Is-Sodda Artal u l-Isptar Santwarju tal-Ħajja.

Print Friendly, PDF & Email

F’soċjetà li dejjem tfittex aktar l-effiċjenza u l-produttività, f’dinja li tqim lil min jipproduċi l-aktar bħala eroj, f’kultura li bħal donnu l-aktar li tista’ toffri lill-marid u lill-batut huwa biss il-ħasra, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech jikteb, “hija xewqa tiegħi li fid-Djoċesi nieħdu b’aktar impenn il-pastorali mal-morda.”

Fl-Ittra Pastorali tiegħu bl-isem, “Il-Knisja Qrib il-Morda”, huwa qal li “kulma jmur is-soċjetà tagħna qed tissaħħar mid-dija ta’ dak li huwa materjali, twarrab dak li mhux effiċjenti u togħxa wara dak li jagħti sodisfazzjon immedjat. Din ix-xorta ta’ soċjetà tħossha skomda quddiem it-tbatija u għalhekk tipprova taħbiha jew taħrabha.”

Huwa kiteb li huwa minnu li llum il-ġurnata hawn ħafna dokumenti li jiddikjaraw li kull bniedem għandu d-dritt għall-kura, imma aktarx jiġri li d-drittijiet tad-dgħajfin isiru drittijiet dgħajfin għaliex min hu dgħajjef spiss la għandu mezzi, la kuntatti u lanqas kapaċità biex jikseb dak li bi dritt huwa tiegħu.

*   Ħadd ma għandu jiġi mċaħħad mill-kura li jkollu bżonn.
*   Hija meħtieġa aktar sensibbiltà lejn il-marid, aktar preżenza miegħu, aktar ġenerożità u empatija.
*  Quddiem l-isfruttament tal-marid, wieħed irid jiftakar li mhux kull ma huwa legalment validu, huwa dejjem moralment tajjeb.
*  Fil-kura tal-morda hijameħtieġa kemm formazzjoni akkademika u kemm edukazzjoni tal-qalb.

Aħna li nemmnu, mhux biss għandna tama li Ġesù jgħinna fit-tbatija, imma jeħtieġ ukoll li nħarsu lejn it-tbatija bl-istess viżjoni li kellu Hu. Għan-nisrani, is-sodda tal-mard hija altar li fuqu issir l-offerta tagħna nfusna u madwarha tiġi ċċelebrata l-liturġija. L-isptar huwa parroċċa oħra; huwa s-santwarju tal-ħajja li fih meħtieġa l-aħjar kura pastorali. Illum ukoll, il-Knisja trid tkompli tkun qrib il-marid u l-batut, u għalhekk Monsinjur Isqof Mario Grech ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin ser jaħtar Delegat tiegħu li jkun responsabbli minn dan il-qasam.

Ara t-test sħiħ tal-Ittra Pastorali u napprezzaw ħafna jekk tiktbilna l-kummenti tiegħek …►

Kumment ta’ Joe Farrugia

12 thoughts on “Is-Sodda Artal u l-Isptar Santwarju tal-Ħajja.”

  1. Xtaqt inżid ma dak li diġa kkummentajt. Għal bniedem marbut mar-Rieda Mqaddsa t’Alla, is-sodda hija dejjem ARTAL; kemm għall-koppja miżżewwġa, għax permezz tas-sodda jqaddsu u jsaħħu ż-żwieġ tagħhom. Kemm il-mara u wkoll ir-raġel ikunu qed joffru lilhom infushom fuq l-artal tas-sagrifiċċju (is-sodda) bħala offerta safja għas-sieħeb jew sieħba. Għalhekk ikun xieraq li meta koppja miżżewwġa tidħol fid-dar ġdida għandha tistieden saċerdot biex iberkilhom mhux id-dar biss, iżda b’mod partikulari l-artal, is-sodda.
    B’dan il-ħsieb fil-moħħ ikun aktar possibbli li meta bniedem ikun jinsab marid jew marida fis-sodda, li toffri l-uġigħat, is-sofferenzi u t-tbatijiet bħala sagrifiċċju fuq l-artal (sodda) lil Alla…mhux għax neċessarejament ikun bagħat il-mard HU, iżda jkun ippermettih. B’hekk is-sodda qed tkun mezz li jservi ta’ artal biex minn fuqha jkunu offerti dak kollu li niltaqgħu miegħu fil-ħajja. Ma dawn il-ħsibijiet nistgħu ngħidu li l-ulied li huma l-frott tal-imħabba bejn il-koppja u rigal t’Alla għall-għaqda ta’ mħabba ġenwina, noffru ‘l Alla dawk l-għeżież uliedna, reqdin fuq is-sodda ċkejkna tagħhom, bħala offerta LILU li minnu kollu jiġi. Dawn il-ħsibijiet dwar uliedhom għandhom jibqgħu f’moħħ il-ġenituri mhux biss meta jkunu qieshom anġli ċkejknin għax għadhom trabi, iżda ukoll huma u jikbru. Saħansitra ukoll meta jsiru adulti. L-altar, is-sodda tiibqa’ altar ta’ Sagrifiċċju minn fejn il-ġenituri joffri ‘l uliedhom u l-ħidma tagħhom ‘l Alla li HU l-Awtur ta’ kull ħajja.

  2. Kif għandna nħarsu lejn il-morda? Irridu nħarsu lejn il-morda minn żewġ aspetti; mill-aspett naturali u mill-aspett spiritwali. Iddur fejn iddur, ma tistax taħrab mill-fatt li l-mard (u l-eta) iġibna wiċċ’imbwiċċ mar-rejaltajiet. Bilfors iġibu lil kull bniedem f’sensieħ mal-istat ta’ fatt tal-ħajja.
    Miskin dak il-bniedem li mhux f’sensieh, jew jilagħbha ta’ ibleh biex jaħrab ir-realta; fil-fatt, ikun qed jidħaq bih innifsu.
    Jekk inħarsu lejn l-aspett naturali, il-bniedem irid ikun tassew iblah jekk jagħlaq għajnejh u jinjora l-morda, jipprova jinsa’ u jwarrab mill-ħsibijiet tiegħu il-mard u l-morda. Ukoll fejn jidħlu l-familjari, faċli tgħid: ‘Ommi, missieri mietu għax xjaħu, jew mardu, m’hemmx x’tagħmel, jien noqgħod attent u nibża’ għal saħħti biex ma nimradx bħal ommi jew missieri.’
    Faċli tagħmel dikjarazzjoni bħal din, iżda riġlejk ma jkunux mal-art. Skont il-liġijiet tan-natura, bijoloġikament, il-bniedem mhux etern, ma jistax jgħix għal dejjem; xi darba jrid jintemm, avolja jekk jirnexxilu jgħix sa’ mitejn sena.
    Nitkellmu mill-aspett spiritwali; il-morda kollha, kemm dawk fid-djar, kemm fl-isptarijiet u kemm fid-djar tal-anzjani, qed jgħixu żmien ta’ tbatija. Iżda jistgħu jkunu ta’ valur kbir jekk ikunu qrib t’Alla. Il-mard u x-xjuħija jien narahom bħala kontinwazzjoni tal-Passjoni ta’Kristu.
    Kieku kull persuna marida jew avvanzata fl-eta toffri l-istat tagħha; l-iskomdu, id-dwejjaq, id-diżappunti, il-frustrazzjoni kollha, ikollna verament ‘power house’ qawwija ħafna li tipproduċi merti kbar, immensi. Tkun qiesek li minflok tħalli l-ilma tax-xita jinżel mat-triq u jispiċċa moħli, tkun qed tmexxi, tiġbru, tindirizzah f’post minn fejn jista’ jintuża għal ħafna skopijiet ta’ ġid.
    Il-mard jista’ jkun qed iservi bħala tisfija għal ruħna. Ħadd mhu perfett, kulħadd għandu xi tbajja li jrid ineħħi, bl-aċċettazzjoni tas-salib tal-mard u x-xjuħija, inkunu qed inpattu, jew aħjar nissaffew f’din id-dinja minflok wara l-mewt. Mela il-valur jeżisti u huwa reali.
    Dawk kollha li xogħolhom jew il-professjoni tagħhom huwa mal-morda qegħdin f’pożizzjoni li jistgħu jigwadanjaw merti kbar minbarra li qed jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum. Jekk f’kull pazjent jaraw lil Kristu ħaj, ikunu qed jgħollu x-xogħol tagħhom għal-livell ta’ nobilta kbira.
    Min, bil-maqlub mhux kapaċi jagħder u jieħu paċenzja mal-marid, mhux kapaċi jħares lejn il-pazjent u fih/a jara ‘l Kristu, għallinqas jara ‘l ommu u ‘l missieru, qed jirrendi x-xogħol tiegħu aktar diffiċli, aktar ta’ dwejjaq, minbarra li qed jissogra li xi darba hu stess se jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni u jkun ittrattat bħal ma qed iġib ruħu issa ma’ ħaddieħor.
    Għalija l-akbar dnub jew ħtija jista’ jkun minn dawk li jamministraw u jużaw il-morda, il-pazjenti għal skopijiet, għal ideali tagħhom personali. Dana jiġri għax il-povru marid ikun dgħajjef, bla ħeġġa, forsi mhux fi stat li juża l-fakultajiet kollha tiegħu biex jiddefendi lilu nnifsu u jkollu jaċċetta dak li qed ikun impost fuqu minn min, għalissa għadu jgawdu saħħtu u għax qiegħed f’qagħda li jista’ jordna. Mhux ta’ b’xejn li għal Kristu kemm ir-romol u kemm l-iltima kienu tant għeżież fil-kultura Lhudija, kienu żewġ klassijiet li ma kienu jgawdu l-ebda protezzjoni u għajnuna, kienu jeżistu għax kien hemm l-ispazju.
    Il-ħajja hija mera li turina ċar kemm ir-rota tista’ ddur u jien, li llum qed ingawdi saħħti u l-fakultajiet tiegħi, faċli li għada stess insib ruħi f’qiegħ sodda niddependi għal kollox minn ħaddieħor. Għalhekk hija tassew ‘Regola tad-Deheb’ dik li qal Kristu, u wara applikaw ħafna reliġjonijiet oħra: ‘Agħmel dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek’.
    Tony Mahoney

  3. Din il-pastorali ggibna konxji li kulhadd f’ bahar wiehed. imma m’rridux naqtghu qalbna ghax Gesu jimpurtah min kulhadd u huma x’inhuma l-problem taghna Gesu kapaci jissuperhom ghax hu jkun qed jerfa’ l’piz maghna- Ghakhekk irridu noqoghdu attenti fil-mumenti difficli ghax ix-xitan malajr jipprofitta ruhhu u jaqgtalna qalbna u jgieghlna nahsbu li telaqna u m’ghadux ihobbna Ghalhekk naghmlu kuragg u nqawwu qlubna u niftakru li x-xitan hu l-ghadu taghna u jrid jbeghdna minn Alla . Ahna rridu naghmlu l-parti taghna u Alla jaghtina dak kollu li ghandna bzonn.

  4. ‘Il hinn mill-entużjażmu kollu li ġab miegħu l-Papa Franġisku bid-diskorsi tiegħu u bil-wiċċ ġdid li qed jagħti lill-papat u lill-Knisja, jifdal issa l-impenn ta’ kull kattoliku. Il-pastorali tal-Isqof ta’ Għawdex hija pass fid-direzzjoni t-tajba, imma jiena u inti se nibqgħu gallarija? Naqraw u nisemgħu d-diskorsi, ngħidu kemm huma tajbin, imma nibqgħu ma nagħmlu xejn.

  5. Inhoss li din il-pastorali tkompli tressaqna aktar lejn id-doveri taghna versu l’marid specjalment meta il-persuna tkun weheda minn ghajr familjari u naqbel hafna li jitwaqqaf il-Parish Nursing, u nkomplu nsahhu u nheggu il-komunitajiet religjuzi tax-xoghol dejjiemi li dawn jaghmlu fis-skiet

  6. Proposta li ghamel l-Isqof fil-Pastorali hija dik ta’ Parish Nursing. Dan huwa progrett li diga’ hadem b’success f’diversi parrocci barra minn Malata u li fic-cokon taghna jkun ideali ghal pajjizna. Nittama li din il-proposta valida ma ttirx mar-rih.

  7. Hija pastorali tajba u flokha indirizzata fi zmien delikat. Hija pastorali li fiha l-Isqof Grech qed jipprova jfakkarna fil-missjoni primarja tal-Knisja li twassal il-Kelma u li niehdu hsieb dawk l-aktar batuti fosthom il-morda. Hija pastorali li fiha jigbed l-attenzjoni ta’ x-inhu d-dmir taghna lejn il-morda, lejna lkoll ghax ilkoll ghandna d-dmir taghna lejn il-morda. Imma ejja noqoghdu attenti u ma niggeneralizzawx. Hemm haddiema fil-qasam tas-sahha li jaghmlu dmirhom sew u hemm ohrajn li jaghmluh inqas. Imma mhux f’kull qasam hekk…….avukati, periti, bankiera, nisa tad-dar u sahansitra sacerdoti. U anki l-appostli kienu hekk. Ejja nduru dawra maghna nfusna u tassew naraw il-pozittiv li ghandu johrog minn din il-pastorali u bla biza’, ahna min ahna, naraw x’irid minna l-Mulej anki f’dan il-qasam. Joghgobni l-hsieb tal-Isqof li sejjah l-isptar bhala parrocca ohra u ghalhekk b’certi bzonnijiet ukoll. Nitolbu flimkien biex johrog il-gid minn din il-pastorali.

  8. Illum nghixu f’socjeta tat-tfarfir. Drajna nfarfru kull responsabilta’ L-Isqof semma l-persuni qrib il-marid. Imma llum infarfruhom fuq id-djar tal-anzjani u l-isptarijiet, ghax ghandna wisq x’naghmlu! U kif ktibt int fil-bidu tal-kumment tieghek, l-importanti li nkunu efficcjenti u minn magenb is-soda tal-marid, ma ntellghux efficjenza!

    Infarfru l-anzjani fuq id-djar tal-anzjani. Infarfru l-edukazzjoni ta’ uliedna fuq l-iskejjel. Infarfru l-formazzjoni religjuza taghhkom fuq tal-Muzew. Meta nixba’ mill-mara infarfarha l-barra forsi jitwikka biha xi hadd iehor! Kultura tat-tfarfir. Basta meta nasal jiena, insib min jiehu hsiebi u ma jfarfrunix ‘il barra wkoll.

    Imsieken! Tlifna rasna!

  9. Kemm huwa minnu dak li qal l-Isqof Mario Grech li t-tbatija tpoggina lkoll f’keffa wahda! Int min int u ghandek x’ghandek! La ghadda minn din it-triq tat-tbatija l-Iben ta’ Alla maghmul bniedem, allura jrid jghaddi kulhadd. Imma Hu, bit-tbatija tieghu feda’ t-tbatija taghna. Minghajr Gesu’ s-salib huwa bluha u skandlu. B’Gesu’ fuqu huwa fidwa u helsien ghax joffri c-certezza tal-Qawmien.

  10. Din hija l-mixja tal-Knisja, anke llum meta x-xjenza toffri l-illuzjoni ta’ soluzzjoni ghall-kollox

  11. Kif qal l-Isqof Grech, il-Knisja dejjem ghamlet hafna f’dan il-qasam u dejjem kienet pijuniera. Imma nistaqsi jien, “Jista’ jkun li llum qed nistriehu fuq dak li ghamlu ta’ qabilna? Jista’ jkun li l-fjamma tal-hegga qed tibred? Li ghadna mexjin bl-isteam li hazen haddiehor?”

  12. Verament sabiha x-xewqa ta- l-Isqof Grech, li tinghata pastorali lejn dawk li qeghdin igorru t-toqol u t-tbatija tal-MARD!
    Kemm ugiegh u sofferenzi ghandhom il-morda kif ukoll minn dawk li jduru bihom!

Leave a Reply to Angelo MalliaCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading