IT-TRIQ TAS-SALIB GĦAL ŻMIENNA

Print Friendly, PDF & Email

7 eżempji llum b’sehem fil-passjoni

Minn Joe Galea

Fi żmienna Ġesù għadu jbati, għadu jiġi tradut, għadu jiġi msallab, għadu jmut, għadu jifdi.

Dan nistgħu narawh minn 7 rakkonti li huma eżempji ta’ min illum huwa sehem mill-Passjoni ta’ Ġesù.

Huma mera ta’ ħafna oħrajn li, jafu jew ma jafux, qegħdin jifdu ma’ Ġesù.

L-1 Stazzjon
Ġesu’ kundannat għall-mewt bla ħtija – 21 MARTRI GĦALL-FIDI

Fi Frar ta’ 9 snin ilu, wieħed u għoxrin raġel inqatlu mill-ISIS fi xtajta fil-Libja. Setgħu salvaw ħajjithom billi jiċħdu l-fidi imma għalkemm kienu jafu x’ġej għalihom għażlu lil Kristu. Insara madwar id-dinja għadhom jieħdu ispirazzjoni minn fidi bħal din. Dawk li qatluhom urew il-massakru kiefer li wettqu kif jidhru lebsin l-iswed u b’wiċċhom mgħotti wara l-irġiel, għarkupptejhom f’ringiela lebsin qomos oranġjo.

Il-Papa Franġisku kien fakkar dwar dawn il-21 martri Kopti, maqtula fil-15 ta’ Frar tal-2015, meta kiteb li: “Demmhom mhux biss iż-żerriegħa tal-Insara, imma wkoll żerriegħa li se tħalli frott rikk għall-għaqda Nisranija. Grazzi għax-xhieda qawwija tagħhom, ħafna Nsara rrealizzaw li l-gradi tal-martri jinkludu mhux biss qaddisin tal-Knisja tal-bidu murija fl-ikoni tal-qedem, iżda wkoll irġiel u nisa ta’ żmienna, il-kontemporanji tagħna. Huma wkoll qaddisin ta’ kull tradizzjoni nisranija.”

F’dawn il-jiem, ir-relkwji ta’ dawn il-martri ittieħdu l-Vatikan biex il-Kattoliċi wkoll jagħtuhom qima bħala martri għal Kristu. Bħal Ġesù vittmi innoċenti li s-sagrifiċċju ta’ ħajjithom jibqa’ eżempju għalina wkoll.

It-2 Stazzjon
Ġesu’ mgħobbi s-salib – IL-PAPA SAN ĠWANNI PAWLU II

Min ikun fl-awtorita’ hu mgħobbi b’responsabbilta’. Il-Papa hu persuna li jġorr din ir-responsabbilta’, anzi jġorr ukoll it-tbatija tal-bnedmin, in-niket ta’ dawk li huma sfortunati bil-mard, bil-firdiet, bil-gwerer.

Kemm din ir-responsabbilta’ għafset fuq il-Papa San Ġwanni Pawlu I!. Laħaq Papa meta kien meta kien f’’saħħtu, ta’ 58 sena. Dam ħafna Papa, 26 sena, li fihom ivvjaġġa f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Issogra ħafna biex biex jitwarrbu r-reġimi komunisti. Ma beżax għax kien qed jitħabat għas-sewwa u għal-liberta’. Ħadem biex art twelidu, il-Polonja, u artijiet oħra li kienu maħkuma mir-Russja komunista, jieħdu n-nifs tal-liberta’.

Għal ftit ma nqatilx meta wieħed żagħżugħ Tork, Ali Agca, spara fuqu fil-pjazza tal-Vatikan. Il-Papa jgħid li kienet il-Madonna, li tant kien devot tagħha, li dakinhar ħelsitu mill-mewt. Huwa ħafer minn qalbu lil dak li ried itemmlu ħajtu. Għalkemm marid u batut, il-Papa Ġwanni Pawlu II temm dmiru sal-aħħar u llum hu wieħed mill-qaddisin tal-Knisja.

Ir-4 Stazzjon
Ġesu’ jiltaqa’ ma’ ommu Marija – OMM PELIN KAYA, TIBKI LIL BINTHA

Il-Ħamis 18 ta’ Jannar 2023 ġiet maqtula fil-Gżira Pelin Kaya, tfajla Torka. Proprju fil-birthday tagħha. Kellha tletin sena. Pelin kienet taħdem f’Malta fid-disinjar tad-djar minn ġewwa.

Żagħżugħ Malti daħal fiha bil-karozza meta kienet ħdejn ħanut fil-Gżira. Wara li tajjarha, dan iż-żagħżugħ tefa’ l-bricks fuqha, ġebel kbir.

Wara din l-istorja ta’ niket, omm it-tfajla Pelin Kaya ġiet Malta u marret fuq il-post fejn ħalliet ħajjitha bintha. Imbikkija qalet li qisha qed tisma’ l-leħen ta’ bintha. Qalet: “Ma stajtx naraha, imma stajt nisma’ leħintha. Qed tgħidli: ‘Ma’, x’inti tagħmel ħawn? Qed tbati.’”

U żgur li tbati omm li tant ħabbet lil bintha, li kienet Malta biex bl-impieg tagħha tkun tista’ tgħin lill-familja tagħha. Tfajla li nqatlet mingħajr l-ebda raġuni, u omm li tibkiha. Bħal Marija tara lil binha msawwat u maqtul. Omm din it-tfajla hi Duluri oħra, li tingħaqad ma tant ommijiet li qed ibatu b’xi mod jew ieħor minħabba dak li jkun ġara lil uliedhom.

Is-6 Stazzjon
Il-Veronika tixxotta wiċċ Ġesu’ –  SORIJIET TA’ MADRE TEREŻA

Ruma. Is-Sorijiet ta’ Madre Teresa ltaqgħu ma raġel tassew imsejken, magħluq fih innifsu, mingħajr kuntatt mad-dinja ta’ madwaru.Is-sorijiet qatt ma raw każ bħalu. Ħaslulu l-ħwejjeġ, naddfulu d-dar,lestewlu ftit ilma sħun; ħallewlu kollox nadif u pulit. Ħasbulu għall-ikel ukoll.

Madankollu, ir-raġel baqa’ sieket. Ma lissinx kelma waħda.U s-sorijiet iddeċidew li jmorru d-dar tigħu darbtejn kuljum. Wara ġurnata ħidma għall-imħabba ta’ Ġesu’  u bil-għajnuna tiegħu, is-sorijiet jagħmlu siegħa talb u adorazzjoni Ewkaristika. Matul il-ġurnata huma f’kuntatt ma’ Ġesu’ permezz tax-xbieha tiegħu, fl-imsejkna, fil-foqra. F’għeluq il-jum, għal darba oħra jiġu f kuntatt miegħufit-tabernaklu perrmezz tat-talb. Ftit ġranet wara, ir-raġel kiser is-skiet tiegħu.“Għeżież, intom daħħaltu lil Alla fid-dar tiegħi. Nixtieq inqerr.

Is-sorijiet fittxew qassis, u r-raġel qerr, wara sittin sena. L-għada,… ir-raġel,… miet. Imma s-sorijiet, fi ftit ġranet, kienu fakkruh x’inhi l-imħabba Alla, l-imħabba bejn l-aħwa, xi jfisser li tħossok maħbub. Ir-raġel kien nesa l-kelma mħabba għax qalbu kienet magħluqa għal kollox. Ftit xogħol umli, sempliċi, mimli tenerezza mis-sorijiet wassal biex Alla jidħol fil-ħajja tar-raġel imsejken.

L-10 Stazzjon
Ġesu’ mneżża minn ħwejġu – REFUĠJATI FI ŻMIENNA

Wara sentejn ta’ gwerra fl-Ukrajna u f’postijiet oħrajn madwar id-dinja, insibu ħafna refuġjati li tilfu kollox. Qegħdin nirrakkuntaw dak li għaddiet, Olena, tfajla ta’ 16-il sena minn Mariupol, Belt fil-Lvant Nofsani ta’ Donetsk fl-Ukrajna. Hi tirrakkonta hekk: “Qabel il-gwerra, qalb it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna, għidt lil sħabi: Ħbieb, mhux se jkun hemm gwerra, tinkwetawx, kollox ikun ok. Nistqarr li kont ottimista żżejjed. Qomt filgħodu kmieni fl-24 ta’ Frar 2022. Kont qed norqod taħt it-tieqa tal-kamra u rajt is-sema fl-aħmar. Ftit sekondi wara smajt “bumm”; kienet splużjoni. Il-mowbajl kien qed jimtela’ bil-messaġġi, kienu l-5 ta’ filgħodu. Il-gwerra kienet bdiet.

Fl-1 ta’ Marzu, ħabib tiegħi telaq minn daru. Daru kienet sfat minn attakk u hu ntlaqat minn biċċiet minn bomba li taru bl-isplużjoni. Sħabi tal-klassi kienu xxukkjati ferm għax ma stajnix nemmnu dak li ġara lil wieħed minn sħabna. Hu  safa vittma ta’ dan l-attakk fejn miet l-isptar u rrealizzajna għall-ewwel darba li din ma kinitx ċajta. Din hija gwerra kbira u terribbli.

Sal-5 ta’ Marzu spiċċajna bla dawl, bla ilma, bla mezzi ta’ komunikazzjoni, kollox inqata’ ħlief il-gass. Daqs kemm kien hemm splużjonijiet, bħala familja spiċċajna noqgħodu fil-basement biex nippruvaw insalvaw. Dakinhar inzerta għeluq snin missieri, bombi neżlin minn ajruplani Russi u aħna fhimna li d-dar tagħna tista’ tkun il-vittma li jmiss.

Tlaqna minn Mariupol fil-15 ta’ Marzu. Is-sitwazzjoni bdiet tiggrava kuljum. Minn naħa fhimna li nistgħu immutu daqs siegħa oħra, anki daqs minuta oħra, imma min-naħa l-oħra kienet riskjuża ħafna li titlaq. Bombi waqgħu ħdejn il-bitħa tad-dar. L-isplużjoni qassmet il-windscreen tal-karozza proprju min-nofsha u aħna konna qed ninkwetaw li l-karozza kollha jmiss li titkisser. Huwa hemm fejn iddeċidejna li naħarbu. Ommi bdiet tibki. Jien kont qed nitlob. Ħija ż-żgħir kien qed jitlob u jibki. Hekk kif soqna, rajt djar u vetturi militari maħruqa, nies mejta fit-toroq. Kienet orribbli. Missieri baqa’ fil-Belt ta’ Mariupol.

Bħalissa qed noqgħod ma’ ommi, ħija, u oħti f’kamra waħda. Ma nafx fejn inkun xahar ieħor jew ġimagħtejn oħra. Qed noqgħod f’Warsaw (Varsavja) fil-Polonja. In-nies isaqsuni, “Minn fejn int?” Jien għidtilhom, “Jien minn Mariupol.” Huma jħarsu lejja  b’għajnejhom mimlija uġigħ, jifhmu li inti ma tistax tmur lura d-dar għax mhemmx belt iżjed. Il-belt hija meqruda.”

Bħal Olena hemm madwar 8.1 miljun refuġjat ieħor Ukren u oħrajn minn gwerer oħra li xi wħud ma jsibux appoġġ bħal ma sabet Olena.

It-12 il-Stazzjon
Ġesu mislub fuq is-salib – IL-MAĦFRA TA’ ARĊISQOF FL-UGANDA

Fis-17 ta’ Frar tal-1977 kien ġie maqtul l-Arċisqof Janani Luwum mir-reġim ta’ wieħed mill-iktar dittaturi krudili f’dak iż-żmien, il-president tal-Uganda Idi Amin. L-Arċisqof kien Kien ġie maqtul mill-qawwiet tas-sigurta’.

Qalu li miet f’inċident tat-traffiku bejn il-post tal-arrest tiegħu u post ieħor fejn kienu se jinterrogawh. L-Isqof Festo Kivengere, ħabib tal-Arċisqof Janani Luwum u li hu wkoll sofra persekuzzjoni taħt Idi Amin, kiteb ktieb jismu: “Inħobb lill-Idi Amin”. Jirrakkonta x’ħass ġo fih meta sema’ bl-aħbar tal-mewt tal-Arċisqof Janani Luwum.

Erbat ijiem wara l-qtil tal-Arċisqof, ġol-Katidral ta’ San Pawl f’Kampala, kien hemm madwar 5000 Nisrani: studenti u żgħażagħ, li daħlu fil-Knisja jkantaw. Tassew li l-kant kien diffiċli għax kien imħallat bid-dmugħ, imma dawk preżenti ħassew li kienu fil-ġenna tal-art.

L-aħbar waslet lura għand President Idi Amin, li qal: “L-Insara qed jifirħu, ikantaw!” Ma setax isib sens għal dan. Kompla: “Kif jista’ jkun?” Il-ktieb ħareġ fl-Amerka meta kien hemm rabja kbira kontra Idi Amin. Ġurnalist staqsa lill-Isqof Kivengere dwar il-ktieb: “Għaliex ma tasalx li tikkundanna lil Amin?” Immaġina li ġibt quddiemek lill-President Amin u npoġġieh bilwieqafa quddiemek, u nagħtik pistola. Għidli, x’tagħmel b’dik il-pistola?

L-isqof wieġeb: “Ara,… kont nagħti l-pistola lill-President Amin, U ngħidlu: “Żomm l-arma,… din tiegħek. Jien qatt m’użajtha, Ma nemminx fiha. L-arma waħdanija tiegħi hi l-imħabba”.

It-13-il StazzjonĠesu mniżżel mis-salib – IS-SAGRIFIĊĊJU TAL-ARĊISQOF OSCAR ROMERO

San Salvador. Sena elf, disgħa mija u tmenin. Il-katidral tal-Kapitali. Il-Quddiesa ta’ Oscar Romero, Arċisqof. Stramba kif kien ġie magħżul Romero mill-gvern militari ta’ El Salvador.

Ħasbu li minħabba n-natural mistħi tiegħu mhux se jkunilhom ta’ nkwiet.

Dimostrazzjoni kontra t-taħwid fl-elezzjoni tal-President ġiet imkissra b’kefrija mill-pulizija. Sparaw fuq il-folla biex iferrxi d-dimostrazzjoni. Ħafna ġew maqtula. Romero pprotesta b’saħħa kontra dan.

Ftit wara, ħabib intimu ta’ Romero, qassis Ġiżwita li kien jaħdem qalb il-foqra, ġie maqtul mill-forzi tal-gvern. Romero nbidel. Beda jitkellem fil-beraħ kontra l-vjolenza, kemm dik ġejja mill-gvern kit ukoll mill-forzi tax-xellug. Huwa attakka wkoll lill-gvern għall-moħqrija lill-bdiewa ta’ El Salvador. Hekk hu sar figura ċentrali fil-pajjiż, u x-xandira tiegħu kull ġimgħa fuq ir-radju saret ħaġa mportanti fil-ħajja nazzjonali. Bdew jikkomplottaw kontra ħajtu.

Nhar l-24 ta’ Marzu 1950, Romero kien qed jiċċelebra l-Quddiesa f’San Salvador. Malli refa’ l-kalċi fil-għoli, qal: “Is-Sagrifiċċju ta’ Kristu jagħtina l-kuraġġ biex noffru lilna nfusna għall-ġustizzja u għall-paċi. Sewwasew waqt il-konsagrazzjoni, sparatura, u l-Arċisqof jaqa’ f’għadira demm f’riġlejn l-altar.

L-Ewkaristija tfisser sagrifiċċju! Hekk bdiet, b’sagrifiċċju. Kristu ta ħajtu għall-oħrajn.

Joe Galea

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading