Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Skwerra mhux figolla!

Skwerra mhux figolla!


Iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tas-Sahra tal-Għid il-Kbir fil-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa kienet l-ewwel waħda għalija. Nista’ ngħid li kienet għalija ta’ mument kbir mimli “bil-grazzja u l-verità” (Ġw 1:14).

Waqt il-funzjoni, li la kienet iċċelebrata bl-għaġla u lanqas b’xi lajma tat-tlikki tlikki, imma skont kemm l-Ispirtu kien qed jagħtina, ħassejtni li ġejt mitmugħ b’ħafna u ħafna tagħlim. It-tberik tan-nar, it-tħabbira tal-Għid, il-liturġija tal-Kelma t’Alla, il-liturġija tat-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija u l-liturġija tal-Ewkaristija Mqaddsa kollha kienu għalija punti ta’ tiġdid. Insomma, bħalma jgħid ir-rakkont dwar il-ħelsien ta’ Ulied Iżrael mill-Eġizzjani, il-Poplu ra, għal darbtejn, qawwet il-Mulej. Beża’ mill-Mulej il-Poplu u nxteħet iqimu. Xi grazzja! Mank li dawn il-festi tal-Għid iwassluna għal dawn il-verbi daqshekk b’saħħithom fil-ħajja spiritwali Nisranija tagħna!

Kemm ħadt gost bl-omelija ħelwa, qasira u, fl-istess ħin, li tmiss il-qalb, li niseġ il-Kappillan, Patri Karmenu Aquilina OFM Cap fis-Sahra tal-Għid il-Kbir. F’mument minnhom Patri Karm qal hekk: “Għal dan il-Għid, aktar minn figolla, ħsibt li nagħtikom qies. Skwerra”. “Biex ġej il-Kappillan?”, dlonk staqsejt lili nnifsi. Tibżgħux! It-tweġiba ħadtha minnufih! U l-Kappillan issokta jgħid: “Fil-vanġelu Ġesù jgħidilna: ‘Agħmel dak li ħaddieħor trid li jagħmel lilek. U tagħmilx dak li ħaddieħor ma tridx li jagħmel lilek’”.

F’dak il-ħin, f’qalbi, għedtlu lill-Kappillan: “Sur Kappillan! Ma stajtx tagħtina kejl isbaħ minnhekk! Iva ħbieb! Irridu nirrikorru għal dan il-kejl li ma jqarraq qatt bina! Darb’oħra Ġesù qalilna ċar u tond: “Bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom” (Mt 7:2). Isimgħu lill-Mulej fl-aqwa diskors li għamel ta’ Mosè l-ġdid li kien! Anzi, ferm aqwa minn Mosè! Ġesù mar fil-qalba tal-liġi kollha: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:18).

Imma xi mħabba qed jitħaddet minnha l-ktieb tal-Levitiku? Ħa nagħtu daqqa t’għajn meta tissemma l-kelma “għajrek” f’dan il-ktieb tal-liġi. “La timteddx mal-mara ta’ għajrek, u hekk titkasbar magħha” (Lev 18:20). “La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu” (Lev 19:13). “Tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:16). “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu” (Lev 19:17). “La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:18).

Il-messaġġ huwa ċar! La tagħmilx adulterju! Tieħux il-mara jew ir-raġel ta’ ħaddieħor! Tisfruttax lill-ħaddiema li tħaddem! Agħtihom dak li hu ħaqqhom! Ibża’ għall-fama ta’ ħuk u oħtok! F’kelma waħda tagħmilx dak li jgħid Salm 41: “Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ; jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena, biex ixandarhom kif joħroġ barra. Dawk kollha li jobogħduni jfesfsu bejniethom kontrija; jaħsbu dak li hu ħażin għalija” (Salm 41:7-8). Tivvendikax ruħek! Tumbra lil ħadd! Anzi! Minflok tumbra wissi! Bħalma jgħidli u jgħidlek Ġesù stess: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan” (Mt 18:15-17). Ah! Kemm għad baqa’ turġien mela sakemm inżomm lil ħija li dineb b’pagan u b’pubblikan! Bil-mod man!

U, biex żgur ma ninsewx minn dan id-dmir li għandna li nwissu lil xulxin b’ħafna ħlewwa u sabar, San Pawl jitkiblu hekk lil Timotju għalija u għalik: “Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2 Tim 4 :1-2).

Il-figolla tgħollilna z-zokkor m’għola s-sema. Imma l-iskwerra ta’ din ix-xorta iġġibna fil-qies tal-Mulej Ġesù innifsu! Għax huwa dan it-tip ta’ ikel li jġibna fil-qies u jagħmilna ta’ nies!

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: