Ħrafa Spanjola

Minn Edward Tagliaferro

Fi Spanja jħobbu jirrakuntaw din il-ħrafa:

Kien hemm missier u ibnu ta’ xi għaxar snin li kellhom bżonn jaqsmu minn naħa għal oħra tal-belt tagħhom.  Kienu qegħdin imexxu daqsxejn ta’ ħmar. Għalhekk, minn kull fejn bdew għaddejjin, in-nies bdew iħarsu lejhom u jidħku bihom.  Xi wħud bdew jgħajtu: “Ara dawn kemm huma boloh; għandhom ħmar bħal dak u qegħdin jimxu.  Għax ma jirkbux fuqu?”

Il-missier qal lil ibnu, “Tassew! Ejja nirkbu fuq il-ħmar.” U hekk għamlu.  Ma damux  mexjin wisq meta n-nies li rawhom bdew igergru: “Ara naqra dawn kemm jaħqru lill-ħmar!  Mank rikeb wieħed minnhom biss!”

Il-missier qal lil ibnu: “Aħjar tinżel, għax għad fadlilna triq twila.” Komplew mexjin, imma issa d-diska nbidlet, u z-zekzik issa sar għax il-missier messu jistħi jirkeb hu meta kien għadu fl-aqwa tiegħu, u jħalli naqra ta’ tifel żgħir jimxi.

Għalhekk il-missier niżel minn fuq il-bhima u qal lit-tifel jirkeb hu.  Komplew mixjin ftit u ieħor u ltaqgħu ma lablaba oħra li bdew ixenglu rashom u jgħidu: “Dan it-tifel kbir biżżejjed biex jimxi hu. Mela ma jġibx nitfa rispett lejn missieru?” Il-missier ħabat se jitlagħlu San Filep, imma żamm il-kalma u qal lit-tifel,  “Inżel minn hemm u nkomplu t-triq li fadal kif bdejniha.”

It-tagħlima hi li f’Demokrazija qatt ma tista’ tikkuntenta lil kulħadd.  Imma naħseb hemm tal-anqas tagħlima oħra: Int tgħix skont kif jgħidulek in-nies lablaba u zekzieta, jew skont it-tagħlim li ħadt fil-familja u fl-iskola, u skont kif taħseb int li hi t-triq it-tajba? Veru li kull tant ikollok bżonn parir.  Imma dan żgur li int mhux se tieħdu mill-għidut tan-nies imma minn xi ħadd professjonali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading