Fil-katekeżi għat-tfal se nibqgħu kif konna?

M’ilux wisq, il-Knisja f’Malta, ħadet id-deċiżjoni li tgħolli l-età tal-għoti tas-Sagrament tal-Konfirmazzjoni (Il-Griżma tal-Isqof) għal tnax-il sena.  Ċert li l-għan wara dan kien wieħed tajjeb madankollu, meta titkellem ma’ kappillani, katekisti u ġenituri tintebah kemm dan il-pass ħoloq problemi loġistiċi.

Minkejja li l-ħsieb kien ilu jberren f’moħħ il-Knisja għal bosta snin, u dan il-kappillani kienu jafuh, madankollu forsi mhux kollha ħejjew tajjeb għal din  il-bidla. Ir-riżultat kien li meta waslet, xi parroċċi kellhom jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, kemm fir-rigward ta’ postijiet biżżejjed fejn jiltaqgħu t-tfal, kif ukoll fin-numru ta’ katekisti mħejjija tajjeb biex jaqdu dan il-ministeru importanti.

Għal bosta snin, fil-biċċa l-kbira tal-parroċċi ta’ Malta u Għawdex, dak li konna nsejħulu “tagħlim tad-duttrina” kien fdat f’idejn is-Soċjetà tal-MUSEUM.  Iżda llum anke hawn qed jinħass sewwa n-nuqqas ta’ soċji u nafu li sfortunatament numru ta’ oqsma kellhom jiġu magħluqa.  Sintendi l-problema waqgħet f’riġlejn il-kappillan.

Iżda anke l-istess ġenituri, li uliedhom waslu għall-età ta’ l-Ewwel Tqarbina jew tal-Griżma qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ numru ta’ diffikultajiet.  Il-ħtiġijiet tal-familji llum m’għadhomx dawk li kienu għoxrin jew tletin sena ilu.  Għandna numru sewwa minnhom fejn iż-żewġ ġenituri għandhom impieg u aktarx li sakemm jaslu l-omm jew il-missier lura d-dar, ulied ikunu għand xi nanna, li aktarx tkun toqgħod f’raħal ieħor.

Barra minn hekk, it-tfal infushom, wara l-ħin tal-iskola, illum spiss issibhom impenjati f’attivitajiet diversi, bħal sports, drama, etc.  U dan huwa tajjeb.  Għalhekk id-diffikultajiet li juru l-ġenituri biex jieħdu lill-uliedhom għall-katekiżmu huma ġenwini.  Mhux minnu li l-maġgoranza l-kbira tal-ġenituri ma jimpurthomx mill-formazzjoni reliġjuża tat-tfal tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Knisja trid tfittex strateġiji u metodi ġodda.  Naf li xi parroċċi qed jaħsbu biex jibdew joffru lill-ġenituri l-possibiltà tas-Sunday School, dejjem jħallulhom l-għażla li jibqgħu kif inhuma.  Ċert li fil-bidu, anke din toffri diffikultajiet, imma jekk tkun mħaddma tajjeb taf tħalli ħafna frott, mhux fit-tfal biss, iżda anke fil-ġenituri u l-familji tagħhom.  Per eżempju, ma’ laqgħat ta’ Katekiżmu, nhar ta’ Ħadd tista’ tkun inkorporata anke l-Quddiesa, li fiha jkunu mistiedna jieħdu sehem anke l-ġenituri u membri oħra tal-familja.

Wasal iż-żmien li l-Knisja tinvesti bis-sħiħ fil-formazzjoni tajba tat-tfal, u dan kemm f’riżorsi umani kif ukoll riżorsi pastorali moderni oħra.  Irid ikollna edukaturi professjonali mgħammra b’mezzi moderni u b’ħafna ħeġġa.  Ma nistgħux nibqgħu kuntenti li r-rota għadha qed iddur.  Jista’ jkun li l-magna waqfet  jew waslet biex tieqaf u li llum għadna mexjin biss minħabba r-rankatura li ksibna bosta snin ilu.