Il-karatteristiċi ta’ Knisja magħquda mad-Dielja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 23 ta’ April 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni ta’ Jum San Ġorġ. Bażilika San Ġorġ, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Il-Qari li għadna kif smajna, b’mod speċjali l-Ewwel (Apok 7:9-17) u t-Tieni Qari (2 Tim 2:8-10; 3:10-12), jaqblu ħafna mal-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw tal-Martirju ta’ San Ġorġ. L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi, jippreżentalna lil dawn il-ħafna nies lebsin l-abjad; u San Ġwann jispjega dawn in-nies lebsin l-abjad bil-palm f’idejhom, il-palma tax-xhieda. Il-kelma martirju tfisser li tkun xhud: xhud ta’ Ġesù. Dawn “bajdu u ħaslu l-ilbies tagħhom fid-demm tal-Ħaruf” (v. 14). Fi kliem ieħor, mimlijin bl-Ispirtu ta’ Ġesù, xerrdu saħansitra demmhom bħal Ġesù: id-demm huwa sinjal tal-Ispirtu ta’ Alla. Għalfejn? Hekk, biex kulħadd jiftaħar bihom? Biex iċapċpulhom? Assolutament le! Sempliċiment minħabba li ħabbew b’mod estrem bħal Ġesù. U l-imħabba estrema, lil min iħobb, iġġagħlu jbati.

Fit-Tieni Qari, San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju jirrakkontalu l-esperjenza tiegħu fil-ħabs u jgħidlu “li min irid ikun dixxiplu ta’ Ġesù, irid jgħaddi minn persekuzzjoni” (ara 3:12). Illum nagħmlu ħafna testijiet: tas-saħħa, tad-demm… It-test tan-Nisrani liema hu skont San Pawl? It-test ta’ kull wieħed u kull waħda minna bħala Nsara hu kemm jien qiegħed inbati ma’ Ġesù biex inħobb lilu u nħobb lill-oħrajn. Jien inħossni żarmat quddiem dan it-test… ma nafx intom! Kemm qiegħed inbati jien biex inħobb lil Ġesù? Kemm qiegħed inbati jien biex inħobb lill-oħrajn bl-imħabba ta’ Ġesù? Kemm jien mimli b’dan l-aħmar tad-demm ta’ Ġesù, bl-Ispirtu ta’ Ġesù, b’tali mod li jien kapaċi nxerred saħansitra demmi biex inħobb? Mhux biex jgħidu kemm jien bravu! Mhux biex nispiċċa xi eroj! Le, imma biex inħobb.

Kif jintrabat l-Evanġelju (Ġw 15:1-8) ma’ din is-Solennità tal-lejla fil-festa ta’ dan il-qaddis martri kbir? L-Evanġelju kellimna dwar id-dielja. Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu “d-dielja vera” (v. 1). Jekk qiegħed jgħid li hu d-dielja vera, mela hemm dwieli oħrajn li mhumiex veri. Ikompli Ġesù: “U Missieri l-bidwi” (v. 1). Id-dielja ma tistax tkun vera jekk il-bidwi huwa falz. Mela d-dielja hi vera għax il-bidwi hu veru. Ikompli Ġesù jgħidilna li jekk il-fergħa tagħmel il-frott, dan sempliċiment għax magħquda maz-zokk tad-dielja.

Aħna nistgħu ngħidu li l-Knisja għażlet dan l-Evanġelju biex turina li San Ġorġ kien magħqud mal-persuna ta’ Kristu, bħalma l-fergħa hi magħquda mad-dielja, b’tali mod li kif il-fergħa magħquda maz-zokk tagħmel il-frott, hekk ukoll San Ġorġ, billi kien magħqud maz-zokk li huwa Ġesù, wasal biex jagħmel il-frott tal-imħabba. U hekk hu… imma mhux biss! Il-Knisja tagħżel dan it-test mill-kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann għax fih hemm il-kelma ‘geōrgos’ – ‘Ġorġi’. Din il-kelma tfisser ‘il-bidwi’. Mela meta Ġesù jgħid: “Jiena d-dielja vera, u Missieri l-bidwi” (v. 1), jgħid: “ho patēr’ geōrgos”. Hu peress li hemm l-isem ta’ Ġorġi mdaħħal f’din is-silta li l-Knisja tagħżel mill-kapitlu 15 ta’ San Ġwann proprju dan it-test li għadna kif smajna llejla.

Kieku jkollna nqallbu fl-Evanġelji nsibu li din il-kelma, ‘geōrgos’, tissemma 17-il darba. Fil-bqija tat-Testment il-Ġdid tissemma darbtejn oħra: 19-il darba fit-Testment il-Ġdid kollu. Imma interessanti ħafna li fil-mod pożittiv il-kelma ‘geōrgos’ tissemma biss fl-Evanġelju tal-lum: il-bidwi veru tad-dielja vera. Is-16-il darba l-oħra li tissemma din il-kelma, ‘geōrgoi’ fil-plural, hu mit-tliet Sinottiċi – San Mattew, San Mark, u San Luqa – meta jitkellmu fuq il-parabbola tal-bdiewa qattiela. Mela aħna, bħala Nsara, qegħdin inqimu lil San Ġorġ, li jġib l-isem Geōrgos – bidwi, l-isem ta’ dak li jieħu ħsieb id-dielja, u d-dielja vera, għax nixtiequ nkunu verament bħalu, kif hu kien jixbah lill-Missier, il-Bidwi ta’ veru, li ħa ħsieb id-diejla vera.

Imma ejjew naraw x’jiġifieri li San Ġorġ jixbah lill-Missier, lil dan il-bidwi ta’ veru, biex inkunu nistgħu nagħmlu l-kuntrast mal-bdiewa li mhumiex ta’ veru. U aħna nistgħu nagħmlu għażla, għax aħna msejħin bħala parti minn din id-dielja – nittama minn din id-dielja vera – biex bħala bidwi jkollna, mhux il-bdiewa qattiela, il-geōrgoi li jkissru u jeqirdu, imma lil xi ħadd li jixbah lil Ġorġi, li kien xbieha tal-Missier, dak li d-dielja tiegħu ħa ħsiebha u saħansitra ta ħajtu għaliha.

X’jagħmel il-bidwi ta’ veru? L-Evanġelju tal-lum jispiċċa b’sentenza tassew qawwija: il-glorja tal-Missier – mela l-glorja ta’ geōrgos, il-glorja ta’ dan il-bidwi… u jien ċert li hija l-glorja wkoll ta’ Ġorġi u ta’ kull min hu Nisrani ta’ veru u li jqis lil Ġorġi b’Patrun tiegħu – hi “li intom tagħmlu ħafna frott” (v. 8): li d-dielja tagħmel il-frott, jiġifieri li kull Nisrani, kull bniedem jagħmel il-frott. Il-frott tan-Nisrani, jgħidilna l-Evanġelju, mhux għajr il-kapaċità li rridu nħaddmu kontinwament biex inħobbu lill-oħrajn, biex inħobbu tassew. Jekk m’hemmx imħabba, m’hemmx dielja ta’ veru. Inkunu qegħdin nagħmlu tort kemm lill-Missier, li hu l-bidwi, u kemm lil Ġorġi, li jġib isem mogħti minn Ġesù lill-Missier, ‘geōrgos’. Dan għax il-bidwi li mhux ta’ veru, il-bidwi qerried, li joqtol, lill-għalqa tad-dwieli jisfruttha mill-aħjar li jista’ għall-interessi  personali tiegħu, għalih u għalih biss.

U kemm jiġrilna fil-ħajja tagħna li lil dawk li jkollna madwarna – nista’ nkun jien, isqof; nistgħu nkunu aħna, saċerdoti – nisfruttawhom minflok naqduhom, minflok ma nkunu kuntenti u ferħanin li huma mexjin ’il quddiem fl-umanità tagħhom u jagħmlu l-frott… fi kliem ieħor, fil-kapaċità tagħhom li jħobbu. Għax il-bniedem jagħmel il-frott, ikun matur, meta fis-sitwazzjoni tiegħu – missier, omm ta’ familja, fuq ix-xogħol, fil-professjoni, hi liema hi – jilħaq il-milja tal-umanità tiegħu, meta jħobb fis-sitwazzjoni li qiegħed fiha.

U allura llejla kemm nixtieq nitolbu lil San Ġorġ biex aħna l-komunità Nisranija tiegħu nerġgħu mmorru għall-valuri tiegħu tal-bidu, għal dawk il-karatteristiċi li lilna veru jagħmluna Nsara, nies li jagħmlu l-frott, li jħobbu. Qed ngħixu f’soċjetà, f’dinja, li hija totalment materjalista, li qed taljenana. U aħna l-Insara qegħdin insiru wisq kapaċi nagħmlu l-kompromessi ma’ din id-dinja. Mingħajr ma nindunaw, qegħdin wisq nistordu u nagħmlu dak li titlob minna d-dinja, u nibqgħu nippretendu li nissejħu Kristjani. Imma fl-istess waqt, ejjew ngħidu l-verità, hemm sens jiġri ta’ ‘malessri’, xi ħaġa ħażina li qiegħda tiġri f’pajjiżna, fl-Ewropa, fid-dinja, fl-umanità kif inhi miexja bħalissa. Mhux kollha kemm aħna għaddejjin bla nifs, minn filgħodu sa billejl? Forsi issa wieħed mill-ftit mumenti li qegħdin bilqiegħda bi kwietkom; il-bqija tal-ġurnata, minn filgħodu sa filgħaxija, ġirja waħda. U forsi llum ġrejtu iktar biex stajtu tajtu possibbiltà ta’ ftit ħin biex toqogħdu tisimgħu, biex tipparteċipaw, biex tiċċelebraw din il-Festa ta’ San Ġorġ.

Ma nindunawx aħna li hemm xi ħaġa li mhix sejra sew fil-ħajja tagħna? U ma nindunawx li aħna l-Insara kultant verament inkunu tlifna ftit mit-togħma tajba tal-melħ tal-Evanġelju, jew mid-dawl qawwi tad-dawl tal-Evanġelju li jsemmi Ġesù: “Intom il-melħ tal-art” (Mt 5:13); “Intom id-dawl tad-dinja” (v. 14)? Ma tħallatniex wisq aħna mal-bqija tal-ġemgħa?

Kemm nixtieq nara knejjes inqas sbieħ minn dawk li għandna, knejjes se jaqgħu, imma mimlijin bin-nies, bħalma hija mimlija din il-knisja llejla! Kemm nixtieq djar inqas sbieħ, imma familji iktar f’saħħithom, relazzjonijiet iktar tajbin, imħabba iktar bejn il-missier u l-omm, bejn il-ġenituri u l-ulied! Kemm nixtieq nara djar inqas sbieħ, nies b’inqas proprjetà, imma inqas ġlied bejn il-werrieta, inqas ġlied bejn l-aħwa! Kemm nixtieq nara pajjiż b’inqas djar telgħin ’il fuq, imma aktar djar disponibbli għaż-żgħażagħ tagħna! X’paradoss, Għawdex tagħna mimli bil-bini, u żagħżugħ biex isib fejn joqgħod irid iqattar l-għaraq tad-demm, irid jibqa’ jħallas id-dejn għal tletin, erbgħin sena, mill-inqas! Kemm nixtieq nara festi inqas maestużi, inqas kbar, imma fl-istess waqt nies iktar kuntenti, żgħażagħ mhux aljenati bix-xorb jew bid-droga fiż-żmien tal-Festa, imma iktar bil-paċi tal-qalb ġo qalbhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum! Kemm nixtieq nara persuni inqas sinjuri, imma li jaħsbu f’xulxin, mhux kulħadd ħsiebu fih innifsu! Kemm nixtieq nara persuni inqas sinjuri, imma persuni li ħsiebhom fil-bżonnijiet, fil-persuni li qegħdin ibatu! Dawn huma l-karatteristiċi tan-Nisrani, dawn huma l-karatteristiċi ta’ San Ġorġ.

Serrħu raskom li San Ġorġ huwa kbir mhux għax qatel id-dragun! San Ġorġ huwa kbir għax dak il-pajjiż, bix-xhieda tiegħu, bil-kapaċità tiegħu li jgħin lid-dgħajjef u li jieħu ħsieb il-batut, ikkonverta u sar Kristjan. Tant hu hekk li San Ġorġ kien kapaċi jħawwad u jħallat id-demm tiegħu mad-demm ta’ Ġesù. U dak l-Ispirtu li kien iqabbad lil Ġesù, l-Ispirtu s-Santu, li wassal lil Ġesù biex jagħti ħajtu fuq is-salib, mela lil San Ġorġ, għax kien f’kuntatt miegħu, bħalma l-fergħa hi mad-dielja. Sema’ l-Kelma ta’ Alla San Ġorġ, għadda ħin jisma’ l-Kelma ta’ Alla, jiċċelebra l-Ewkaristija. L-iktar elementi importanti u essenzjali tal-fidi tagħna kienu preżenti fil-ħajja ta’ San Ġorġ. Kieku ma wasalx fejn wasal! U rridu noqogħdu attenti aħna biex nitolbuh lil San Ġorġ – b’mod speċjali intom il-komunità tiegħu – din il-kwalità li nerġgħu nirkupraw il-karatteristiċi tal-komunità Nisranija ta’ veru. Għax inkella din tal-lejla, u ħafna oħrajn li nagħmlu matul is-sena, jispiċċaw sempliċiment serati ta’ intratteniment. Il-knisja mhix sala ta’ intratteniment jew ta’ spettakli; il-knisja hi sempliċiment il-post fejn tiltaqa’ l-komunità Nisranija, biex wieħed isaħħaħ lill-ieħor fl-imħabba ta’ xulxin, marbutin flimkien, bħal dawk il-friegħi mad-dielja li hu Ġesù. Meta jiġi fina, f’nofsna, jgħaqqadna flimkien, bil-Kelma tiegħu u bl-Ewkaristija.

Ejjew illejla nkomplu din il-quddiesa bħala talba ħierġa mill-qalb lil Alla permezz ta’ San Ġorġ, bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis kbir. U kull darba li nċapċpulu lil San Ġorġ, kif se tagħmlu llejla, kull darba li nkantawlu, ejjew kollha kemm aħna nħossu d-dmir tas-sejħa li għamlilna: ‘Nixtieqkom tkunu bħali, bħala geōrgos, bħala bidwi tajjeb’. Jixtieq li aħna, id-dielja tiegħu, inkunu nixbhuh mhux biss bejnietna, imma anki man-nies ta’ barra, fuq ix-xogħol. Kemm minna nidħlu f’kontradizzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol jew fil-familja! Kemm kapaċi ngħaqqdu flimkien it-talb, il-quddiesa, forsi tqarbina, smigħ tal-Kelma ta’ Alla, ma’ dak li nħawdu barra, qisu hawn ġew qatt ma konna! Ejjew nitolbuh lil San Ġorġ jagħtina l-koerenza tiegħu, is-solidità u l-qawwa tiegħu ta’ suldat. Nitolbuh biex kull wieħed u kull waħda minna, issa li se nitqarbnu, nimtlew bid-demm ta’ Ġesù, li hu l-Ispirtu tiegħu, li jgħaqqadna flimkien, u li jgħinna nagħtu ħajjitna lil xulxin, b’mod speċjali għall-iktar fost il-batuti.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading