Kif naqbad infissirha?

Print Friendly, PDF & Email

Smajtha għal ma nafx kemm-il darba. Ippurvajt infittixha. Imma ġrali eżatt bħalma ġralha l-għarusa fl-Għanja tal-Għanjiet li, fi spazju ta’ żewġt ivrus, hija tirrepeti, b’qalba maqsuma, bħalma irrepetejt b’qalbi maqsuma jien: “Fittxu; ma sibtux!” (Għan 3:1-2).

Imma fl-aħħar, u veru fl-aħħar, kważi meta kont qtajt qalb li nsibha, din il-kanzunetta jew aħjar biċċa strumentali, ġiet waħedha. Ġiet, bħal donnha biex tgħidli: “Apprezzajt it-tifxtix tiegħek! Apprezzajt imħabbtek kbira u tbaqbaq għalija! Hawn jien! Quddiemek! Ismagħni! Iggustani! Ħallini nissokta nidħol sal-profond, sal-qalba tal-qalb tiegħek! Sal-qalba ta’ dak li int!”

U ġiet is-sinjorina kanzunetta. Ġiet f’okkażjoni li ma kontx qed nistennieha li tiġi fiha. L-għaliex, dejjem jekk il-memorja tiegħi qed taħdem sewwa, l-aħħar darba li smajtha kien fuq stazzjon tat-televiżjoni f’riklam tal-akoħol. Ujj! Ma rridx nagħti l-impressjoni li jiena nixrob l-alkoħol! Li ma jmurx ikun hemm xi ħadd u jfittillu jaħseb, imqar għal waqt wieħed, li nħobb ix-xorb. Ix-xorb tal-ispirti ma jogħġobniex. Għalkemm l-Ispirtu, sintendi dak tal-Mulej, niġġennen għalih. Xhieda ta’ dan hija t-talba li jagħtini nikteb ta’ kuljum fuq l-istatus ta’ Facebook tiegħi.

U kien fil-fatt dan l-Ispirtu li ġagħlni niftaħ par widnejn daqshiex ħa nisma’ sewwa din il-mużika sabiħ. Kont fl-okkażjoni lil hinn minn dak li hu romantiku. Anzi, kont f’sitwazzjoni kiesħa u li tweġġa’ l-qalb. Kont f’funeral. Bit-tebut tal-persuna mejta, għal din id-dinja, quddiemi. Madankollu, ġewwa fija, ħaj, l-għaliex hu l-VERU ĦAJ, kelli lil Dak li hu l-Awtur ta’ kull ħajja. Kelli lil Ġesù. L-għaliex, hekk kif tqarbint u qarbint il-ġemgħa, il-bravu organista fettillu jdoqq din il-kanzunetta bħala background. Kanzunetta li fetħitli beraħ kull tieqa ta’ qalbi li kienet, sa dak il-ħin, imbexxqa. Jew, għaliex le, maqgħluqa bil-firroll għall-biża’ li xi ħadd ried jidħol f’qalbi biex jiġġudikaha u mhux biex iħobbha. Bħalma għandha bżonn qalbek u qalbkom u qalbna.

Insomma … Beda jdoqq. U f’moħħi dehret ix-xena sabiħa tas-sajf. Ħdejn il-baħar. Li fih naraw il-glorja u l-qawwa tal-Mulej. U dik id-daqqa strumentali ridtha tibqa’ miegħi. Rajtha bħal dik it-tifla ħelwa, id f’id ma’ missierha. Li takkumpanjah. U ma tħallieh qatt waħdu. Rajtha bħal dak il-ħabib jew dik il-ħabiba li jitħaddtu miegħi, minn qalbhom, għall-qalbi. Inkella, ħassejtha bħal dik iż-żiffa frisk li daħlitli f’għadmi. U, bil-freskezza tagħha, reżħittni biex ma nibqa’ le immut fis-sħana li toqtol u mingħajr ħniena tas-sħana tas-sajf.

Xi ġmiel! Din il-biċċa mużika qabditli idejja. U qaltli: “Imxi Patri! Imxi! Ħa nieħdok passiġġata. ‘Il bogħod mill-għajnejn isqra tan-nies. U minn dawk il-widnejk ippuntati li huma ħafna agħar ta’ Spock ta’ Star Trek. Dawk il-widnejn li, għalkemm jidhru żgħar żgħar, iridu jidħlu fin fin ħa jitkixxfu. Ħa jakkużaw. Ħa jitfgħu t-tajn. Imxi! Tibqax taħli ħin f’dinja li hija mħassra bil-ġudizzju u l-kundanni!”

U jien, bħal dan it-tifel iż-żgħir, li dejjem lest li jmur jistrieħ ‘il bogħod mill-bojja ta’ min irid iħaqqaqha u jikkontrolla lill-oħrajn minflok ma juri mħabba mal-insigurtà kbira li għandu ġewwaf fih, mort iva mas-sinjorina kanzunetta. Tlajt għoljiet. Għaddejt minn widien. Qsamt ix-xmajjar. Ġrejt ma’ kull rokna li hawn fid-dinja. Mhux sempliċiment dik tal-fantasija. F’dik id-dinja fejn il-poeta, mifluġ minn dak li jara madwaru, jrid jara ħa jmur fejn jistaħba. Lanqas fl-arja ta’ min qed jimmedita fuq ix-xejn. Iżda, u għal kuntrarju, niżżlittni fl-abbiss veru. Mhux dak tal-ħażen u tal-kastig. Iżda fl-abbiss tat-tbatija tal-bniedem. Li dejjem jitlob u jittama li jinħeles minn din id-dinja li għad tgħaddi minn tbatijietha.

U hekk kif, mas-sinjorina kanzunetta, inżilt hemm isfel, fejn il-qalb, imxewka mit-tbatija tal-ħajja, tfittex il-mistrieħ, stajt iva narah ġej. Proprju hemm isfel! Fuq is-sħab! Niżel hemm isfel, fil-qalba tad-dagħbieb mudlam, biex jagħti idu lili u lil min hu bħali, lil ħafna nies li l-karba tagħhom ma tasalx aktar minn erba’ madumiet. Jew, biex inkun aktar ġeneruż, sal-bieb ta’ barra ta’ kamrithom, fuq is-sodda tal-mard.

Il-kanzunetta għenitni nibki għalihom dawn in-nies. L-għaliex fihom, u bihom, naraw wkoll l-uġiegħ sieket tiegħi. Quddiem l-inġustizzja tal-ħajja. Quddiem jimponu ruħu fuq l-oħrajn. U dan l-għaliex dejjem dara hekk. U qatt, s’issa, ma għadu sab rimedju tiegħu. Għalkemm, nerġa’ ngħid, kull min jarah jgħidlu “ħelu”, inkella, jekk inhi hi, “ħelwa”, iwiġibna malajr is-salmista, li ħajtu u ħajjitha altru għejxiex. U għexitiex: “Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?” (Salm 64:7).

Hekk hu! Sewwa qed tgħid! Min jifhem moħħ il-bniedem? Il-moħħ li issa jgħid mod imbagħad, kważi fl-istess nifs, isimgħu jibdel il-verżjoni. Inkella l-qalb li, għax għatxana għall-imħabba, anki l-aktar qalb li tidher stretta strettissima, abbli taf tkun l-aktar waħda li tkun qed titkarrab għall-imħabba u l-attenzjoni. Il-bniedem! X’misteru! Xi profondità! Li mhux dejjem hija ċara. Li, xi minn daqqiet, tasal li tiddubita anki lilha innifsha.

Imma s-sinjorina kanzunetta baqgħet għaddejja. Baqgħet tofroq dan il-mewġ kbir u ma jidhirx ta’ influwenzi tad-dinja t’hawn isfel. L-influwenzi tal-opinjoni pubblika li aktar iddaħħal fil-ħajt milli fil-qalb. U reġgħet il-kanzunetta fakkrittni. Din id-darba imma mhux bil-melodija daqshemm sabiħa u, fl-istess ħin mimlija toqol. “Il-ħajja m’hijiex kollox”. Kif? Għaliex qed tirraġuna hekk? Il-ħajja, int Patri, kif ma tiddefendihiex?

Le ħabib! Tikkundannaniex! Jiena l-ħajja niddefendieha. U niddefendieha bl-għeruq u x-xniexel f’kull stadju tagħha. Li ma niddefendiex hu l-attitudni li wieħed ma jarax l-istampa kollha. Hemm hi, is-sinjorina kanzunetta, li l-awtur tagħha għamlitu famuż. Magħruf. Imlietlu bwietu bil-miljuni. Dawrietu, tista’ tgħid, mal-erbat irjieħ tad-dinja. U, iva, daħħlietu f’ma nafx kemm il-kappella u prayer meeting. Il-kanzunetta tfakkar il-mewta ta’ żgħażugħ ta’ sbatax-il sena. Mewta li kienet inċident traġiku. Li ħallietu mejjet. Imma l-arja tal-mewt, liema arja tiġri ħafna magħna, u, fil-każ tiegħi, ġieli tkun ħa teqlibni fl-Isptar daqs kif tgħaddi minn fuqi, marret tiġri kemm tiflaħ fuq l-awtur, Elton John. Sabitu kif kien, mhux imħejji. Kienet se tifgah. L-għaliex tqila. U toħnoq. Imma l-ħanqa, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fl-arti ta’ dan il-kantant magħruf, ġiet maħtufa mill-kapaċità kbira ta’ dan il-ġenju mużikali. U minn ħanqa saret iva esperjenza ħallieqa. Ta’ tifkira fejn il-ħajja, anki jekk warajha għandha l-background tal-mewt, baqgħet tgħix. U d-dehra tagħha baqgħet ma ċċajpret qatt!

Bħalma qatt m’hu ħa tiċċajpar minn moħħi u qalbi d-dehra tal-persuna li, għal xahrejn sħaħ, kelli l-grazzja nakkumpanja tul il-vjaġġ tagħha minn dan il-wied tad-dmugħ. Liema vjaġġ intemm bl-exultet tas-sema.

It-telfiet li nġarrbu fil-ħajja jgħinuna napprezzawha. U napprezzawha bil-kbir. Meta jkollok ċans idħol iva fuq YOU TUBE u sib il-kanzunetta mill-isbaħ, li hija għal kollox strumentali, ta’ Elton John, Song for Guy. Ismagħha. Ħallieha tinżel sewwa f’għadmek. Ħallieha toqgħod sal-inqas rokna ta’ dak li int. U, jekk toħroġlok demgħa l-għaliex tfakkrek f’xi ħaġa li lilek tnikkitlek qalbek ftakar f’din is-sentenza: “Il-ħajja m’hijiex kollox. U proprju l-għaliex m’hijiex kollox li hija kollox. Il-ħajja, fil-fatt, hija tant kollox li quddiem il-mewt nibqgħu iva nfittxuha. Nibqgħu miftuħa għar-RELAZZJONI!”

O Song for Guy! Kif naqbad infissrek?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading