Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ S. Monica, Ruma

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA TA’ SANTA MONICA F’OSTIA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ostia Mare (Ruma)
Il-Ħadd, 8 ta’ Mejju 1983

1. Għeżież ħuti tal-parroċċa ta’ Santa Monica!

Il-Knisja żżomm fedelment fit-tifkira liturġika tagħha il-jiem li jiġu wara l-Qawmien mill-imwiet, li matulhom il-Mulej baqà fuq din l-art u deher lid-dixxipli tiegħu. Dawn il-jiem issa qegħdin joqorbu lejn tmiemhom. Fl-erbgħin jum wara l-Għid niċċelebraw b’mod sollenni t-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej. Billi telà għand il-Missier, il-Mulej Ġesù ħalla lil tiegħu, dawk li l-Missier kien tah hawn fl-art. Huwa nfired mill-Appostli.

Il-qari tal-Vanġelu tallum ta’ San Ġwann jagħmel riferenza għad-diskors tat-tluq fiċ-ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka, meta Kristu ħabbar bil-quddiem lill-Appostli t-tluq tiegħu biex iħejjihom għal din il-ġrajja. Ejjew nimmeditaw it-tliet ħsibijiet miġbura fil-Vanġelu tallum, Ejjew infittxu wkoll li nżidu dawk meħudin mis-siltiet tal-qari preċedenti, bħala żieda ta’ dak li hemm miġbur fil-Vanġelu.

2. Kristu, waqt li bil-quddiem ħabbar lill-Appostli t-tluq tiegħu minn fuq din l-art, jgħid hekk: “Jekk wieħed iħobbni, josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu ngħammru għandu” (Ġw 14, 23).

Aħsbu, ħuti, liema sinifikat għandu t-tagħlim li Kristu ttrażmetta matul il-missjoni messjanika tiegħu fuq din l-art. Dan it-tagħlim jgħaqqadna b’mod dejjiemi mhux biss mal-Feddej tagħna, imma wkoll mal-Missier: “Il-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni” (Ġw 14, 24). U allura, bis-saħħa ta’ dan it-tagħlim il-Missier jiġi għand dawk li josservawh, jiġi lill-Knisja: l-Iben flimkien mal-Missier u l-Missier flimkien mal-Iben.

L-fedeltà lejn it-tagħlim li Kristu ttrażmettielna huwa s-sors tar-rapport vivifikanti mal-Missier permezz tal-Iben. Kristu, li ħalla din l-art, jibqà f’għaqda kostanti mal-Knisja tiegħu permezz tat-tagħlim trażmess lill-Appostli.

Minħabba f’hekk huwa hekk fondamentali għall-Knisja li tosserva fedelment dan it-tagħlim. Għal tali nteress jirrendi xhieda diġa l-ewwel Konċilju Apostoliku, imsemmi minn l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli. Dan seħħ f’Ġerusalem. Minn dak iż-żmien, diversi drabi seħħew diversi Konċilji, u l-aħħar wieħed seħħ issa kważi 20 sena ilu, L-interess tas-suċċessuri tal-Appostli, miġburin f’dak il-Konċilju, ma ħaġa oħra għajr dak tal-ewwel Konċilju, u preċiżament li l-Knisja tibqà fit-tagħlim mgħoddi lilha minn Kristu, u li , permezz tal-fedeltà lejn dan it-tagħlim, il-Missier flimkien mal-Iben “jgħammru” fil-komunità tal-fidili.

3. It-tieni ħsieb tal-Vanġelu tallum jingħaqad viċin ħafna mal-ewwel wieħed. Ġesù jitkellem ukoll dwar l-Ispirtu Santu. U jikellem b’dan il-kliem li ġej: “Imma l-Konsolatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li jiena għedtilkom”  (Ġw 14, 26).

U allura għat-tieni darba nisimgħu kliem ta’ “tagħlim”. Nafu diġa liema huwa s-sinifkat ta’ dan it-tagħlim veru trażmess minn Kristu lill-Knisja biex jgħaqqadha mal-Missier u mal-Iben. Dan it-tagħlim u din id-duttrina ġew afdati lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom. Fl-istess ħin, madankollu, l-Ispirtu Santu, li l-Missier jibgħat f’isem l-Iben, jgħasses b’mod divin l-istess duttrina u l-istess tagħlim tiegħu. Huwa stess jgħallem lill-Knisja b’mod inviżibbli, u jżomm fit-tifkira u fit-tagħlim tal-Knisja stess dak kollu li Kristu ttrażmetta lill-bnedmin min-naħa tal-Missier.

Permezz ta’ dan li l-Ispirtu Santu huwa flimkien mal-Knisja u permezz tal-assistenza li huwa jagħti għat-tagħlim tagħha il-Missier u l-Iben jistgħu dejjem “jgħammru” fl-erwieħ tal-fidili.

4. U issa niġu għat-tielet ħsieb ewlieni tal-Vanġelu tallum. It-tluq tal-Imgħallem tassew maħbub, id-distakk minnu kellu iqanqal inkwiet u biżà fil-qlub tal-Appostli. Kristu jissodisfa dan l-inkwiet u dan il-biżà, billi jgħid: “Tħallux lil qalbkom titħawwad u la tibżgħux” (Ġw 14, 27). U fl-istess waqt jagħtihom l-assikurazzjoni: “Inħalilkom il-paċi tiegħi, nagħtikom il-paċi tiegħi” (Ġw 14, 27). Jagħtihom din il-paċi fl-imminenza tal-ġrajjiet li issa fi żmien ftit sigħat oħra (ninsabu fiċ-ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka) kellhom iqanqluhom b’mod tassew profond.

Jagħtihom dik il-paċi li “id-dinja ma tistax tagħti”, propju minħabba l-fatt li jmur għand il-Missier. U dan it-tluq huwa l-bidu tal-miġja l-ġdida fl-Ispirtu Santu: “Se nmur u nerġà lura għandkom” (Ġw 14, 28). Dan it-tluq huwa l-bidu tal-miġja stabbli ta’ Kristu fl-Ispirtu Santu, Infatti, qrib dawk kollha li josservaw t-tagħlim tiegħu jiġi l-Missier flimkien mal-Iben u huma jgħammru għandhom. U l-Ispirtu Santu, waqt li jgħasses dak it-tagħlim fl-intellett u fil-qalb tad-dixxipli, jagħmel iva li Kristu jkun dejjem mal-Knisja tiegħu. U l-Missier ikun dejjem magħha permezz ta’ Kristu.

Dan huwa wkoll is-sors tal-paċi tal-Knisja wkoll permezz tal-esperjenzi, it-taqlib u l-persekuzzjonijiet l-iktar gravi. Kultant l-qlub umani jiġu mħawda u mbeżżà, imma l-Knisja tibqà fil-paċi divina rregalata minn Kristu fis-siegħa tat-tluq tiegħu.

U l-Knisja kuljum – fil-Quddiesa –, tfakkar f’din il-paċi, titlob din il-paċi għaliha u għall-bnedmin. Din il-paċi – dejjem esposta, hawn fid-dinja, għall-inkwiet u l-biża ta’ din id-dinja – hija wkoll antiċipazzjoni tal-paċi perfetta u tal-feliċità tal-Belt Qaddisa, li dwarha jkellimna t-tieni qari. Din il-Belt Qaddisa, Ġerusalem, li tinżel mingħand Alla, għandha fiha l-milja tal-glorja divina. Din hija wkoll id-destin etern tal-bniedem u t-twettiq tal-Knisja terrena.

5. Immeditajna dwar it-tliet ħsibijiet ewlenin miġbura fil-qari tal-Vanġelu tallum skont San Ġwann u wkoll fil-qari l-ieħor tal-liturġija tal-perijodu paskwali.

Issa nixtieq insellem – flimkien mal-Kardinali Vigarju u ma’ Monsinjur Riva, Isqof awżiljarju tas-settur – lill-komunità kollha parrokkjali, li llum laqgħetni: lill-Kappillan, Dun Giovanni Falbo u lill-viċi-kappillani, sinjali tal-preżenza, fostkom, ta’ Ġesù Ragħaj; lir-reliġjużi nisa, li l-ministeru insostitwibbli tagħhom fil-parroċċa huwa dejjem barka kbira ta’ Alla: lis-Sorijiet tal-Karità ta Santa Ġovanna Antida Touret, lis-Sorijiet ta’ Marija Immakulata u lis-Sorijiet ta’ Marija Awżiljatriċi. Insellem lill-Kunsill Pastorali, espressjoni moderna tar-rwol insostitwibbli tal-Lajċi fit-tmexxija tal-komunità parrokkjali. Insellem lill-gruppi kollha preżenti: il-grupp “Caritas”, dak missjunarju u dak tal-anzjani; il-moviment tal-“Cursillos di cristianità”, ilkoll sinjali tal-għana ineżawribbli tad-doni tal-Ispirtu għall-bini tal-ġid komuni. Insellem bi mħabba ta’ missier lil dawk kollha preżenti u lil dawk kollha li jiffurmaw il-komunità parrokkjali, bi ħsieb speċjali inditizzat lill-katekisti, liż-żgħażagħ, lill-familji, lill-ħaddiema, lill-anzjani, lill-morda.

Il-qasam ta’ umanità li lilu ġejtu mibgħuta biex twasslu l-Vanġelu- erbgħin elf abitant – huwa wiesà tassew. Naf li fikom hemm l-għarfien tal-missjoni tagħkom, li huwa l-bażi tal-inizjattivi multipli fil-qasam liturġiku, bibbliku, karitattiv, edukattiv, kulturali. Il-preżenza tal-kristjaneżmu f’Ruma ta’ elfejn sena ma jneħħix il-bżonn li Ruma, illum ukoll, hemm bżonn li tkun evanġelizzata. Ma nistgħux nistrieħu fuq l-imgħoddi, imma hemm bżonn li nħarsu b’rejaliżmu lejn il-preżent, u b’tama lejn il-futur.

Ejjew nitolbu lill-Ispirtu tal-Mulej u lill-Verġni qaddisa sabiex jikber in-numru ta’ dawk li, waqt li jilqgħu il-preżenza tat-Trinità Qaddisa f’qalbhom, jaħdmu biex jirrendu disponibbli bosta qlub oħra  għal tali miġja: ejjew nitolbu għall-qawmien mill-ġdid tal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi: jalla l-faxxinu spiritwali ta’ tali idejali prezzjużi ta’ ħajja jiġbdu l-erwieħ ta’ tant żgħażagħ maskili u femminili ġenerużi u qalbiena!

6. Din iż-żjara u b’mod partikulari l-Quddiesa, f’tali okkażjoni tkun fl-istess ħin ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tas-Sena Mqaddsa: li jfisser li s-sehem devot f’din il-liturġija tal-Ħadd, bil-kondizzjonijiet preskritti, tippermettilkom li takkwistaw l-indulġenza speċjali mogħtija mill-Knisja fl-okkażjoni tal-Ġublew tar-Redenzjoni. Waqt li tingħaqdu ma’ dawn l-intenzjonijiet tal-Knisja, intom issaħħu l-għaqda tagħkom mal-komunità tal-qaddisin tas-sema u tal-art, ta’ dawk li huma tempju tat-Trinità Qaddisa, mibgħuta biex iħejju t-toroq tal-Mulej, imsejħa minnu biex jistiednu lill-bnedmin ħalli jidħlu f’Ġerusalem ċelesti.

7. F’għaqda mal-Misteru paskwali tal-Fidwa tagħna, ejjew nitolbu b’mod imħeġġeġ bil-kliem tas-salmista: “Alla jkollok ħniena minna u berikna, / fuqna jagħmel li jiddi dawl wiċċu; / sabiex nagħrfu fuq l-art triqtek, / fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek” (Sal 67, 2-3).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading