Ġwanni Pawlu II fis-Seminarju ta’ Venegano, Varese

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-LOMBARDIA
KONĊELEBRAZZJONI BIR-RIT AMBROSJAN FIS-SEMINARJU TA’ VENEGONO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Venegono Inferiore (Varese)
Is-Sibt, 21 ta’ Mejju 1983 

1. Qiegħed jaħseb biex jidlam fis-sema tal-bnedmin u l-jum wasal biex jintemm. Imma l-Mulej, waqt li laqà t-talba mlewna tad-dixxipli, jibqà magħna, biex ikompli flimkien magħna l-mixja tal-ħajja, biex jaqsam magħna d-diffikultajiet, jagħmel tiegħu il-wirt għal dejjem u jirrendina “ġisem wieħed”. Dan huwa l-messaġġ profond u attwali b’mod straordinarju, tal-qari bibbliku li issa se tisimgħu.

Għeżież ħuti – Saċerdoti, Reliġjużi, Seminaristi – tad-dijoċesi kbira, antika, distinta ta’ Milan, li lill-Knisja tat figuri sublimi ta’ bnedmin ta’ Alla, bħal San Ambroġ u San Karlu, u xi Papiet Rumani ta’ statura xejn komuni!

Jiena kuntent li ninsab hawn illum magħkom u niddedika ħsieb ta’ tislima ta’ mħabba lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda b’mod partikulari, nibda mill-Arċisqof tagħkom, il-Kardinal Martini, u minn dak li għal tant snin kien ir-Ragħaj tagħkom, il-Kardinal Colombo. Insellem ukoll lill-Isqfijiet kollha preżenti kif ukoll is-seminaristi tad-dijoċesijiet l-oħra tal-Italja li jinsabu hawn numerużi.

F’din il-konċelebrazzjoni sagra, waqt li nitilqu mit-testijiet liturġiċi proposti lilna, irrid nieqaf flimkien magħkom fuq konsiderazzjoni fundamentali: li, jiġifieri, l-iżvilupp tal-komunità nisranija jissejjes fuq iċ-ċentralità ewkaristika u, konsegwentament, is-saċerdot fil-kwalità tiegħu ta’ ministru “per eċċellenza” tal-Ewkaristija, ir-reliġjuż minħabba l-konsagrazzjoni tiegħu, is-seminarista minħabba l-għażla tiegħu ndirizzata għall-iskola tas-saċerdozju, jekk iridu jikkollaboraw għall-bini tal-poplu ta’ Alla, li għalih huma msejħa, ma jistgħux ma jirradikawx fil-Ministeru ewkaristiku ħajjithom kollha.

2. L-Ewkaristija, qabel kollox, bħala tifkira u espressjoni tal-ikbar u tal-iktar imħabba vera mwassla lill-bnedmin, hija l-qawwa ta’ tiġdid tad-dinja kontemporanja.

Illum, infatti, id-dinja li minħabba sinjali diversi u livelli diversi iffalsifikat jew tilfet is-sens tad-dnub, hija affettwata mill-ħażen tal-mibegħda, li jġib miegħu ostilità, firda, vjolenza. Wieħed jistà jirbaħ il-mibegħda biss bil-qawwa tal-imħabba. U bħalma l-mibegħda tidher antika, hekk ukoll l-imħabba hija dejjem ġdida.

Jibqà ħaj f’moħħna, għaliex għadu attwali b’mod straordinarju, il-kwadru deskritt mill-Konċilju Vatikan II dwar il-bnedmin tad-dinja kontemporanja. Ukoll jekk qatt bħallum il-ġeneru uman kellu għad-dispożizzjoni tant rikkezzi, possibiltà u qawwa ekonomika, parti kbira tal-bnedmin madankollu għadha tturmentata mill-ġuħ u mill-miżerja. Waqt li jħoss sens akut ta’ libertà, irid imbagħad jakkuża l-eżistenza ta’ forom ġodda ta’ skjavitù soċjali u psikika. Nitkellmu ħafna dwar unifikazzjoni, solidarjetà, interdipendenza mutwa, u sadattant tfajna ruħna fid-direzzjoni opposta. Waqt li jibqgħu ħajjin il-kuntrasti politiċi, soċjali, ekonomiċi, razzjali idejoloġiċi, ma jonqosx il-periklu ta’ gwerra totali li kapaċi teqred kollox (cf. Gaudium et Spes, 4).

Għeżież ħuti, metropoli bħal Milan hija, sa ċertu punt, mera tar-realtà mondjali, bir-riżorsi ta’ ġid tagħha, imma flimkien mal-kontradizzjonijiet tagħha profondi u akuti.

Bdanakollu, din id-dinja tinħtieġ lil Ġesù, il-messaġġ ta’ mħabba tiegħu, il-preżenza ewkaristika tiegħu, li hija fattur ta’ salvazzjoni u ta’ għaqda. Il-medjazzjoni ta’ Kristu biss tistà tkisser l-ispirali tal-mibegħda, tal-inġustizzja, il-vjolenza, tad-dnub. Kristu huwa r-rikkezza tagħna, l-ikel tagħna, il-paċi tagħna, il-verità tagħna, il-libertà tagħna. Bih, permezz tal-enerġija trasformanti ta’ mħabbtu. Qalb il-bniedem tistà tinbidel, tistà titwieled il-krejatura l-ġdida, li ma ssegwix il-linja tat-tagħlim vendikattiv “Għajn għal għajn sinna għal sinna” (Mt 5, 38), imma dik evanġelika li tqis l-oħrajn bħala wlied il-Missier komuni, li tħobb lill-għedewwa, li taħfer dejjem mingħajr ma tgħodd in-numru tar-rikorrenzi tagħna għall-maħfra. Huwa biss mill-Kelma ta’ Kristu li jgelgel l-ilma li hu kapaċi jissodisfa l-għatx tal-bniedem.

3. Permezz tal-Ewkaristija aħna nerġgħu nsibu l-identità tal-esseri tagħna nisrani. Alla jħobbna, għaliex hu huwa Mħabba. Aħna nħobbu għaliex huwa ħabbna l-ewwel (1 Ġw 4, 8). L-imħabba terġà tilbes l-importanza deċiżiva fit-tagħlim ta’ Ġesù. Imma l-imħabba tal-bniedem għal Alla twettaq lilha nfisha fl-imħabba tal-bnedmin. “Kulmin iħobb, jagħraf lil Alla”. U “min ma jħobbx lil ħuh li jarah, ma jistax iħobb lil Alla li ma jarahx” (1 Ġw 4, 7. 9).

L-imħabba tal-proxxmu, b’dan il-mod, issir mhux biss prinċipju ta’ għarfien ta’ Alla, imma wkoll regola tad-deheb tal-imħabba, immudellata fuq il-qies stess tal-Qalb ta’ Kristu. “Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12). Bħal: din hija l-indikazzjoni ta’ qies. U Ġesù ħabbna sal-quċċata tas-servizz, sal-limitu massimu tal-imħabba, tar-rigal ta’ ħajtu stess: jiġifieri bla qies.

Kien meħtieġ, għas-salvazzjoni tagħna, li Kristu jirregala ruħu lill-Missier f’sagrifiċċju. L-animosità u l-mibegħda sfaw imdewba u miġjuba fix-xejn f’ġismu, bit-tixrid ta’ Demmu fuq is-salib: għaliex biex jirrendu xhieda mhumiex biss l-Ispirtu u l-ilma, imma wkoll id-Demm (cf. 1 Ġw 4, 7). B’dan il-mod Ġesù huwa l-vittma sagrifikali tagħna, f’raddil-ħajr (“ewkaristija”).

Fl-istqarrija pawlina li aħna konna magħżula u maħluqa biex inkunu fl-Iben u nkunu quddiem il-Missier (cf. Ef 1, 3), il-fidi tagħna turi lil Ġesù li jippreżentana u joffrina. Hu, il-Ħaruf, jibqà quddiem Alla għal dejjem, bil-pjagi tiegħu miftuħa, li saru għamara ta’ dawk li jemmnu li huma inkorporati. U l-Missier iqisna fil-prospettiva tal-Iben mogħti għalina f’Sagrifiċċju.

Mela, meta niċċelebraw il-misteru ewkaristiku,li hu “mysterium fidei”, aħna nħabbru l-mewt tal-Mulej. Permezz tal-Ewkaristija l-fidili, diġa mmarkati mill-Magħmudija u mill-Griżma, ma jiħdux sehem f’xi ċena kwalunkwè, imma jirċievu dak li Santu Wistin isejjaħ il-“misteru” tagħna, jieħdu dak li diġa huma, billi pjenament jinserixxu ruħhom fil-Ġisem ta’ Kristu. Hija, din, l-identità propja tal-esseri nisrani, li mhux ngħammru fina, imma f’Alla.

4. Is-Sagrament tal-Ewkaristija, li huwa tifkira tal-Imħabba, rabta ta’ karità, huwa fl-istess ħin sinjal li jipproduċi l-għaqda u l-komunità. Waqt li jħabbar l-mewt tal-Mulej, dan jara bil-quddiem fl-istess ħin l-qawmien mill-imwiet, għaliex il-ġisem ewkaristiku huwa wkoll Ġisem glorjuż. Il-ġisem ta’ Kristu huwa dejjem il-ġisem reali u personali, li għex, miet, u issa gglorifikat. Fl-Ewkaristija jerġà jiġġedded il-misteru paskwali, li huwa misteru ta’ niket, ta’ mewt u ta’ qawmien mill-imwiet, ta’ Ġesù u tal-bnedmin. Hekk, muri fil-globalità tiegħu, il-ġisem tal-laħam, li sar il-ġisem tal-glorja, jgħaqqad lill-fidili miegħu u bejniethom. B’dan il-mod tinbena l-Knisja, organiżmu ħaj fi tkabbir kontinwu.

Huwa minħabba l-Ewkaristija li l-membri tal-komunità nisranija jidentifikaw ruħhom b’mod mistiku mal-ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja, u jsiru ħaġa waħda biss bejniethom. Għalhekk is-sagramenti kollha, kif ukoll l-ministeri ekkleżjastiċi kollha u l-opri tal-apostolat, huma magħqudin b’mod strett mal-Ewkaristija Mqaddsa u magħha rranġati. L-Ewkaristija hija rejalment il-qalb u ċ-ċentru tad-dinja nisranija. Fiha hemm miġbur il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja, l-istess Kristu, ħobż ħaj li, permezz tal-Ġisem vivifikat u vivifikanti tiegħu fl-Ispirtu Santu, jagħti l-ħajja lill-bnedmin (cf. Presbyterorum Ordinis, 5). Mhux possibbli li tkun iffurmata komunità nisranija “jekk ma jkollhiex bħala għerq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa, li minnha mela jittieħdu l-mossi ta’ kwalunkwè edukazzjoni ntiżi li jiffurmaw l-ispirtu ta’ komunità” (Ivi, 6).

5. Huwa fid-dawl ta’ tali riflessjonijiet, żviluppati fuq sies bibbliku u konċiljari, li aħna nistgħu u għandna naraw il-misteru ewkaristiku bħala ċ-ċentru u l-għerq tal-ħajja kollha tas-Saċerdot, tar-Reliġjuż, tas-Seminarista, kemm taħt il-profil tal-ispiritwalità personali, kif ukoll taħt dak tal-missjoni pastorali.

Huwa fis-sigriet tas-sors ewkaristiku li l-bniedem, magħżul bl-imħabba ta’ Alla fost il-bnedmin l-oħra, għandu jsib il-fertilità tiegħu, jekk irid jibqà fidil lejn il-ministeru tiegħu u jerġà lura iktar għani, biex jirregala, f’nofs il-komunità tal-aħwa. Ċentralità ewkaristika tfisser tqiegħed fiċ-ċentru ta’ ħsibijietna u tal-prospettivi tagħna mhux lilna nfusna, il-programmi umani tagħna, imma lilu, ħajja ta’ ħajjitna. Inkella nsiru fergħa niexfa, qampiena bla diwi ta’ leħen.

Għeżież ħuti, sabiex nittrasformaw ruħna dejjem iktar f’ġisem Kristu, il-Konċilju ma jgħejjiex jirrakkomandalna il-mixja wara Kristu bħala l-unika ħaġa meħtieġa, l-assimilazzjoni tax-xjenza predominanti tiegħu, id-djalogu ta’ kuljum miegħu, il-kult ewkaristiku personali u liturġiku (cf. Presbyterorum Ordinis, 18; Perfectae Caritatis, 6; Optatam Totius, 11).

Din hija l-istedina biex insegwu b’deċiżjoni t-triq tal-qdusija, għaliex hekk biss inkunu nistgħu inwettqu l-missjoni tagħna li hi dik li nħabbru u li nixhdu lil Kristu; hekk biss nistgħu nagħtu dawl u konsolazzjoni lill-bnedmin tallum, li s-salvazzjoni tagħhom, bħal tal-bnedmin talbieraħ u ta’ dejjem, tinsab unikament fil-verità mgħarrfa lilna mir-Rivelazzjoni divina.

Nittama u nawgura li dan is-Seminarju ta’ Venegono, wieħed mill-ikbar tal-Knisja, ideat mill-Kardinal Ferrari u mwettaq mill-Kardinal Schuster, ikun, għas-saċerdoti futuri tal-Mulej, skola ta’ Ewkaristija.

Il-Verġni Omma, li taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu iffurmat il-ġisem fiżiku tas-Salvatur, bħala Omm il-Knisja, akkumpanjat il-fundazzjoni u l-iżvilupp tal-Ġisem Mistiku, tgħin lis-saċerdoti u lis-seminaristi kollha biex jifhmu l-profondità tal-ħajja tal-Iben li sar Ħuna.

Hija din ir-raġuni ta’ fiduċja u ta’ tama għall-futur immedjat tal-Knisja u tad-dinja.  

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading