Il-Papa f’Santa Marta: Kapaċi nistħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 25 ta’ Ottubru 2013: Il-grazzja tal-mistħija hija dik li nesperimentaw meta nqerru d-dnub tagħna lil Alla u dan nagħmluh billi nitkellmu ‘wiċc imb wiċc’ mas-saċerdot ‘ħuna’ u waqt li ma naħsbux li nduru b’mod dirett lejn Alla, bħallikieku qegħdin inqerru bl-email.  Kien b’din l-espressjoni effikaċi li l-Papa Franġisku reġa’ ġibed l-attenzjoni fuq wieħed mis-sagramenti fundamentali tal-fidwa umana, il-Qrar. Tkellem dwaru dalgħodu, il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru 2013, waqt il-quddiesa ċcelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

San Pawl, wara li kien ipprova s-sensazzjoni li jħossu liberat mid-demm ta’ Kristu, mela ‘mwieled mill-ġdid’, jinduna li ġewwa fih għad hemm xi ħaġa li tagħmlu skjav. U fis-silta tal-ittra lir-Rumani (7, 18-25) proposta mil-liturġija tal-ġurnata tallum, l-Appostlu, fakkar il-Papa, jiddefinixxi lilu nnifsu bħala ‘infeliċi’. Iktar u iktar, Pawlu lbieraħ kien tkellem, kien ħabbar il-fidwa f’Ġesù Kristu minħabba l-fidi, waqt li llum, bħal ħuna, jirrakkonta lil ħutu ta’ Ruma l-ġlieda li huwa għandu ġo fih: ‘Jien naf li ġo ġismi ma jgħixx it-tajjeb. Hemm ix-xewqa tat-tajjeb, imma mhux il-ħila li nattwah. Jien ma nwettaqx it-tajjeb li rrid, imma l-ħażin li ma rridx. U dan il-ħażin jagħmel id-dnub li jgħix ġo fija.’ Jistqarr lilu nnifsu midneb. Jgħidilna: ‘Kristu fdiena, aħna liberi. Imma jien imsejken, jien midneb, jien skjav.’

Din hi dik li l-Papa sejjaħ ‘it-taqbida tal-Insara’, it-taqbida tagħna ta’ kuljum. Meta rrid nagħmel it-tajjeb, spjega l-Papa, il-ħażin jinsab maġenbi! Infatti, fl-intimu tiegħi jien naċċetta l-liġi ta’ Alla; imma fil-membri tiegħi jiena nara liġi oħra, li tissielet mal-liġi tar-raġuni u tirrendini skjav. U aħna mhux dejjem għandna l-kuraġġ li nitkellmu bħal ma tkellem San Pawl dwar din it-taqbida. Infittxu dejjem ġustifikazzjoni: ‘Imma iva, aħna lkoll midinbin.’

Huwa kontra dan l-atteġġjament li rridu nitqabdu. Anzi, kemm-il darba ma nagħrfux dan, wissa l-Qdusija Tiegħu, ma jistax ikollna l-maħfra ta’ Alla, għaliex jekk li aħna midinbin hija kelma, għax hekk ngħidu, m’għandniex bżonn il-maħfra ta’ Alla. Imma jekk hija realtà li tirrendina skjavi, ninħtieġu dan il-ħelsien intern tal-Mulej, ta’ dik il-qawwa. U Pawlu jindika minn fejn għandna ngħaddu: ‘Stqarr lill-komunità dnubek, it-tendenza għad-dnub, la taħbihiex.’ Dan huwa l-atteġġjament li l-Knisja titlob mingħandna lkoll, li Ġesù jitlob mingħandna lkoll: ‘Stqarru dnubietkom b’mod umli.’

Il-Knisja fil-għerf tagħha tindika lil dawk li jemmnu s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. U aħna, ħeġġeġ il-Papa, aħna msejħin biex nagħmlu dan: immorru għand ħuna, ħuna s-saċerdot, u nagħmlu din l-istqarrija interna, l-istess waħda li jagħmel Pawlu: ‘Jien irrid nagħmel it-tajjeb, irrid inkun tajjeb, imma int taf, kultant għandi din it-taqbida, spiss ikolli dan, dan u dan…’ U hekk, bħal ma hija hekk konkreta l-fidwa li jġibilna Ġesù, hekk konkret huwa dnubna.

Il-Papa mbagħad irrefera għal kemm jirrifjutaw id-djalogu mas-saċerdot u jsostnu li jqerru b’mod dirett ma’ Alla.  Huwa kkummenta li dan huwa faċli, huwa bħal donnu tqerr bl-email… Alla jinsab hemm, ’il bogħod; jien ngħid l-affarijiet u m’hemmx wiċċ imb wiċċ, m’hemmx laqgħa ta’ erba’ għajnejn. Pawlu, mill-banda l-oħra, jistqarr id-dgħufija tiegħu ma’ ħutu wiċċ imb wiċċ.

Il-Papa jsejjaħ ukoll lil dawk li quddiem is-saċerdot iqerru ħwejjeg tant trasparenti, li m’għandhom ebda konkretezza. Li tqerr hekk huwa l-istess daqslikieku ma tqerrx, huwa ppreċiża. Imbagħad żied li li nqerru dnubietna, mhuwiex li mmorru għal xi seduta psikjatrika, lanqas li mmorru f’xi sala tat-tortura. Huwa li ngħidu lill-Mulej: ‘Mulej, jiena midneb.’ Imma ngħiduh  permezz tal-intermedjarju, sabiex dan l-għajdut ikun konkret: ‘Jien midneb minħabba f’hekk, minħabba f’hekk u minħabba f’hekk…’.

Il-Papa mbagħad fada li hu jammira l-mod li bih iqerru t-tfal.   Illum, huwa spjega, qrajna fl-Alleluia: ‘Nagħtik glorja Missier, Mulej tas-sema u tal-art, għaliex liż-żgħar irrivelajtilhom il-misteri tas-saltna’ (Mattew 11, 25). Iż-żgħar għandhom ċertu għerf. Meta tifel imur iqerr, qatt ma jgħid xi ħaġa ġenerali, imma: ‘Padre, għamilt dan, għamilt dan liz-zija, għamilt dan lil dik, lil dak għidtlu din il-kelma,’ u jgħidlek il-kelma. Huma konkreti, għandhom is-sempliċità tal-verità. U aħna għandna dejjem it-tendenza li naħbu r-realtà tal-miżerji tagħna. Għall-kuntrarju, jekk hemm xi ħaġa sabiħa, hija li mmorru nqerru dnubietna bħallikieku ninsabu fil-preżenza ta’ Alla. Dejjem inħossu dik il-grazzja tal-mistħija. Li tistħi quddiem il-Mulej huwa grazzja. Huwa grazzja: ‘Jien nistħi.’ Naħsbu dwar dak li qal Pietru wara l-miraklu ta’ Ġesù fuq il-lag: ‘Mulej tbiegħed minni, jiena midneb.’ Jistħi minħabba dnubu quddiem il-qdusija ta’ Ġesù Kristu.

Li tmur tqerr huwa li tmur għal laqgħa mal-Mulej li jaħfrilna, li jħobbna. U l-mistħija tagħna hija dik li noffrulu: ‘Mulej, jiena midneb, imma ara, m’iniex daqstant kattiv, jien kapaċi nistħi.’ Għalhekk nitolbu, temm jgħid il-Papa, din il-grazzja li ngħixu fil-verità mingħajr ma naħbu xejn lil Alla u mingħajr ma naħbu xejn lilna nfusna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading