu tassew sinċieri ma’ xulxin. Noqogħdu attenti x’nixxerjaw u x’naqsmu… għax dak li naqsmu aħna, qed nixxerjawh u naqsmuh mad-dinja kollha. Imma ssostitwejna r-relazzjonijiet personali, il-ħbiberiji intimi u veri, ir-relazzjonijiet profondi u intensi mal-persuni. Kultant lanqas mar-raġel jew mal-mara li int miżżewweġ miegħu jew magħha. Immorru għax-xogħol, niltaqgħu fit-triq, insellmu lil xulxin, nibagħtu l-messaġġi lil xulxin… imma qegħdin tassew niltaqgħu ma’ xulxin? Għandna tassew qalbna miftuħa bħal dik ta’ Ġesù, għalina, għal kull wieħed u kull waħda minna, biex inħallu lill-ieħor bil-persuna kollha tiegħu, bil-bżonnijiet tiegħu, bit-tbatijiet tiegħu, bid-dgħufija tiegħu, jidħol fina? Nagħmlu wisa’ għall-ieħor fina, u l-ieħor jagħmel wisa’ għalija fih?

Dan hu l-Milied: Alla mal-bniedem, ‘Alla magħna’, Alla li jgħallimna l-istil tiegħu permezz ta’ din il-ġrajja sempliċi tiegħu imma daqshekk profonda. Ġesù, Alla magħmul bniedem biex jgħix mal-bnedmin, bħall-bnedmin, fl-istil tal-umanità, fl-istil tal-umiltà u tas-sempliċità. Dak li aħna qegħdin nitilfu! U kif nistgħu nerġgħu nakkwistawh? Inħallu l-flus? Narmu l-estate? Inwarrbu l-istatus?

L-ewwel u qabel kollox, nistgħu nakkwistaw mill-ġdid l-umanità tagħna, u nagħtu raġun lil San Ljun il-Kbir, li llum fit-Tieni Qari tal-Uffiċċju tal-Qari qalilna: ‘Qum, ja Nisrani; qum, ja midneb, għax illum huwa jum tiegħek. Illum trid tifraħ, m’hemmx wisa’ għad-dwejjaq’. Irridu nifirħu llum, m’hemmx wisa’ għall-inkwiet u d-dwejjaq. Mhux għax insejnieh fix-xorb, mhux għax aljenati bil-libsa l-ġdida li qegħdin nilbsu jew bil-mod ta’ kif qegħdin niddevertu u nieħdu gost bl-ikel tal-Milied. Le! Imma għax hemm tama ġdida li jagħtina l-Mulej Ġesù li ġie. Din kif se niksbuha? Hemm bżonn li nerġgħu nirkupraw dak li ħallewlna missirijietna, dak li hu essenzjali. Hemm bżonn li nirkupraw ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, dak li aħna konna ngħidulu t-talb, u l-Ewkaristija tal-Ħadd. Jekk jien ma nagħmilhiex ma’ Ġesù, jekk jien ma nħallix il-bieb ta’ qalbi jinfetaħ biex hu jidħol, kif nista’ nagħti importanza lil dak li hu importanti għalih, kif nista’ nħallih isalvani, kif nista’ nħoss il-preżenza kontinwa tiegħu miegħi, fija, u ma nħossnix waħdi?

Dalgħodu, wara li qaddist l-Isptar, inġabru ftit infermiera u tobba, u żewġ psikjatri, u qegħdin nitkellmu. Kollha kemm huma qaluli l-istess kelma… Għax fl-omelija dalgħodu għidt li nittama li ħadd minna ma jara l-anġli! U kien hemm xi ħadd minnhom u qalli: ‘Bħalissa qed ikollna ħafna nies jaraw l-anġli… Bis-serjetà! Bid-droga’. U kienu inkwetati, u qegħdin jaqsmu l-inkwiet tagħhom miegħi. Għax id-droga ġġibek verament tara l-anġli, iġġibek verament tgħix ’il barra mill-persuna tiegħek, minn dak li int; iġġibek verament fis-solitudni. Imma bilfors, ma nistgħux inlumuhom liż-żgħar u liż-żgħażagħ tagħna, jekk aħna qbadna triq u liż-żgħar tagħna qabbadniehom it-triq tal-apparenza, tar-rikkezza, tal-flus, tal-proprjetà… għax nispiċċaw niġru f’dinja li ma nistgħux inlaħħqu magħha, nispiċċaw f’kompetizzjoni li tjassarna u tkissirna.

Il-Milied jgħinna nieqfu ftit u nirriflettu. Jgħinna wkoll inneħħu l-inganni kbar li aħna ngħixu fihom. Naħdmu, nistinkaw, ikollna l-flus għat-tfal, għall-persuni, għall-familja. Naħdmu u nistinkaw, filgħodu u filgħaxija għall-familja. Imma fl-istess waqt din il-familja, dawn it-tfal ma narawhom qatt; dawn it-tfal ma nkunu qatt fil-preżenza tagħhom. Dik l-espressjoni sabiħa tal-Evanġelju tal-lum: Marija wilditu, hi li ġarritu fiha – bħalma ġarrejtu intom lil uliedkom, ħafna minnkom ommijiet – infaxxatu u geżwritu fil-faxex, u medditu f’maxtura (ara Lq 2:1-14). Dawk il-verbi tal-kura u tal-għożża għat-tarbija kulma jmur qegħdin jonqsu. B’xorti ħażina, saħansitra s-solitudni tibda anki miż-żgħar.

Ejjew inħallu lill-Milied jerġa’ jitfgħalna l-attenzjoni lejn xulxin, lejn il-persuni tassew, lejn kull wieħed u kull waħda minna, b’mod speċjali lejn dawk li ngħixu magħhom, lejn dawk li jgħixu magħna. Iż-żmien tal-Milied hu sabiħ għax ilaqqagħana flimkien, nistgħu ngħixuh is-sena kollha kemm hi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading