Ġwanni Pawlu II fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-MULEJ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 12 ta’ Mejju 1983

“Jitlà l-Mulej qalb innijiet ta’ ferħ!”.

1. Hija raġuni ta’ ferħ profond għall-Knisja kollha, u wkoll għall-umanità, iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-misteru tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidna Ġesù Kristu, li kien mgħolli u gglorifikat minn Alla. Il-Liturġija llum tapplika għal Kristu, li jerġà lura għand il-Missier, il-kliem eżaltanti li s-Salmista jiddedika lill-Etern: “Jitlà Alla fost l-għajjat, / il-Mu;lej għad-daqq tat-trombi. / Kantaw innijiet lis-Sultan tagħna, kantaw innijiet. / Alla huwa sultan tal-art kollha, Alla jsaltan fuq il-popli, / Alla joqgħod fuq it-tron qaddis tiegħu!” (Sal 47, 6-9).

F’dan il-“misteru tal-ħajja ta’ Kristu, aħna nimmeditaw, minn banda, il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nazzaret, li miet u rxoxta, u mill-banda l-oħra, it-tluq tiegħu minn din id-dinja u r-ritorn tiegħu għand il-Missier.

Tali glorifikazzjoni, ukoll fl-aspett kożmiku tagħha, hija enfasizzata minn San Pawl, li jkellimna dwar il-kobor straordinarju tal-qawwa ta’ Alla fir-rigward tagħna, murija fi Kristu “meta qajmu minn l-imwiet / u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, / ‘il fuq minn kull priċipat u awtorità . . . / u minn kull isem li jissemma / mhux biss għaż-żmien ta’ issa imma wkoll għaż-żmien li ġej” (Ef 1, 20-21).

It-Tlugħ fis-Sema ta’ Kristu jirrapreżenta wieħed mill-istadji fondamentali tal-Istorja tas-salvazzjoni, iġifieri tal-pjan ta’ mħabba ħanina u feddejja ta’ Alla fil-konfront tal-umanità. Biċ-ċarezza tiegħu ċara u profonda, San Tumas D’Aquino, fil-meditazzjonijiet tiegħu dwar  “misteri tal-ħajja ta’ Kristu”, jenfasizza b’mod tal-għaġeb kif it-Tlugħ fis-Sema huwa kawża tas-salvazzjoni tagħna, taħt aspett doppju:  min-naħa tagħna, għaliex il-menti tagħna jimxu lejn Kristu, bil-fidi, it-tama, l-imħabba; min-naħa tiegħu, għaliex,bit-tlugħ fis-sema tiegħu, huwa ħejjilna t-triq biex nitilgħu aħna wkoll fis-sema; ladarba huwa il-Mexxej tagħna, jeħtieġ li l-membri jsegwuh hemm fejn hu mar qabilhom: “It-Tlugħ fis-Sema ta’ Kristu huwa direttament l-kawża tat-tlugh fis-sema tagħna, billi kważi beda dan fil-Mexxej tagħna, li għalhekk huwa meħtieġ li l-membri jingħaqdu miegħu” (S. Tommaso Summa theologiae III, 57, 6, ad 2).

2. It-Tlugħ fis-Sema mhuwiex biss glorifikazzjoni definittiva u sollenni ta’ Ġesù ta’ Nazzaret, imma wkoll il-kapparra u l-garanzija tal-eżaltazzjoni, tal-elevazzjoni tan-natura umana.. il-fidi u t-tama tagħna ta’ nsara illum huma msaħħin u korroborati, minħabba li aħna mistiedna nimmeditaw mhux biss fuq ix-xejn tagħna, fuq il-fraġilità tagħna, fuq il- miżerja tagħna, imma wkoll fuq dik il-“bidla”, ferm iktar tal-għaġeb tal-istess ħolqien, li Kristu  wettaq fina meta ngħaqadna miegħu permezz tas-sagramenti u l-grazzja. “Aħna nfakkru u niċċelebraw il-jum, li fih l-umiltà tan-natura tagħna ġiet mgħollija fi Kristu fuq il-gradi kollha ċelesti – jgħidilna San Iljun il-Kbir – fuq il-ġerarkiji anġeliċi kollha, ‘il hinn mill-għoli tal-potestajiet, sat-tron ta’ Alla Missier. Issa f’dan il-pjan ta’ operazzjonijiet divini aħna ninsabu stabbiliti u edifikati: hekk b’mod ferm iktar meraviljuż tirriżulta l-grazzja ta’ Alla, meta … l-fidi ma tiddubitax, it-tama ma tilgħabx, il-karità ma tiddgħajjifx. Din hija tassew il-qawwa tal-ispirti l-kbar, dan huwa d-dawl tal-erwieħ awtentikament fidili: temmen bla eżitazzjoni dak li ma jidhirx bl-għajnejn tal-ġisem u hemm iddur ix-xewqa, fejn ma tistax twasslek l-ħarsa” (S. Iljun il-Kbir, Sermo LXXIV, 1: PL 54, 597).

3. Fil-waqt li fih Ġesù jinqatà minn mal-Appostli, jagħtihom il-mandat li jirrendu lilhom infushom xhieda tiegħu f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sa truf l-art. (cf. At 1, 8) u biex jippridkaw lill-ġnus kollha “il-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet” (Lq 24, 47).

Is-Sollennità tat-Tlugħ fis-Sema, f’din is-sena Ġubilari Tar-Redenzjoni, hija mela għalina lkoll Tar-Redenzjoni, hija mela għalina lkoll stedina pressanti għal impenn singulari ta’ penitenza u ta’ tiġdid intern, hija sejħa universali għall-konverżjoni, ladarba – kif ktibt fil-Bolla tal-indizzjoni tas-Sena Mqaddsa – ilkoll aħna midimbin, ilkoll għandna “bżonn ta’ dak il-“bdil radikali” ta’ spirtu, ta’ moħħ u ta’ ħajja li fil-Bibbja  appuntu jissejjaħ “metanoia”, konverżjoni. U dan l-atteġġjament huwa mill-kelma ta’ Alla li hija “rivelazzjoni tal-ħniena tal-Mulej (cf. Mk 1, 15), li tattwa ruħha fuq kollox permezz sagramentali u turi ruħha f’forom multipli ta’ karità u ta’ servizz lill-aħwa (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 5).

Huwa dan is-sinifikat għani liturġiku, tejoloġiku u spiritwali tas-Sollennità tallum. Nixtieq għalhekk nagħmel tiegħi l-kliem li predeċessur ieħor kbir tiegħi, San Girgor il-Kbir, indirizza, f’din l-okkażjoni lill-fidili ta’ Ruma miġburin ġewwa San Pietru: “Għandna bil-qalb kollha nsegwu lil Ġesù hemm fejn nafu bil-fidi li hu telà b’ġismu. Ejjew naħarbu x-xewqat tal-art: ma jissodisfana ebda rbit ta’ hawn isfel, aħna li ghandna missier fis-smewwiet . . . Ukoll jekk tinsabu mitfugħa ‘l hawn u ‘l hinn mill-mewġ tal-okkupazzjonijiet, itfgħu millum stess fl-art tagħna eterna l-ankra tat-tama. La tfittxux, lil ruħkom, jekk mhux id-dawl veru. Smajtu li l-Mulej telà s-sema: ejjew nirriflettu bis-serjetà dwar dak li nemmnu. Minkejja d-dgħufija ta-natura umana, li  għadha żżommna hawm isfel,  l-imħabba tattirana biex insegwuh, ladarba aħna ċerti sewwa li Dak li nebbaħna b’tali xewqa, Ġesù Kristu ma jiddiżappuntaniex fit-tama tagħna” (S. Girgor il-Kbir, In Evangelium, Heluqomilia XXIX, 11: PL 76, 1219).

Fl-għeluq ta’ dawn ir-riflessjonijiet tiegħi dwar il-misteru li qegħdin niċċelebraw, nindirizza tislima rispettuża u kordjali lill-Beatitudni Tiegħu Ignazio IV Hazim, Patriarka Grieg Ortodoss ta’ Antijokja, hawn preżenti, li f’dawn il-jiem jinsab Ruma għal serje ta’ laqgħat ta’ taħdidiet ekumeniċi mas-Santa Sede. Fil-waqt li nagħti “merħba” sinċiera u fraterna lil dan il-mistieden distint, ukoll f’isem il-Knisja kollha ta’ Ruma, nittama li din is-Sena Ġubilari tikkontribwixxi biex tħaffef iż-żmien lejn l-għaqda sħiħa mixtieqa ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu, Bin Alla, inkarnat, maqtul, irxuxtat u mtellà fis-sema!

Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading