Ġwanni Pawlu II mal-Gwardja Svizzera

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KORP TAL-GWARDJA SVIZZERA
FL-477° ANNIVERSARJU TAL-KOSTITUZZJONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ġimgħa, 6 ta’ Mejju 1983

Għeżież ħuti fil-Mulej.

Il-kliem tal-Vanġelu tallum (Ġw 15, 12-17) ma jagħmlux għalina parti minn passat imbiegħed, imma jkellmuna b’qawwa tal-kollox immedjat hawn u issa: lilna, lill-Papa f’nofs il- gwardji Svizzeri tiegħu, u speċjalment f’nofs dawk li waslu ġodda, imdawrin mill-qraba, mill-assistenti spiritwali u mill-ħbieb. Jien ukoll ma nsejħilhomx qaddejja imma ħbieb: għaliex aħna lkoll ngħixu l-istess fidi li Alla rregalalna fi Kristu; aħna lkoll infittxu li ngħixu l-imħabba li l-Mulej għex qabilna, imħabba li saħansitra kien dispost li jagħti ħajtu għal ħbiebu. “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien!” Din hija l-ogħla “ordni ta’ servizz” ta’ Kristu għalija, il-Papa, kif għalikom ukoll, gwardji  .

Jiena llum kuntent li nistà nsellem lil grupp ġdid hekk numeruż ta’ gwardji. Nesprimilkom l-apprezzament tiegħi u l-gratitudni sinċiera, talli ħadtu d-deċiżjoni li twettqu dan is-servizz partikolari. Lill-ġenituri u lil ħutkom li ġew mill-Isvizzera irrid nawguralhom li s-sena ta’ servizz ta’ binhom u ħuhom hawn fil-Vatikan tqawwi l-għarfien ferrieħi tal-familja kollha li tappartieni lill-Knisja kattolika universali fil-għaqda qawwija u multipliċità imponenti.

Sa mill-oriġni tal-Knisja tul is-sekli sa jiemna dejjem ġara li l-insara jħallu Art Twelidhom u jqegħdu ruħhom għad-dispożizzjoni tal-proxxmu tagħhom u ta’ ħuthom fil-fidi tad-dinja kollha bil-ħiliet u l-enerġiji tagħhom, biex jgħinuhom bħala missjunarji jew biex jagħtu l-kontribut tagħhom bħala kollaboraturi fil-kostruzzjoni tal-komunità nisranija, Intom gwardji lesti biex tgħinu lir-Ragħaj suprem tal-Knisja, l-Isqof ta’ Ruma, biex tilqgħu b’mod ordnat u maħsub sewwa lill-viżitaturi li jaslu hawn u wkoll biex tipproteġu s-servizz apostoliku tiegħu fil-Vatikan. Jiena ċert li taħt il-gwida esperta tas-superjuri tagħkom, intom tagħtu prova ta’ din id-disponibiltà b’intelliġenza u b’qies, b’deċiżjoni u b’fermezza. Nawgura li s-servizz tagħkom iħallilkom żmien biżżejjed biex issiru tafu Ruma u madwarha, biex tipprattikaw xi sport, tiddedikaw ruħkom għall-mużika u wkoll issiru komunità li fiha ssibu ruħkom sewwa.

Ejjew issa nitolbu f’talba u offerta l-barka ta’ Alla għal dan l-jum ta’ festa tal-Korp tal-Gwardji Svizzeri, għal kull intenzjoni tajba, għal kull deċiżjoni qalbiena tagħkom. Il-Mulej imexxi kollox għal tmiem tajjeb!

Insellem b’qalbi kollha lill-guardji Svizerri l-ġodda ġejjin mill-kanton Frankofonu ta’ Pajjiżhom, lill-qrabathom u lil ħbiebhom. Tul din l-Ewkaristija, ejjew nitolbu flimkien lil Alla biex jassisti u jbierek lil dawn iż-żgħażagħ sabiex iwettqu mill-aħjar li jistgħu is-servizz li ġew biex jaċċettaw b’ġenerożità.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading