Il-Papa f’Santa Marta: Il-loġika tal-qabel u tal-wara

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 24 ta’ Ottubru 2013: Jeħtieġ nidħlu fil-loġika tal-qabel u tal-wara biex ma nsirux bierda: Insara bierda jew ‘għall-ilma żahar’, jekk mhux saħansitra ipokriti. B’din l-espressjoni effikaċi l-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Ħamis 24 ta’ Ottubru 2013 filgħodu, reġa’ ppropona l-atteġgjament li bih l-Insara għandhom jersqu lejn il-misteru tal-fidwa mwettqa minn Ġesù.

Ir-riferiment tal-bidu kien għall-ittra lir-Rumani (6, 19-23), li fiha San Pawl jipprova jġegħilna nifhmu dak il-misteru hekk kbir tal-fidwa tagħna, tal-maħfra tagħna, tal-maħfra ta’ dnubietna fi Kristu Ġesù. L-Appostlu jwissi li mhux faċli nifhmu u nħossu dan il-misteru. Biex jgħinna nifhmuh juża dik li l-Papa ddefiniha bħala l-loġika tal-qabel u tal-wara: qabel Ġesù u wara Ġesù, hekk bħal ma mfissra fil-kant tal-Evanġelju tal-liturġija tal-jum (Filippin, 3, 8): ‘Tlaqt kollox u nqisu knis biex niggwadanja lil Kristu u nħossni misjub fih.’ Għal San Pawl, mela, jgħodd biss Kristu.  Huwa, enfasizza l-Papa, kien iħoss tant qawwi dan: il-fidi li tagħmilna ġusti, tiġgustifikana quddiem il-Missier. Pawlu abbanduna l-bniedem  ta’ qabel. U sar il-bniedem ta’ wara, li l-iskop tiegħu huwa li jiggwadanja lil Kristu.

Waqt li kompla għaddej bil-kumment dwar l-ittra, il-Qdusija Tiegħu nnota kif l-Appostlu jindika triq biex tgħix skont din il-loġika tal-qabel u tal-wara. Triq deskritta fil-kliem: ‘Infatti, bħal ma  poġgejtu l-membri ta’ ġisimkom għas-servizz tal-impurità u tal-inikwità, hekk issa poġġu l-membri ta’ ġisimkom għas-servizz tal-ġustizzja, għas-santifikazzjoni.’

Dak li għamel Kristu fina, kompla jgħid il-Papa, huwa rikreazzjoni: id-demm ta’ Kristu reġa’ ħalaqna.  Din hija t-tieni rikreazzjoni. U jekk qabel ħajjitna kollha, ġisimna, ruħna, drawwietna kienu fi triq id-dnub, fl-inikwità, wara din ir-rikreazzjoni hemm bżonn nagħmlu l-isforz biex nimxu fi triq il-ġustizzja, is-santifikazzjoni. Pawlu juża din il-kelma: qdusija. Ilkoll ġejna mgħammda. F’dak il-waqt, spjega l-Papa, konna trabi, u l-ġenituri tagħna, f’isimna, għamlu l-att tal-fidi: ‘Nemmen f’Ġesù Kristu li ħafrilna dnubietna.’

Din il-fidi, ħeġġeġ il-Papa, hemm bżonn li aħna nagħmluha tagħna u nġorruha ’l quddiem bil-mod tal-għajxien tagħna. U li tgħix ta’ Nisrani jfisser li ġġorr ’il quddiem il-fidi ta’ Kristu.  Din hija r-rikreazzjoni. Iġġorr l-opri li jitwieldu minn din il-fidi: iġgorr dawn l-opri għas-santifikazzjoni. Hekk hi: l-ewwel santifikazzjoni li wettaq Kristu, l-ewwel santifikazzjoni li rċevejna fil-Magħmudija, hemm bżonn li tikber, hemm bżonn li tkompli miexja ’l quddiem.

Fir-realtà, ammetta l-Qdusija Tiegħu, aħna debboli u tant drabi nagħmlu d-dnubiet. Dan ifisser li m’aħniex fit-triq tas-santifikazzjoni?  Iva u le, wieġeb il-Papa Franġisku. U mbagħad spjega li jekk int iddarri lilek innifsek ħajja ftit li xejn hekk u tgħid: ‘Nemmen f’Ġesù Kristu imma ngħix kif irrid,’ allura dan ma jqaddsikx, ma jgħoddx, huwa kontra kull sens. Imma jekk tgħid: ‘Iva, jien midneb; jien dgħajjef,’ u tmur dejjem għand il-Mulej u tgħid: ‘Mulej, int għandek il-qawwa, tini l-fidi; int tista’ tfejjaqni permezz tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,’ allura wkoll l-imperfezzjonijiet tagħna jidħlu f’din it-triq tas-santifikazzjoni.

Mela hemm dejjem dan il-qabel u l-wara.  Mela l-ewwel, l-att tal-fidi. Qabel l-aċċettazzjoni ta’ Ġesù Kristu li ħalaqna mill-ġdid b’demmu, konna fit-triq tal-inġustizzja; wara, ninsabu fit-triq tas-santifikazzjoni.  Imma hemm bżonn li neħduha bis-serjetà. Dan ifisser, speċifika l-Papa, li nagħmlu opri ta’ ġustizzja. Qabel xejn naduraw lil Alla; u mbagħad nagħmlu dak li jipproponilna Gesù: ngħinu lill-oħrajn, nitimgħu lil dawk bil-ġuħ, nisqu lil dawk bil-għatx, inżuru l-morda, inżuru l-kalzrati. Dawn l-opri huma dawk li Ġesù għamel tul ħajtu, opri ta’ ġustizzja, opri ta’ rikreazzjoni. Meta aħna nitimgħu bniedem bil-ġuħ nerġgħu noħolqu fih it-tama u l-istess fl-oħrajn. Imma jekk aħna naċċettaw il-fidi u mbagħad ma ngħixuhiex, aħna Nsara biss, imma tat-tifkira:  ‘Iva, iva ġejna mgħammda; din hija l-fidi tal-Magħmudija, imma ngħix kif nista’.’

Mingħajr din il-kuxjenza tal-qabel u tal-wara, il-Kristjaneżmu tagħna ma jgħodd għal ħadd. Anzi, isir ipokresija: insejjaħ lili nnifsi Nisrani, imma ngħix bħal pagan. Kultant ngħidu ‘Nsara ta’ nofs kedda’, li ma nikkunsidrawx serjament il-fatt li aħna mqaddsin bid-demm ta’ Kristu. U jekk ma niħdux bis-serjetà din il-qdusija, insiru bħal dawk li l-Papa ddefinixxa  bħala ‘Nsara bierda’.  Iva iva, le le. Huwa ftit kif kienu jgħidu ommijietna, ‘Insara tal-ilma żahar’.  Ftit hekk, daqsxejn żebgħa nisranija, daqsxejn żebgħa ta’ katekeżi, imma ġewwa mhux tassew li jkun hemm konverżjoni, m’hemmx din il-konvinzjoni ta’ Pawlu: ‘Kollox abbandunajt u nqisu bħala knis, biex nikseb lil Kristu u nsib lili nnifsi fiH.’

Din, żied l-Isqof ta’ Ruma, kienet il-passjoni ta’ Pawlu. U din hemm bżonn li tkun il-passjoni tan-Nisrani: jitlaq dak kollu li jbiegħdu minn Kristu l-Mulej, jitlaq dak kollu li jbiegħdu mill-fidi fiH, jitlaq mill-att ta’ fidi fir-rikreazzjoni permezz ta’ demmu. U nagħmlu kollox ġdid. Kollox huwa novità fi Kristu. Kollox huwa ġdid.

Dan huwa oġġettiv possibbli?  Iva, wieġeb il-Papa, waqt li spjega li Pawlu dan għamlu. Tant Insara għamluh u jagħmluh. Mhux biss il-qaddisin, dawk li nafu; ukoll il-qaddisin anonimi, dawk li jgħixu l-Kristjaneżmu tagħhom bis-serjetà.  Forsi d-domanda li jmissna nagħmlu llum hija: Irrid ngħix il-Kristjaneżmu tiegħi bis-serjetà? Nemmen li kont maħluq mill-ġdid permezz tad-demm ta’ Kristu u rrid inġib ’il quddiem din ir-rikreazzjoni sal-jum li fih nara l-belt il-ġdida, il-ħolqien il-ġdid? Jew jien minn dawk ta’ nofs kedda?

Il-Papa għalaq id-diskors tiegħu billi ħeġġiġna nitolbu lil San Pawl, li jkellimna llum b’din il-loġika tal-qabel u tal-wara, li jagħtina l-grazzja li ngħixu ta’ Nsara bis-serjetà, li nemmnu tassew li ġejna mqaddsa permezz tad-demm ta’ Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading