Ġwanni Pawlu II fi tmiem il-Kungress Ewkaristiku, Milan

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-LOMBARDIA
QUDDIESA KONKLUSSIVA TAL-XX KUNGRSS EWKARISTIKU NAZZJONALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Milan – Il-Ħadd, 22 ta’ Mejju 1983 

“Ibgħat l-Ispirtu tieg hek, o Mulej, biex iġedded l-art!”.

1. Hekk tgħajjat il-Knisja fil-liturġija tas-sollennità ta’ Pentekoste. Hekk tgħajjat il-Knisja li tinsab f’Milan, il-Knisja li tgħasses kontinwament il-patrimonju ta’ San Ambroġ, ta’ San Karlu u ta’ tant ġenerazzjonijiet tal-Poplu ta’ Alla, miġbur madwar ir-Rgħajja kbar tiegħu.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, ħalli jġedded l-art!

Hekk tgħajjat il-Knisja llum fl-Italja kollha, hawn miġbura biex tiċcelebra l-Kungress Ewkaristiku tagħha. Dan huwa, infatti, l-XX Kungress Nazzjonali Ewkaristiku tal-Italja, li jsib il-manifestazzjoni definittiva f’dan is-Sagrifiċċju Mqaddes, iċċelebrat fil-festa ta’ Pentekoste.

Niżżi ħajr lil Alla Omnipotenti li għandi l-ferħ li nwettaq, bħala Isqof ta’ Ruma, flimkien magħkom, meqjuma u għeżież ħuti, fl-għeluq tal-Kungress, dan l-att ta’ tifħir u ta’ adorazzjoni tat-Trinità Qaddisa: tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu  Santu.

2. Qawwi huwa n-nifs tal-Pentekoste. Dan jgħolli, fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, l-art u d-dinja kollja lil Alla, li permezz tiegħu jeżisti dak kollu li jeżisti. Għalhekk, aħna nkantaw flimkien mas-salmista: “Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek! / L-art mimlija bil-ħlejjaq tiegħek” (Sal 104, 24).

Ejjew inħarsu d-dinja terrestri, inħaddnu l-immensità tal-ħolqien u nkomplu nxandru mas-salmista: “jekk . . . teħdilhom in-nifs, imutu / u jerġgħu lura fit-trab. / Malli tibgħat in-nifs tiegħek jinħolqu / u int iġġedded il-wiċċ tal-art” (Sal 104, 29-30).

Ejjew nipprofessaw il-qawwa tal-Ispirtu fl-opra tal-ħolqien: id-dinja viżibbli għandha l-bidu tagħha fl-Għerf, fl-omnipotenza u fl-Imħabba nviżibbli. U għalhekk aħna nixtiequ nkellmu lill-krejaturi bil-kelma li huma jisimgħu mill-Ħallieq tagħhom fil-bidu, meta huwa jara li kienu “ħaġa tajba”, “tajba ħafna”. U għalhekk aħna nkantaw: “Ibierek il-Mulej, lil qalbi: / Mulej, Alla tiegħi, kemm inti kbir! . . . / Il-glorja tal-Mulej hi għal dejjem; jifraħ il-Mulej bl-opri tiegħu”  (Sal 104, 1.31).

3. Fit-tempju kbir u immens tal-ħolqien nixtiequ llum niffesteġġjaw it-twelid tal-Knisja. Propju għalhekk aħna ntennu: “Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, ħa jġedded il-wiċċ tal-art!”.

U ntennu dan il-kliem billi nerġgħu niltaqgħu fiċ-ċenaklu tal-Pentekoste: hemm, infatti, l-Ispirtu Santu niżel fuq l-Appostli, miġbura flimkien ma’ Omm Kristu, u hemm twieldet il-Knisja biex taqdi it-tiġdid tal-wiċċ tal-art.

Kontemporanjament fost il-krejaturi kollha, li jsiru opra t’idejn umani, aħna nagħżlu l-Ħobż u l-Imbid. Inġibuhom fuq l-altar. Infatti, il-Knisja, imwielda fil-jum ta’ Pentekoste mill-qawwa tal-Ispirtu Santu, titwieled b’mod kostanti mill-Ewkaristija, li fiha l-ħobż u l-imbid isiru l-Ġisem u d-Demm tar-Redentur. U dan ukoll iseħħ grazzi għall-qawwa tal-Ispirtu Santu.

4. Ninsabu fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem f’jum il-Pentekoste. Imma fl-istess ħin il-liturġija ta’ din is-Sollennità teħodna fl-istess ċenaklu “fl-għaxija tal-Qawmien mill-imwiet”. Propju hemm, għalkemm il-bibien kienu magħluqa, fost id-dixxipli miġbura u għadhom imbeżżà ġie Ġesù.

Wara li wrihom idejh u l-kustat, bħala prova li kien dak stess li kien mislub, qalilhom: “Il-paċi magħkom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk ukoll jien nibgħat lilkom”. Wara li kien qal dan, nefaħ fuqhom u qal: “Irċievu l-Ispirtu Santu; lil min taħfrulu dnubietu dawn ikunu maħfura, lil min ma taħfruhomlux dawn ma jkunux maħfura” (Ġw 20, 21-23).

Hekk, mela, fl-għaxija tal- jum tal-Qawmien mill-Imwiet l-Appostli, miġburin fis-skiet taċ-ċenaklu, kienu rċivew l-istess Spirtu Santu, li niżel fuqhom wara ħamsin jum, sabiex, ispirati mill-qawwa tiegħu, isiru xhieda tat-twelid tal-Knisja: “Ħadd ma jistà jgħid Ġesù hu l-Mulej, jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu Santu” (1 Kor 12, 3).

L-għaxija tal-Qawmien mill-Imwiet l-Appostli, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, stqarru b’qalbhom kollha: “Ġesù hu l-Mulej”; u hija l-istess verità li, mill-jum tal-Pentekoste, huma xandru lill-poplu kollu, sat-tixrid ta’ demmhom.

5. Meta l-Appostli emmnu u stqarru bil-qalb li “Ġesù hu l-Mulej”, il-qawwa tal-Ispirtu Santu erħiet f’idejhom l-Ewkaristija – il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej –; dik l-Ewkaristija li fl-istess ċenaklu, waqt l-aħħar ċena, Kristu kien afdalhom, qabel il-passjoni tiegħu.

Dakinhar kien qal waqt li tahom il-ħobż: “Ħudu u kulu minnu lkoll: dan huwa ġismi, offrut f’sagrifiċċju għalikom”.

U wara, waqt li tahom il-kalċi tal-imbid kien qal: “Ħudu u ixorbu ilkoll: dan huwa l-kalċi ta’ demmi tal-patt il-ġdid u etern, imxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet”. U, wara li kien qal dan, żied: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Meta wasal il-jum tal-Ġimgħa l-kbira, u mbagħad tas-Sibt, il-kliem misterjuż tal-aħħar ċena twettaq permezz tal-passjoni ta’ Kristu. Hekk hu, Ġismu kien ingħata. Hekk hu, Demmu kien ixxerred. U meta Kristu rxoxta waqaf f’nofs l-Appostli fl-għaxija tal-Għid, qlubhom ħabbtu, taħt in-nifs tal-Ispirtu Santu, b’ritmu ġdid ta’ fidi.

Hekk hu, kien quddiemhom l-Irxoxt!

Hekk hu, Ġesù hu l-Mulej.

Hekk hu, Ġesù l-Mulej tahom Ġismu bħala ħobż u Demmu bħala mbid, “għall-maħfra tad-dnubiet”.

Tahom l-Ewkaristija.

Hekk hu, l-Irxoxt issa jgħid: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Hekk hu, jibgħathom bil-qawwa tal-Ispirtu Santu bil-kelma tal-Ewkaristija u bis-sinjal tal Ewkaristija, ladarba realment kien qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

“Ġesù Kristu huwa Mulej”. Hawn hu, jibagħathom, l-Appostli, bit-tifkira eterna ta’ Ġismu u ta’ Demmu, bis-Sagrament ta’ Mewtu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu: hu, Ġesù Kristu Mulej u Ragħaj tal-merħla tiegħu għaż-żminijiet kollha.

6. Il-Knisja titwieled f’jum il-Pentekoste. Hija titwieled taħt in-nifs qawwi tal-Ispirtu Santissmu, li jordna lill-Appostli biex joħorġu miċ-ċenaklu u biex jaċċettaw il-missjoni tagħhom.

Fil-għaxija tal-Qawmien mill-Imwiet Kristu qalilhom: “Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom”. Fil-għodu tal-Pentekoste l-Ispirtu Santu jagħmel iva li huma jaċċettaw din il-missjoni. Hekk huma jmorru f’nofs il-bnedmin u jerħulha għal għonq it-triq mad-dinja.

Qabel ma dan seħħ, id-dinja – id-dinja umana – kienet daħlet fiċ-ċenaklu. Ladarba hekk hu: “Huma kienu lkoll mimlijin bi Spirtu Santu u kienu bdew jitkellmu b’limgwi oħrajn, kif l-Ispirtu tahom il-poter li jesprimu ruħhom (At 2, 4). Ma’ dan id-don tal-lingwi daħlet fl-istess ħin fiċ-ċenaklu d-dinja tal-bnedmin, li jitkellmu b’lingwi differenti, u li lilhom hemm bżonn li tkellimhom b’lingwi differenti biex ikunu nklużi fix-xandir tal-“opri kbar ta’Alla” (At 2, 11).

Mela, fil-jum tal-Pentekoste twieldet il-Knisja taħt in-nifs qawwi tal-Ispirtu Santu. Hija twieldet, sa ċertu punt, fid-dinja kollha abitata mill-bnedmin, li jitkellmu diversi lingwi. Twieldet biex tmur fid-dinja kollha tgħallem, bil-lingwi differenti, lin-nazzjonijiet kollha. Twieldet sabiex, waqt li tgħallem lill-bnedmin u lin-nazzjonijiet, hija titwieled dejjem mill-ġdid permezz tal-kelma tal-Vanġelu; sabiex jitwieled dejjem fihom l-Ispirtu Santu, mill-qawwa sagramentali tal-Ewkaristija.

Dawk kollha li jilqgħu il-kelma tal-Vanġelu, dawk kollha li jitrejqu bil-Ġisem u bid-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija taħt in-nifs tal-Ispirtu Santu jistqarru: “Ġesù huwa l-Mulej” (1 Kor 12, 3).

7. U hekk, taħt in-nifs tal-Ispirtu Santu, tibda mill-Pentekoste ta’ Ġerusalem, tikber il-Knisja. Fiha hemm varjetajiet “ta’ kariżmi”, u diversitajiet “ta’ ministeri”, u diversitajiet “ta’ operazzjonijiet”, imma “wieħed biss huwa l-Ispirtu Santu”, imma “wieħed biss huwa l-Mulej”, imma “wieħed biss huwa Alla”, “li jopra kollox f’kulħadd” (1 Kor 12, 4-6).

F’kull bniedem, f’kull komunità umana, f’kull pajjiż, lingwa u nazzjon, il-Knisja tiġi konċepita mill-ġdid u mill-ġdid tikber. U tikber bħala ġisem, għaliex bħala ġisem tgħaqqad f’wieħed bosta membri, bosta organi, bosta ċelluli, hekk il-Knisja tgħaqqad f’wieħed ma’ Kristu ħafna bnedmin.

Il-multipliċità turi ruħha, bl-opra tal-Ispirtu Santu, fl-għaqda, u l-għaqda tinkludi fiha l-multipliċità: “Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed . . . , u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed” (1 Kor 12, 13).

U l-bażi ta’ din l-għaqda spiritwali, li titnissel u turi ruħha kull jum dejjem mill-ġdid, hemm is-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm, it-tifkira l-kbira tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet, is-Sinjal tal-patt il-ġdid u etern, li Kristu nnifsu qiegħed f’idejn l-Appostli u qiegħed bħala sies tal-missjoni tagħhom.

Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu tinbena l-Knisja bħala Ġisem permezz tas-Sagrament tal-Ġisem. Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu tinbena l-Knisja bħala poplu tal-patt il-ġdid permezz tad-demm tal-patt il-ġdid u etern.

Hija bla tarf, fl-Ispirtu Santu, il-qawwa vivifikanti ta’ dan is-Sagrament. Il-Knisja tgħix bih, fl-Ispirtu Santu, bil-ħajja stess tal-Mulej tagħha. “Ġesù huwa Mulej”.

8. Illum, f’din is-Sollennità ta’ Pentekoste, fis-Sena tal-Ġublew tar-Redenzjoni 1983, fil-Belt distinta ta’ Milan jinsab miġbur iċ-ċenaklu tal-fidi tagħna. Dan huwa ċ-ċenaklu tal-Pentekoste, imma huwa, fl-istess ħin, iċ-ċenaklu stess tal-laqgħa paskwali ta’ Kristu mal-Appostli, iċ-ċenaklu stess ta’ Ħamis ix-Xirka.

Ninsabu, mela, miġburin fiċ-ċenaklu biex nilqgħu mill-ġdid ix-xhieda tal-misteri divini kollha, li fiċ-ċenaklu kellhom il-bidu tagħhom. Biex nilqgħu ix-xhieda, u biex nirrendu xhieda lill-Ewkaristija u lit-twelid tal-Knisja. Biex nagħtu għaqda, permezz taċ-ċenaklu, għal din ix-xhieda.

Jum wieħed ġiet fiċ-ċenaklu d-dinja kollha permezz tad-don tal-lingwi: kienet bħal donnha sfida kbira għall-Knisja, għajta għall-Ewkaristija u domanda tal-Ewkaristija.

Illum fiċ-ċenaklu tal-Kungress Ewkaristiku, fil-Belt nobbli ta’ Milan, tiġi l-ewwel waħda l-Italja: tiġi l-Italja kollha. Mhux il-Lombardija biss: imma wkoll il-Pjemonte, it-tliet Venezji u l-Ligurja; ukoll ir-Romanja u l-Emilja; ukoll l-Umbrija u t-Toskana, il-Lazio u le Marche; ukoll in-Nofsinhar kollu: il-Kampanja, l-Abruzzi u l-Molise, il-Puglia u l-Kalabrija u l-Basilikata. Jigu fl-aħħarnett, il-gżejjer: Sqallija u Sardenja, u dawk il-gżejjer żgħar imferrxa fuq l-ibħra. L-Italja kollha mix-xtut tal-Adrijatiku u tal-baħar Tirren għal għonq tal-Golf ta’ Ġenova u ta’ Venezja, l-Italja kollha għal għonq l-Appennini, il-wied kollu tal-Po sal-ktajjen għoljin tad-Dolomiti u tal-Alpi, tinsab miġbura hawnhekk spiritwalment.

Animata min-nifs qawwi tal-Pentekoste, din l-art Taljana tħabbar minn ġenerazzjonijiet għal ġenerazzjonijiet, kważi għal elfejn sena, l-opri kbar ta’ Alla. Hija tħabbar l-Ewkaristija, li minnha titwieled il-Knisja.

Tħabbarha b’sollennità partikolari f’dan il-jum li fih, waqt li titgezzez madwar is-Sagrament tal-altar f’din iċ-ċelebrazzjoni konklussiva tal-Kungress Nazzjonali, tippreżenta lill-fidili d-Dokument dwar l-Ewkaristija elaborat mill-Isqfijiet u minnhom propju llum ippubblikat, bl-awgurju li kull komunità nisranija “mill-Ewkaristija taċċetta r-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla, il-ferħ tal-għaqda fraterna, il-kuraġġ tat-tama biex inkunu ma’ Kristu ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja”.

Il-Knisja ssir permezz tal-Ewkaristija, il-kejl tal-ħajja u n-nixxiegħa tal-missjoni tal-Poplu ta’ Alla kollu, li ġie llum fiċ-ċenaklu jitkellem bil-lingwa tal-bnedmin kontemporanji.

Fl-Ewkaristija jinkiteb dak li l-iktar profond għandha l-ħajja ta’ kull bniedem: il-ħajja tal-missier, tal-omm, tat-tarbija u tal-anzjan, tat-tifel u tat tifla, tal-professur u tal-istudent, tal-bidwi u tal-ħaddiem, tal-bniedem kolt u tal-bniedem sempliċi, tar-reliġjuża u tas-saċerdot. Ta’ kull wieħed u waħda bla eċċezzjoni. Hekk hu, il-ħajja tal-bniedem tinkiteb permezz tal-Ewkaristija, fil-misteru ta’ Alla l-ħaj. F’dan il-misteru – bħal fil-Ktieb etern tal-Ħajja il-bniedem jaqbeż il-limiti tal-kontemporanjetà, billi jmur lejn it-tama tal-ħajja eterna. Hekk hu, il-Knisja tal-Verb Inkarnat twelled permezz tal-Ewkaristija, l-abitanti tal-Ġerusalem eterna.

9. Niżżuk ħajr, o Kristu!

Niżżuk ħajr, għaliex fl-Ewkaristija tilqà lilna, li ma jixraqilniex, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Santu fl-għaqda ta’ Ġismek u ta’ Demmek, fl-għaqda tal-Mewt u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħek.

“Gratias agamus Domino Deo Nostro!”.

Niżżuk ħajr, o Kristu! Niżżuk ħajr, għaliex tippermetti lill-Knisja li titwieled dejjem mill-ġdid fuq din l-art u għaliex tippermettilha li tiġġenera wlied maskili u femminili ta’ din l-art bħala wlied tal-addozzjoni divina u werrieta tad-destini eterni.

“Gratias agamus Domino Deo Nostro!”.

Niżżuk ħajr aħna lkoll, miġbura mill-Italja kollha, permezz ta’ dan il-Kungress Ewkaristiku. Ilqà r-ringrazzjament komunitarju tagħna. O Kristu! Nitolbuk biex tibqà f’nofsna, bħalma fil-għaxija tal-Għid sibt ruħek fost l-Appostli taċ-ċenaklu; nitolbuk biex tgħid mill-ġdid għal darb’oħra: “Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom” (Ġwv 20, 21).

U irregala lil dan il-kliem in-nifs qawwi tal-Pentekoste!

Agħmel li aħna nibqgħu fidili għal dan il-kliem!

Agħmel li aħna nkunu kulfejn tibgħatna . . ., għaliex il-Missier bagħat lilek.


Fi tmiem il-Quddiesa, il-Papa sellem b’dan il-mod:

Għeżież ħuti, tlabt magħkom; ħadt sehem fil-fidi tagħkom; ammirajt il-fidi tagħkom, waqt li rajt ukoll f’liema kondizzjonijiet tinsabu. Din kienet prova tal-fidi tagħna u nittama li ġġib frott. Niżżikom ħajr ta’ din l-esperjenza profonda ta’ fidi ewkaristika li kien il-XX Kungress Ewkaristiku Nazzjonali Taljan. Insellmilkom kordjalmenr qabel ma nerġà lura Ruma u mill-ġdid għal darb’oħra nsellem lil ħuti Kardinali u Isqfijiet, lis-saċerdoti, u lil ħuti għeżież, speċjalment lill-morda.  

Waqt li wieġeb lil dawk li talbuh jerġà jmur Milan darb’oħra:

Dak biss li telaq jistà jerġà lura u jien għadni ma tlaqtx u intom ma tafux jekk inhiex se nitlaq. Ejjew infittxu mela li nħollu din il-problema bejn li nerġà lura, it-tluq u li nibqà hawn. Ejjew infittxu li nħolluha bil-grazzja ta’ Alla . . . Mill-ġdid għal darb’oħra niżżi ħajr lill-Kardinal tagħkom Carlo Maria Martini u niżżi ħajr lil kulħadd talli lqajtuni u issa, li tħalluni nerġà lura Ruma. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading